Ġwanni
6 Wara dan, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar* tal-Galilija, jew taʼ Tiberija.+ 2 Imma folla kbira baqgħet sejra warajh, għax kienu qed jaraw is-sinjali li kien qed iwettaq fuq il-morda.+ 3 Għalhekk, Ġesù telaʼ fuq muntanja,+ u hemmhekk qagħad bil-qiegħda mad-dixxipli tiegħu. 4 Issa kien qorob il-Qbiż,+ il-festa tal-Lhud. 5 Għaldaqstant, meta refaʼ għajnejh u ra li kienet ġejja lejh folla kbira, Ġesù qal lil Filippu: “Minfejn se nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”+ 6 Madankollu, kien qed jgħidlu dan bi prova biex jara x’se jgħid, għax hu stess kien jaf x’se jagħmel. 7 Wieġbu Filippu: “Lanqas mitejn dinar* ħobż m’huma biżżejjed għalihom biex kulħadd jieħu ftit.”+ 8 Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì ħu Xmun Pietru, qallu: 9 “Hawn tifel żgħir li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir+ u żewġ ħutiet żgħar. Imma dawn x’inhuma għal dawn in-nies kollha?”+
10 Qal Ġesù: “Qiegħdu lin-nies bil-qiegħda.”+ Issa kien hemm ħafna ħaxix fil-post. Għalhekk, l-irġiel qagħdu bil-qiegħda, u dawn kienu jgħoddu madwar ħamest elef.+ 11 Imbagħad, Ġesù ħa l-ħobż u, wara li radd ħajr, qassmu lil dawk li kienu bil-qiegħda u, bl-istess mod, tahom kemm riedu mill-ħut żgħir.+ 12 U meta xebgħu,+ qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-bċejjeċ li fadal biex ma jinħela xejn.” 13 Għalhekk, ġabruhom u mlew tnax-il qoffa bil-bċejjeċ li tħallew minn dawk li kienu kielu mill-ħames ħobżiet tax-xgħir.+
14 B’hekk, meta raw is-sinjali li wettaq, in-nies bdew jgħidu: “Dan żgur li hu l-profeta+ li kellu jiġi fid-dinja.” 15 Għalhekk, billi kien jaf li kienu ġejjin jaqbduh biex jagħmluh sultan, Ġesù reġaʼ telaq+ għalih waħdu fuq il-muntanja.
16 X’ħin sar fil-għaxija, id-dixxipli tiegħu niżlu ħdejn il-baħar,+ 17 u telgħu fid-dgħajsa biex jaqsmu l-baħar lejn Kafarnahum. Sadanittant kien dalam u Ġesù kien għadu ma ġiex ħdejhom. 18 Ukoll, il-baħar beda jitqawwa għax kien qed jonfoħ riħ qawwi.+ 19 Madankollu, meta kienu qadfu madwar ħames jew sitt kilometri,* lemħu lil Ġesù miexi fuq il-baħar u riesaq lejn id-dgħajsa; u mtlew bil-biżaʼ.+ 20 Imma qalilhom: “Hu jien; tibżgħux!”+ 21 Għalhekk, riedu jtellgħuh fid-dgħajsa, iżda minnufih id-dgħajsa waslet l-art fejn kienu qed jipprovaw imorru.+
22 L-għada, il-folla li kienet wieqfa fuq in-naħa l-oħra tal-baħar rat li ma kienx hemm dgħajjes hemmhekk ħlief waħda żgħira, u li Ġesù ma kienx telaʼ fid-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu imma li d-dixxipli biss kienu telqu; 23 u waslu xi dgħajjes żgħar minn Tiberija ħdejn il-post fejn kielu l-ħobż wara li l-Mulej kien radd ħajr. 24 Għalhekk, meta n-nies raw li la Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu ma kienu hemmhekk, telgħu fuq dawn id-dgħajjes u marru Kafarnahum ifittxu+ lil Ġesù.
25 Imbagħad, meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar, qalulu: “Rabbi,+ meta ġejt hawnhekk?” 26 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Intom mhux qed tfittxuni għax rajtu s-sinjali imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu.+ 27 Taħdmux għall-ikel li jintemm+ imma għall-ikel li jibqaʼ għall-ħajja taʼ dejjem,+ li jagħtikom Bin il-bniedem; għax lil dan, il-Missier, iva, Alla, immarkah bis-siġill taʼ l-approvazzjoni tiegħu.”+
28 Għalhekk, qalulu: “Xi rridu nagħmlu biex inwettqu l-għemejjel t’Alla?” 29 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Dan hu l-għemil t’Alla, li teżerċitaw il-fidi+ f’dak li Hu bagħat.”+ 30 Għalhekk, qalulu: “Allura, x’sinjal qed twettaq,+ sabiex narawh u nemmnuk? X’għemil qed tagħmel? 31 Missirijietna kielu l-manna+ fix-xagħri, bħalma hu miktub, ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema.’”+ 32 Għaldaqstant, Ġesù qalilhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Mosè ma takomx il-ħobż mis-sema, imma Missieri jagħtikom il-ħobż veru mis-sema.+ 33 Għax il-ħobż t’Alla hu dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.” 34 Għalhekk, qalulu: “Mulej, agħtina dejjem dan il-ħobż.”+
35 Qalilhom Ġesù: “Jien il-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi żgur ma jaqbdux ġuħ, u min jeżerċita l-fidi fija żgur li qatt ma jaqbdu għatx.+ 36 Imma jien għedtilkom, Intom saħansitra rajtuni u xorta ma temmnux.+ 37 Dawk kollha li jagħtini l-Missier jiġu għandi, u min jiġi għandi żgur ma nkeċċihx;+ 38 għax jien ma nżiltx mis-sema+ biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma r-rieda taʼ dak li bagħatni.+ 39 Din hi r-rieda taʼ dak li bagħatni, li ma nitlef lil ħadd minn dawk kollha li tani imma li nirxoxtah+ fl-aħħar jum. 40 Għax din hi r-rieda taʼ Missieri, li kulmin jara lill-Iben u jeżerċita l-fidi fih ikollu l-ħajja taʼ dejjem,+ u jien nirxoxtah fl-aħħar jum.”+
41 Għalhekk, il-Lhud bdew igergru għalih għax qal: “Jien il-ħobż li niżel mis-sema”;+ 42 u bdew jgħidu:+ “Dan mhux Ġesù bin Ġużeppi,+ u lil missieru u lil ommu ma nafuhomx? Issa kif qed jgħid, ‘Inżilt mis-sema’?” 43 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Tibqgħux tgergru bejnietkom. 44 Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux+ il-Missier li bagħatni; u jien nirxoxtah fl-aħħar jum.+ 45 Hu miktub fil-Profeti, ‘U lkoll ikunu mgħallmin minn Ġeħova.’+ Kulmin semaʼ mingħand il-Missier u tgħallem, jiġi għandi.+ 46 Mhux għax xi ħadd ra lill-Missier,+ ħlief dak li hu minn Alla; dan rah lill-Missier.+ 47 Tassew, tassew, ngħidilkom, Min jemmen għandu l-ħajja taʼ dejjem.+
48 “Jien il-ħobż+ tal-ħajja. 49 Missirijietkom kielu l-manna+ fix-xagħri u xorta mietu. 50 Dan hu l-ħobż li jinżel mis-sema, sabiex kulmin jiekol minnu ma jmutx. 51 Jien il-ħobż ħaj li niżel mis-sema; jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem; u, fil-fatt, il-ħobż li se nagħti hu laħmi+ għall-ħajja tad-dinja.”+
52 Għalhekk, il-Lhud bdew jiġġieldu bejniethom u jgħidu: “Kif jistaʼ dan ir-raġel jagħtina laħmu biex nikluh?” 53 Għaldaqstant, Ġesù qalilhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Jekk ma tiklux il-laħam+ taʼ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu,+ m’għandkom ebda ħajja+ fikom infuskom. 54 Min jiekol laħmi u jixrob demmi għandu l-ħajja taʼ dejjem, u jien nirxoxtah+ fl-aħħar jum; 55 għax laħmi hu ikel veru, u demmi xorb veru. 56 Min jiekol laħmi u jixrob demmi jibqaʼ f’unjoni miegħi, u jien f’unjoni miegħu.+ 57 Bħalma bagħatni l-Missier li hu ħaj+ u jien ngħix minħabba l-Missier, anki min jiekol minni, dan ukoll jgħix minħabba fija.+ 58 Dan hu l-ħobż li niżel mis-sema. M’huwiex bħal meta missirijietkom kielu u mietu xorta waħda. Min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.”+ 59 Dan qalu waqt li kien qed jgħallem pubblikament f’assemblea f’Kafarnahum.
60 Għalhekk, meta semgħu dan, ħafna mid-dixxipli tiegħu qalu: “Dan id-diskors ikexkxek; min jiflaħ jisimgħu?”+ 61 Imma, peress li kien jaf li d-dixxipli tiegħu kienu qed igergru dwar dan, Ġesù qalilhom: “Ifixkilkom+ dan? 62 Mela, x’tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tielaʼ fejn kien qabel?+ 63 Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja;+ il-laħam ma jiswa għal xejn. Il-kliem li għedtilkom hu spirtu+ u ħajja.+ 64 Imma hemm xi wħud minnkom li ma jemmnux.” Għax sa mill-bidu Ġesù kien jaf min kienu dawk li ma jemmnux u min kien dak li kellu jittradih.+ 65 Imbagħad, kompla jgħidilhom: “Huwa għalhekk li għedtilkom, Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jingħatalux mill-Missier.”+
66 Minħabba dan, ħafna mid-dixxipli tiegħu marru lura lejn dak li ħallew warajhom+ u ma baqgħux mexjin warajh.+ 67 Għalhekk, Ġesù qal lit-tnax: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” 68 Wieġbu Xmun Pietru:+ “Mulej, għand min tridna mmorru?+ Int għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem;+ 69 u aħna emminna u sirna nafu li int il-Qaddis t’Alla.”+ 70 Wiġibhom Ġesù: “Lilkom it-tnax mhux jien stess għażiltkom?+ Madankollu, wieħed minnkom hu kalunnjatur.”*+ 71 Fil-fatt, kien qed jitkellem dwar Ġuda, bin Xmun l-Iskarjota, għax kien se jittradih,+ għalkemm kien wieħed mit-tnax.