L-Ewwel Ittra taʼ Pietru
2 Għalhekk neħħu kull ħażen, qerq, ipokrisija, għira, u malafama. 2 Bħal trabi tat-twelid li jixxennqu għall-ħalib t’ommhom, intom ukoll għandkom tixxennqu biex tfittxu l-kelma vera t’Alla, li hi bħal ħalib pur, ħalli timmaturaw u ssalvaw. 3 Dan għax intom esperjenzajtu* l-qalb tajba tal-Mulej.
4 In-nies warrbu l-Mulej li hu l-ġebla ħajja, imma Alla għażlu u qiesu prezzjuż. Meta tersqu lejh, 5 intom tkunu ġebel ħaj li qed tinbnew f’dar spiritwali biex tkunu qassisin qaddisa. B’hekk toffru sagrifiċċji spiritwali li Alla jaċċetta permezz taʼ Ġesù Kristu. 6 Għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Jien qed inqiegħed ġebla magħżula f’Sijon, l-iktar ġebla importanti* u prezzjuża tal-pedament, u kull min juri li għandu fidi fiha mhux se jkun iddiżappuntat.”*
7 Għalhekk, għalikom hu prezzjuż, għax intom temmnu; imma għal dawk li ma jemmnux, l-Iskrittura tgħid, “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini,” 8 u “ġebla li tfixkel lin-nies u blata li ġġegħelhom iħossuhom offiżi.” Huma jitfixklu għax ma jobdux il-kelma. Fil-fatt, ġie pprofetizzat li kien se jiġrilhom hekk. 9 Imma intom “nies magħżula, qassisin li taqdu bħala rejiet, ġens qaddis, u poplu speċjali. Intom ġejtu magħżulin biex ixxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet tal-għaġeb” t’Alla li għajtilkom minn ġod-dlam u laqagħkom fid-dawl mill-isbaħ tiegħu. 10 Għax xi darba ma kontux poplu, imma issa l-poplu t’Alla; xi darba ma ntwerejtux ħniena, imma issa qed tintwerew ħniena.
11 Maħbubin, bħala barranin u residenti temporanji, ninkuraġġikom biex tibqgħu tirrifjutaw xewqat ħżiena. Dawn qegħdin bħallikieku jiġġieldu kontrikom.* 12 Ibqgħu ġibu ruħkom sew quddiem il-popli, ħalli meta jakkużawkom li intom nies ħżiena, ikunu jistgħu jaraw it-tajjeb li tagħmlu, u b’hekk jigglorifikaw lil Alla dakinhar li jeżamina n-nies.
13 Agħmlu dak li jixtieq il-Mulej billi tkunu sottomessi lejn kull awtorità magħmula mill-bniedem, kemm jekk ikun re, li hu superjuri minnkom, 14 u kemm jekk ikun gvernatur, li jkun intbagħat minnu biex jikkastiga lill-ħżiena u biex ifaħħar lil dawk li jagħmlu t-tajjeb. 15 Għax Alla jrid li tagħmlu t-tajjeb, ħalli tagħlqu ħalq dawk li jitkellmu bla sens u li mhumiex raġonevoli. 16 Kunu nies liberi u għixu bħala poplu li jaqdi lil Alla, imma tużawx il-libertà tagħkom bħala skuża biex tagħmlu l-ħażin.* 17 Irrispettaw lil kull tip taʼ nies, ħobbu lill-aħwa kollha, uru rispett kbir lejn* Alla, u onoraw lir-re.
18 Il-qaddejja għandhom ikunu sottomessi lejn is-sidien tagħhom u juruhom ir-rispett li ħaqqhom. Dan m’għandhomx jagħmluh maʼ dawk li huma tajbin u raġonevoli biss, imma anki maʼ dawk li huma diffiċli biex tikkuntentahom. 19 Alla jieħu pjaċir meta xi ħadd jissaporti d-diffikultajiet u jbati minkejja li ma jkunx ħati biex ikollu kuxjenza nadifa quddiemu. 20 Għax x’jiswa jekk tiġu msawtin talli dnibtu u tissaportu? Imma Alla jieħu pjaċir jekk tissaportu t-tbatija talli għamiltu t-tajjeb.
21 Fil-fatt, għalhekk ġejtu magħżulin, għax anki Kristu bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timitawh kemm jistaʼ jkun.* 22 Hu m’għamilx dnub, u ma qal xejn biex iqarraq. 23 Meta għajruh, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda f’Dak li jiġġudika bil-ġustizzja. 24 Hu ġarr id-dnubiet tagħna meta ġismu ġie msammar maz-zokk,* biex ninħelsu mid-dnubiet* u biex ngħixu ħalli nagħmlu dak li hu ġust. U l-Iskrittura tgħid, “Bil-feriti tiegħu ġejtu mfejqin.” 25 Għax kontu bħal nagħaġ mitlufin; imma issa ġejtu lura għand ir-ragħaj u l-wieħed li jieħu ħsiebkom.*