LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bi12 1 Korintin 1:1-16:24
  • L-​Ewwel lill-​Korintin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-​Ewwel lill-​Korintin
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
L-​Ewwel lill-​Korintin

L-​Ewwel lill-​Korintin

1 Pawlu, imsejjaħ biex ikun appostlu+ taʼ Ġesù Kristu bir-​rieda t’Alla,+ u Sostene,+ ħuna, 2 lill-kongregazzjoni t’Alla li qiegħda f’Korintu,+ lilkom li tqaddistu+ f’unjoni maʼ Kristu Ġesù, imsejħin biex tkunu qaddisin,+ flimkien maʼ dawk kollha li kullimkien qed isejħu isem+ il-​Mulej tagħna, Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħhom u tagħna:+

3 Qalb tajba mhix mistħoqqa+ u paċi+ lilkom mingħand Alla Missierna u l-​Mulej Ġesù Kristu.+

4 Jien dejjem nirringrazzja lil Alla għalikom minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa+ t’Alla li ntwerejtu fi Kristu Ġesù,+ 5 li fih ġejtu mogħnijin+ f’kollox, f’abbiltà sħiħa biex titkellmu u f’għarfien sħiħ,+ 6 saħansitra bħalma x-​xiehda dwar il-​Kristu+ ntgħamlet soda fostkom, 7 sabiex ma tonqsu fl-​ebda għotja,+ waqt li qed tistennew bil-​ħerqa r-​rivelazzjoni+ tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu. 8 Hu jissodakom+ ukoll sat-​tmiem biex tkunu bla akkuża+ f’jum+ il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.+ 9 Alla hu leali,+ u sejħilkom biex tieħdu sehem+ maʼ Ibnu Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħna.

10 Issa nħeġġiġkom,+ ħuti, f’isem+ il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu, biex ilkoll titkellmu fi qbil+ u ma jkunx hemm firdiet+ fostkom, imma tkunu magħqudin kif jixraq b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed.+ 11 Għax, ħuti, dawk tad-​dar taʼ Kloe qaluli+ dwarkom li hemm it-​tilwim fostkom. 12 Li rrid infisser hu dan, li kull wieħed minnkom jgħid: “Jien taʼ Pawlu,” “Imma jien t’Apollo,”+ “Imma jien taʼ Kefa,” “Imma jien taʼ Kristu.” 13 Il-Kristu jeżisti mifrud.+ Ma kienx Pawlu li ssammar maʼ zokk għalikom, hux hekk? Jew kien f’isem Pawlu li tgħammidtu?+ 14 Jien grat li m’għammidt lil ħadd minnkom ħlief lil Krispu+ u lil Gaju,+ 15 u b’hekk ħadd ma jistaʼ jgħid li tgħammidtu f’ismi. 16 Iva, jien għammidt ukoll lin-​nies taʼ dar Stefanas.+ Mill-​bqija, ma nafx jekk għammidtx lil xi ħadd ieħor. 17 Kristu ma bagħatnix+ biex ngħammed imma biex inxandar l-​aħbar tajba, mhux bi kliem t’għerf,+ sabiex iz-​zokk tat-​tortura tal-​Kristu ma jsirx bla siwi.

18 Għax il-​kliem dwar iz-​zokk tat-​tortura hu bluha+ għal dawk li qed jinqerdu,+ imma għalina li qed niġu salvati+ hu l-​qawwa t’Alla.+ 19 Għax hu miktub: “Inġiegħel l-​għerf taʼ l-​għorrief jgħib,+ u nwarrab+ l-​intelliġenza taʼ l-​intellettwali.”+ 20 Fejn hu l-​għaref? Fejn hu l-​iskriba?+ Fejn hu dak li jiddibatti+ f’din is-​sistema?+ Jaqaw Alla m’għamlux iblah+ l-​għerf tad-​dinja? 21 Għax ladarba, fl-​għerf t’Alla, id-​dinja bl-​għerf tagħha+ ma saritx tafu lil Alla,+ Alla raha ħaġa tajba li jsalva lil dawk li jemmnu permezz tal-​bluha+ taʼ dak li jiġi pridkat.

22 Għax il-​Lhud jitolbu s-​sinjali+ u l-​Griegi jfittxu l-​għerf;+ 23 iżda aħna nippridkaw lil Kristu msammar maʼ zokk,+ tfixkil+ għal-​Lhud imma bluha+ għall-​ġnus; 24 madankollu, għal dawk li huma msejħin, kemm Lhud u kemm Griegi, Kristu hu l-​qawwa+ t’Alla u l-​għerf+ t’Alla. 25 Għax dik li qisha bluha t’Alla hi għarfa iktar mill-​bnedmin, u dik li qisha dgħjufija t’Alla hi b’saħħitha iktar mill-​bnedmin.+

26 Ħuti, tistgħu taraw mis-​sejħa tagħkom stess li Alla ma sejjaħx+ ħafna għorrief+ skond il-​laħam, jew ħafna li huma setgħanin,+ jew ħafna li huma taʼ twelid nobbli; 27 imma Alla għażel lill-​boloh tad-​dinja+ biex lill-​għorrief iġegħelhom jistħu; u Alla għażel lid-​dgħajfin tad-​dinja biex lil dawk b’saħħithom iġegħelhom jistħu;+ 28 u Alla għażel lil dawk li huma bla ġieħ fid-​dinja u lil dawk li huma mmaqdrin, lil dawk li ma jeżistux,+ biex iġib fix-​xejn+ lil dawk li jeżistu, 29 sabiex l-​ebda laħam ma jiftaħar+ quddiem Alla. 30 Imma hu bis-​saħħa tiegħu li intom qegħdin f’unjoni maʼ Kristu Ġesù, li sar għalina għerf+ mingħand Alla, ukoll ġustizzja+ u taqdis+ u ħelsien b’fidwa;+ 31 biex ikun bħalma hu miktub: “Min jiftaħar, ħa jiftaħar b’Ġeħova.”+

2 Għalhekk, meta ġejt għandkom, ħuti, ma ġejtx inxandrilkom is-​sigriet sagru+ t’Alla b’xi superjorità taʼ diskors+ jew t’għerf. 2 Għax iddeċidejt li fostkom ma nkun naf xejn ħlief lil Ġesù Kristu,+ u lilu msammar maʼ zokk. 3 U ġejt għandkom bid-​dgħjufija u bil-​biżaʼ u b’ħafna tregħid;+ 4 u dak li għedt u ppridkajt ma kienx bi kliem persważiv t’għerf imma b’turija taʼ l-​ispirtu u l-​qawwa,+ 5 biex il-​fidi tagħkom ma tkunx fl-​għerf+ tal-​bnedmin, imma fil-​qawwa t’Alla.+

6 Issa aħna nitkellmu l-​għerf fost dawk li huma maturi,+ imma mhux l-​għerf+ taʼ din is-​sistema u lanqas dak tal-​ħakkiema tagħha+ li għad jiġu fix-​xejn.+ 7 Imma nitkellmu l-​għerf t’Alla f’sigriet sagru,+ l-​għerf moħbi, li Alla ddetermina minn qabel għall-​glorja tagħna qabel m’eżistew is-​sistemi.+ 8 Ħadd mill-​ħakkiema+ taʼ din is-​sistema ma sar jaf dan l-​għerf,+ għax kieku kienu jafuh ma kinux isammru maʼ zokk+ lill-​Mulej glorjuż. 9 Imma bħalma hu miktub: “Għajn ma ratx u widna ma semgħetx, lanqas ma tnissel f’qalb il-​bniedem dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh.”+ 10 Alla rrivelah+ lilna permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu,+ għax l-​ispirtu+ jgħarbel kollox, saħansitra l-​affarijiet profondi+ t’Alla.

11 Għax min fost il-​bnedmin jaf l-​affarijiet taʼ bniedem ħlief l-​ispirtu+ tal-​bniedem li hemm fih? Hekk, ukoll, ħadd ma sar jaf l-​affarijiet t’Alla, ħlief l-​ispirtu+ t’Alla. 12 Issa aħna ma rċivejniex l-​ispirtu+ tad-​dinja, imma l-​ispirtu+ li ġej mingħand Alla, biex inkunu nafu dak li ngħatalna b’qalb tajba minn Alla.+ 13 U bl-​istess mod dan ma nitkellmuhx bi kliem mgħallem mill-​għerf tal-​bniedem,+ imma bi kliem mgħallem mill-​ispirtu,+ hekk kif ngħaqqdu affarijiet spiritwali maʼ kliem spiritwali.+

14 Imma bniedem fiżiku ma jilqax l-​affarijiet taʼ l-​ispirtu t’Alla, għax huma bluha għalih; u ma jistax isir jafhom,+ għax jiġu mistħarrġin spiritwalment. 15 Madankollu, il-​bniedem spiritwali+ jistħarreġ kollox, imma hu nnifsu ma jiġi mistħarreġ+ minn ebda bniedem. 16 Għax “min sar jaf moħħ Ġeħova+ biex ikun jistaʼ jgħallmu?”+ Imma aħna għandna l-​moħħ+ taʼ Kristu.

3 Għalhekk, ħuti, ma stajtx inkellimkom bħala bnedmin spiritwali,+ imma bħala bnedmin tal-​laħam, bħala tfal ċkejknin+ fi Kristu. 2 Tajtkom il-​ħalib, mhux xi ħaġa x’tieklu,+ għax ma kontux b’saħħitkom biżżejjed. Fil-​fatt, lanqas issa m’intom b’saħħitkom biżżejjed,+ 3 għax għadkom tal-​laħam.+ Ladarba hemm l-​għira u l-​ġlied fostkom,+ m’intomx turu li intom tal-​laħam u mexjin bħalma jimxu l-​bnedmin?+ 4 U meta xi ħadd jgħid: “Jien taʼ Pawlu,” u ieħor jgħid: “Jien t’Apollo,”+ m’intomx turu li intom sempliċement bnedmin?

5 Allura, x’inhu Apollo?+ Iva, x’inhu Pawlu? Ministri+ li permezz tagħhom sirtu temmnu, skond ma ta l-​Mulej lil kull wieħed minnhom. 6 Jien ħawwilt,+ Apollo saqqa,+ imma Alla baqaʼ jkabbar;+ 7 u b’hekk, la min iħawwel+ u lanqas min isaqqi m’hu xejn, imma Alla li jkabbar.+ 8 Issa min iħawwel u min isaqqi huma ħaġa waħda,+ imma kull wieħed jirċievi l-​premju tiegħu skond il-​ħidma tiegħu.+ 9 Għax aħna ħaddiema sħab m’Alla.+ Intom l-​għalqa t’Alla li qed tiġi kultivata,+ il-​bini t’Alla.+

10 Skond il-​qalb tajba mhix mistħoqqa+ t’Alla li ntwerejt u bħala direttur għaref tax-​xogħol jien qegħedt il-​pedament,+ imma ħaddieħor qed jibni fuqu. Imma ħa joqgħod attent kull wieħed kif qed jibni fuqu.+ 11 Għax ebda bniedem ma jistaʼ jqiegħed pedament ieħor+ ħlief dak li tqiegħed, li hu Ġesù Kristu.+ 12 Issa jekk xi ħadd jibni fuq il-​pedament deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben,* 13 ix-xogħol taʼ kull wieħed għad jidher, għax il-​jum jikxfu, peress li jiġi rivelat permezz tan-​nar;+ u n-​nar stess juri x’tip hu x-​xogħol taʼ kull wieħed. 14 Jekk xi ħadd jibni fuq il-​pedament xogħol li jibqaʼ,+ jirċievi premju;+ 15 jekk ix-​xogħol taʼ xi ħadd jinħaraq, dan ibati l-​ħsara, imma hu nnifsu jiġi salvat;+ iżda jkun qisu ġie salvat permezz tan-​nar.+

16 Ma tafux li intom it-​tempju t’Alla,+ u li l-​ispirtu t’Alla jgħammar fikom?+ 17 Jekk xi ħadd jeqred it-​tempju t’Alla, Alla jeqred lilu;+ għax it-​tempju t’Alla hu qaddis,+ u dan it-​tempju+ hu intom.+

18 Ħalli ħadd ma jqarraq bih innifsu: Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref+ f’din is-​sistema, ħa jsir iblah sabiex isir għaref.+ 19 Għax l-​għerf taʼ din id-​dinja hu bluha għal Alla;+ għax hu miktub: “Hu jaqbad lill-​għorrief fil-​makakkerija tagħhom stess.”+ 20 U jerġaʼ: “Ġeħova jaf li l-​irraġunar taʼ l-​għorrief hu fieragħ.”+ 21 Għaldaqstant ħalli ħadd ma jiftaħar bil-​bnedmin; għax kollox hu tagħkom,+ 22 kemm jekk Pawlu jew Apollo+ jew Kefa jew id-​dinja jew il-​ħajja jew il-​mewt jew l-​affarijiet t’issa jew l-​affarijiet li għad iridu jiġu,+ kollox hu tagħkom; 23 mill-banda l-​oħra, intom taʼ Kristu;+ u Kristu hu t’Alla.+

4 Ħa jistmawna l-​bnedmin bħala qaddejja taħt l-​awtorità+ taʼ Kristu u prokuraturi+ tas-​sigrieti sagri+ t’Alla. 2 Jerġaʼ, f’dan il-​każ, dak li hu mistenni mill-​prokuraturi+ hu li jkunu leali.+ 3 Issa għalija hi ħaġa żgħira ferm li niġi mistħarreġ minnkom jew minn tribunal tal-​bnedmin.+ Lanqas jien ma nistħarreġ lili nnifsi. 4 Għax il-​kuxjenza tiegħi hi nadifa f’kollox.+ Iżda dan ma jurix li jien ġust, imma dak li jistħarriġni hu Ġeħova.+ 5 Għalhekk, tiġġudikaw+ xejn qabel il-​waqt, sakemm jiġi l-​Mulej,+ li jġib għad-​dawl+ is-​sigrieti tad-​dlam u jikxef l-​iskopijiet tal-​qlub,+ u mbagħad kull wieħed jieħu t-​tifħir tiegħu mingħand Alla.+

6 Issa, ħuti, dan kollu dawwartu biex japplika għalija u għal Apollo+ għall-​ġid tagħkom, biex mill-​każ tagħna titgħallmu r-​regola: “Tmorrux lil hinn minn dak li hemm miktub,”+ sabiex ħadd minnkom ma jintefaħ+ favur wieħed u kontra l-​ieħor.+ 7 Għax min jagħmlek biex tkun differenti+ minn ħaddieħor? Tabilħaqq, x’għandek li ma rċivejtx?+ Issa, jekk int tabilħaqq irċivejtu,+ għala tiftaħar+ bħallikieku ma rċivejtux?

8 Diġà għandkom bix-​xabaʼ, hux hekk? Diġà stagħnejtu, hux tassew?+ Bdejtu ssaltnu+ mingħajrna, hux hekk? Tassew, nixtieq li bdejtu ssaltnu sabiex aħna wkoll inkunu nistgħu nsaltnu magħkom.+ 9 Għax jidhirli li lilna l-​appostli, Alla poġġiena l-​aħħar fil-​wirja+ bħala nies kundannati għall-​mewt+ għax sirna spettaklu teatrali+ għad-​dinja, għall-​anġli,+ u għall-​bnedmin.+ 10 Aħna boloh+ minħabba Kristu, imma intom għaqlin+ fi Kristu; aħna dgħajfin,+ imma intom b’saħħitkom;+ intom għandkom isem tajjeb,+ imma aħna qegħdin fid-​diżunur.+ 11 S’issa stess għadna bil-​ġuħ+ u anki bil-​għatx+ u bilkemm għandna x’nilbsu+ u niġu trattati ħażin*+ u m’għandniex fejn noqogħdu+ 12 u nitħabtu,+ billi naħdmu b’idejna stess.+ Meta jgħajruna, inbierku;+ meta jippersegwitawna, nissaportu;+ 13 meta jimmalafamawna, nitolbu bil-​ħrara;+ sirna bħall-​iskart tad-​dinja, l-​irmixk taʼ kollox, s’issa.+

14 Mhux qed niktbilkom dan biex inġegħelkom tistħu, imma biex inwiddibkom bħala wliedi maħbubin.+ 15 Għax anki jekk ikollkom għaxart elef għalliem*+ fi Kristu, żgur m’għandkomx ħafna missirijiet;+ għax fi Kristu Ġesù jien sirt missierkom permezz taʼ l-​aħbar tajba.+ 16 Għaldaqstant nitlobkom bil-​ħrara: imitaw lili.+ 17 Huwa għalhekk li qed nibagħtilkom lil Timotju,+ għax hu ibni+ maħbub u leali fil-​Mulej; u jfakkarkom fil-​metodi tiegħi fis-​servizz lil Kristu Ġesù,+ bħalma qed ngħallem kullimkien f’kull kongregazzjoni.

18 Xi wħud intefħu+ bħallikieku ma kontx ġej għandkom. 19 Imma jien dalwaqt ġej għandkom, jekk hi r-​rieda taʼ Ġeħova,+ u nkun naf mhux biss id-​diskors taʼ dawk li ntefħu imma wkoll il-​qawwa tagħhom. 20 Għax is-​saltna t’Alla mhix qiegħda fid-​diskors, imma fil-​qawwa.+ 21 Xi tridu? Niġi għandkom bil-​ħatar,+ jew bl-​imħabba u bi spirtu taʼ ħlewwa?+

5 Fil-fatt, sar magħruf li hemm iż-​żína+ fostkom, u tip taʼ żína li lanqas saħansitra fost il-​ġnus ma teżisti: li raġel jieħu l-​mara taʼ missieru.+ 2 U qed tintefħu?+ Mhux aħjar titnikktu+ biex il-​bniedem li wettaq dan l-​għemil jitneħħa minn fostkom?+ 3 Ngħid għalija, għalkemm m’iniex preżenti fil-​ġisem imma preżenti fl-​ispirtu, diġà ġġudikajt+ lir-​raġel li aġixxa b’dan il-​mod daqslikieku kont preżenti, 4 sabiex f’isem il-​Mulej tagħna Ġesù, meta tkunu miġburin flimkien maʼ l-​ispirtu tiegħi bil-​qawwa tal-​Mulej tagħna Ġesù,+ 5 tagħtu lil dan il-​bniedem f’idejn Satana+ għall-​qerda tal-​laħam, sabiex l-​ispirtu+ jiġi salvat f’jum il-​Mulej.+

6 M’għandkomx raġuni tajba biex tiftaħru.+ Ma tafux li ftit ħmira tħemmer+ l-​għaġna kollha?+ 7 Neħħu l-​ħmira l-​qadima biex tkunu għaġna ġdida,+ ħelsin minn kulma jiffermenta. Għax Kristu,+ il-​Qbiż tagħna,+ ġie sagrifikat.+ 8 Għaldaqstant ħa nosservaw il-​festa,+ mhux bi ħmira qadima,+ lanqas bi ħmira+ taʼ ħażen u aġir mill-​agħar,+ imma b’ħobż bla ħmira taʼ sinċerità u verità.+

9 Fl-ittra tiegħi ktibtilkom biex ma tibqgħux tagħmluha maż-​żienja. 10 Dan ma jfissirx li tinqatgħu għalkollox miż-​żienja+ taʼ din id-​dinja+ jew mir-​rgħiba u l-​imbroljuni jew l-​idolatri. Inkella jkollkom toħorġu mid-​dinja.+ 11 Imma issa qed niktbilkom biex ma tibqgħux tagħmluha+ maʼ min jissejjaħ ħu iżda jkun żieni jew rgħib+ jew idolatra jew żeblieħi jew sakranazz+ jew imbroljun; lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan. 12 Għax x’għandi x’naqsam maʼ li niġġudika lil dawk taʼ barra?+ Intom mhux lil dawk taʼ ġewwa tiġġudikaw,+ 13 waqt li Alla jiġġudika lil dawk taʼ barra?+ “Neħħu lill-​bniedem mill-​agħar minn fostkom.”+

6 Hemm xi ħadd minnkom li jkollu każ+ kontra xi ħadd ieħor u jażżarda jmur il-​qorti quddiem bnedmin inġusti+ u mhux quddiem il-​qaddisin?+ 2 Jew ma tafux li l-​qaddisin se jiġġudikaw+ lid-​dinja?+ U jekk id-​dinja għad trid tiġi ġudikata minnkom, m’intomx kapaċi tiġġudikaw kwistjonijiet żgħar ferm?+ 3 Ma tafux li se niġġudikaw lill-​anġli?+ Allura, għala ma niġġudikawx ukoll kwistjonijiet taʼ din il-​ħajja? 4 Mela, jekk għandkom xi kwistjonijiet taʼ din il-​ħajja li jridu jiġu ġudikati,+ se tqiegħdu bħala mħallfin+ lill-​bnedmin li huma mwarrbin mill-​kongregazzjoni? 5 Qed nitkellem biex inġegħelkom tistħu.+ Jaqaw m’hemmx bniedem wieħed fostkom li hu għaref+ u kapaċi jiġġudika l-​kwistjonijiet taʼ bejn ħutu? 6 Minflok, l-​aħwa qed itellgħu lil xulxin il-​qorti, u dan quddiem nies li ma jemmnux.+

7 Għalhekk, mela, dan ifisser telfa sħiħa għalikom li qed tiftħu kawżi l-​qorti+ kontra xulxin. Minflok għax ma tħallux min jonqoskom?+ Għax ma tħallux min jimbroljakom?+ 8 Għall-kuntrarju, intom qed tonqsu u timbroljaw, u dan qed tagħmluh lil ħutkom stess.+

9 X’inhu! Ma tafux li l-​inġusti ma jirtux is-​saltna t’Alla?+ Titqarrqux. La ż-​żienja,+ la l-​idolatri,+ la l-​adulteri,+ la l-​irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali,+ la l-​irġiel li jimteddu maʼ l-​irġiel,+ 10 la l-​ħallelin, la r-​rgħiba,+ la s-​sakranazzi,+ la ż-​żeblieħa, lanqas l-​imbroljuni ma jirtu s-​saltna t’Alla.+ 11 U madankollu, hekk kienu xi wħud minnkom.+ Imma ġejtu maħsulin,+ imma ġejtu mqaddsin,+ imma ġejtu dikjarati ġusti+ f’isem il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu+ u bl-​ispirtu t’Alla tagħna.+

12 Kollox hu permess għalija; iżda mhux kollox hu vantaġġuż.+ Kollox hu permess+ għalija; iżda ma nħalli l-​ebda ħaġa jkollha awtorità fuqi.+ 13 L-ikel hu għaż-​żaqq, u ż-​żaqq għall-​ikel;+ imma Alla se jġibhom it-​tnejn fix-​xejn.+ Issa l-​ġisem m’huwiex għaż-​żína, iżda għall-​Mulej;+ u l-​Mulej hu għall-​ġisem.+ 14 Imma Alla qajjem lill-​Mulej+ u se jqajjem lilna wkoll mill-​mewt+ bil-​qawwa tiegħu.+

15 Ma tafux li l-​iġsma tagħkom huma membri+ taʼ Kristu?+ Allura, se nieħu jien lill-​membri tal-​Kristu u nagħmilhom membri taʼ prostituta?+ Jalla qatt ma jkun dan! 16 X’inhu! Ma tafux li min jingħaqad maʼ prostituta jkun ġisem wieħed magħha? Għax jgħid: “It-​tnejn ikunu ġisem wieħed.”+ 17 Imma min jingħaqad mal-​Mulej hu spirtu+ wieħed+ miegħu. 18 Aħarbu miż-​żína.+ Kull dnub ieħor li jagħmel il-​bniedem hu ’l barra minn ġismu, imma min jipprattika ż-​żína qed jidneb kontra ġismu stess.+ 19 X’inhu! Ma tafux li ġisimkom hu t-​tempju+ taʼ l-​ispirtu qaddis li hemm fikom+ u li rċivejtu mingħand Alla? Ukoll, m’intomx tagħkom infuskom,+ 20 għax kontu mixtrijin bi prezz.+ Għalhekk, igglorifikaw lil Alla+ f’ġisimkom.+

7 Issa rigward l-​affarijiet li ktibtuli dwarhom, hu sewwa li raġel ma jmissx+ mara; 2 iżda, minħabba li ż-​żína+ hi mifruxa ħafna, ħa jkollu kull raġel lil martu+ u kull mara lil żewġha. 3 Ir-raġel ħa jagħti lil martu dak li jmissha;+ u l-​mara wkoll tagħmel l-​istess lil żewġha.+ 4 Il-mara m’għandhiex awtorità fuq ġisimha, iżda żewġha għandu;+ hekk ukoll ir-​raġel m’għandux awtorità fuq ġismu, iżda martu għandha.+ 5 Iċċaħħdux lil xulxin minn dan,+ ħlief għal żmien stabbilit+ għax tkunu ftehemtu bejnietkom biex tiddedikaw ħin għat-​talb, u mbagħad terġgħu tingħaqdu sabiex Satana ma joqgħodx jittantakom+ għax ma tkunux tifilħu żżommu.+ 6 Madankollu, ħudu dan il-​parir bħala permess+ mhux bħala kmand.+ 7 Għax nixtieq li l-​bnedmin kollha kienu bħali.+ Minkejja dan, kull wieħed għandu l-​għotja tiegħu+ mingħand Alla, min mod u min ieħor.

8 Issa lil dawk li m’humiex miżżewġin+ u lir-​romol ngħidilhom li jkun sewwa għalihom li jibqgħu bħali.+ 9 Imma jekk m’għandhomx rażna,+ ħa jiżżewġu, għax aħjar jiżżewġu+ milli jinħarqu bil-​passjoni.+

10 Lill-miżżewġin nagħtihom l-​istruzzjoni, madankollu mhux jien imma l-​Mulej,+ li l-​mara m’għandhiex tinfired minn żewġha;+ 11 imma jekk tinfired, ħa tibqaʼ ma tiżżewwiġx, inkella terġaʼ tirranġa maʼ żewġha; u r-​raġel m’għandux jitlaq lil martu.

12 Imma lill-​oħrajn ngħidilhom, iva, jien, mhux il-​Mulej:+ Jekk xi ħu għandu martu li ma temminx, iżda din taqbel li tgħammar miegħu, ħa ma jitlaqhiex; 13 u l-​mara li għandha żewġha li ma jemminx, iżda dan jaqbel li jgħammar magħha, ħa ma titlaqx lil żewġha. 14 Għax ir-​raġel li ma jemminx jitqaddes minħabba martu, u l-​mara li ma temminx titqaddes minħabba l-​ħu; inkella, fil-​fatt, uliedkom ma jkunux nodfa,+ imma issa huma mqaddsin.+ 15 Imma jekk dak li ma jemminx ikun irid jinfired,+ ħa jinfired; il-​ħu jew l-​oħt m’hijiex fil-​jasar f’dawn iċ-​ċirkustanzi, imma Alla sejħilkom għall-​paċi.+ 16 Għax, mara, kif taf jekk issalvax lil żewġek?+ Jew, raġel, kif taf jekk issalvax lil martek?+

17 Biss, fi qbil mas-​sehem li Ġeħova ta lil kull wieħed,+ ħa jimxi kull wieħed skond kif sejjaħlu Alla.+ U hekk nordna+ fil-​kongregazzjonijiet kollha. 18 Kien xi ħadd diġà ċirkonċiż meta ssejjaħ?+ Ħa jibqaʼ ċirkonċiż. Kien xi ħadd mhux ċirkonċiż meta ssejjaħ?+ Ħa ma jiġix ċirkonċiż.+ 19 Iċ-ċirkonċiżjoni+ ma tfisser xejn, u n-​nuqqas taʼ ċirkonċiżjoni+ ma jfisser xejn, imma li jgħodd hu l-​osservanza tal-​kmandamenti t’Alla.+ 20 Ħa jibqaʼ kull wieħed fl-​istat li kien meta ssejjaħ,+ kien liema kien.+ 21 Kont ilsir meta ġejt imsejjaħ? Tħallihx jinkwetak dan;+ imma jekk tistaʼ ssir ħieles ukoll, aħtaf l-​opportunità. 22 Għax kulmin hu fil-​Mulej u kien ilsir meta ssejjaħ hu l-​meħlus tal-​Mulej;+ bl-​istess mod, min kien ħieles meta ssejjaħ,+ hu lsir+ taʼ Kristu. 23 Kontu mixtrijin bi prezz;+ tibqgħux issiru lsiera+ tal-​bnedmin. 24 Ħuti, ħa jibqaʼ kull wieħed imsieħeb m’Alla fil-​kundizzjoni+ li kien meta ssejjaħ, kienet liema kienet.

25 Issa dwar dawk li m’humiex miżżewġin* m’għandi ebda kmand mingħand il-​Mulej, imma nagħti l-​opinjoni tiegħi+ bħala wieħed li ntwera ħniena mill-​Mulej+ biex ikun leali.+ 26 Għalhekk, minħabba d-​diffikultajiet li hawn madwarna, naħseb li jkun sewwa li raġel jibqaʼ kif inhu.+ 27 Marbut maʼ mara?+ Tibqax tipprova tinħall.+ Maħlul minn mara? Tibqax tfittex mara. 28 Imma jekk tiżżewweġ, ma tagħmel ebda dnub.+ U jekk jiżżewweġ xi ħadd li ma jkunx miżżewweġ,* ma jagħmel ebda dnub. Madankollu, dawk li jiżżewġu jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.+ Imma jien irrid neħliskom minnha.

29 Iktar minn hekk, dan ngħidilkom, ħuti, iż-​żmien li fadal tqassar.+ Minn issa ’l quddiem, dawk li għandhom in-​nisa ħa jkunu bħallikieku m’għandhomx,+ 30 u dawk li jibku bħal dawk li ma jibkux, u dawk li jifirħu bħal dawk li ma jifirħux, u dawk li jixtru bħal dawk li m’għandhomx, 31 u dawk li jużaw id-​dinja+ bħal dawk li ma jużawhiex bis-​sħiħ; għax ix-​xena taʼ din id-​dinja qed tinbidel.+ 32 Tabilħaqq, irridkom tkunu meħlusin mill-​ansjetà.+ Ir-​raġel mhux miżżewweġ hu ansjuż għal dak li hu tal-​Mulej, kif jikseb l-​approvazzjoni tal-​Mulej. 33 Imma r-​raġel miżżewweġ hu ansjuż+ għal dak li hu tad-​dinja, kif jikseb l-​approvazzjoni taʼ martu,+ 34 u hu maqsum fih innifsu. Jerġaʼ, il-​mara mhix miżżewġa, u l-​verġni, hi ansjuża għal dak li hu tal-​Mulej,+ sabiex tkun qaddisa kemm f’ġisimha kif ukoll fl-​ispirtu tagħha. Madankollu, il-​mara miżżewġa hi ansjuża għal dak li hu tad-​dinja, kif tikseb l-​approvazzjoni taʼ żewġha.+ 35 Dan qed ngħidu għall-​vantaġġ persunali tagħkom, mhux biex norbtilkom idejkom, imma biex inqanqalkom għal dak li hu xieraq+ u nqanqalkom biex taqdu lill-​Mulej il-​ħin kollu u mingħajr distrazzjoni.+

36 Imma jekk xi ħadd mhux miżżewweġ jaħseb li l-​imġiba tiegħu m’hijiex xierqa għall-​istat tiegħu,*+ u dan ikun għadda l-​fjur taż-​żgħożija, u hekk ikun l-​aħjar għalih, ħa jagħmel li jrid; ma jidnibx. Ħa jiżżewġu.+ 37 Imma jekk xi ħadd ikun determinat f’qalbu u ma jkunx magħfus mill-​bżonn, imma jkollu awtorità fuq ir-​rieda tiegħu u jkun ħa din id-​deċiżjoni f’qalbu, li jibqaʼ ma jiżżewwiġx, jagħmel sewwa.+ 38 Għaldaqstant, min jiżżewweġ jagħmel sewwa,+ imma min ma jiżżewwiġx jagħmel aħjar.+

39 Il-mara hi marbuta maʼ żewġha sakemm idum ħaj.+ Imma jekk żewġha jorqod fil-​mewt, hi ħielsa li tiżżewweġ lil min trid, biss fil-​Mulej.+ 40 Imma, fl-​opinjoni tiegħi, tkun iktar hienja jekk tibqaʼ kif inhi.+ Tabilħaqq, naħseb li jien ukoll għandi l-​ispirtu t’Alla.+

8 Dwar l-​ikel offrut lill-​idoli:+ nafu li lkoll għandna l-​għarfien.+ L-​għarfien ineffaħ, imma l-​imħabba tibni.+ 2 Jekk xi ħadd jaħseb li kiseb l-​għarfien dwar xi ħaġa,+ hu jkun għadu ma jafhiex kif imissu jafha.+ 3 Imma jekk xi ħadd iħobb lil Alla,+ Alla jkun jafu lil dan.+

4 Dwar li wieħed jiekol+ l-​ikel offrut lill-​idoli: nafu li idolu m’hu xejn+ fid-​dinja u li hemm biss Alla wieħed.+ 5 Għax avolja hemm dawk imsejħin “allat,”+ sew fis-​sema+ u sew fuq l-​art,+ bħalma hemm ħafna “allat” u ħafna “mulejiet,”+ 6 għalina fil-​fatt hemm Alla wieħed,+ il-​Missier,+ li minnu hu kollox, u aħna ngħixu għalih;+ u Mulej wieħed,+ Ġesù Kristu,+ li permezz tiegħu hu kollox,+ u aħna neżistu permezz tiegħu.

7 Minkejja dan, mhux kulħadd għandu dan l-​għarfien.+ Imma xi wħud, li s’issa għadhom imdorrijin bl-​idolu, jieklu l-​ikel bħala xi ħaġa sagrifikata lil xi idolu,+ u l-​kuxjenza tagħhom, billi hi dgħajfa, titniġġes.+ 8 Imma l-​ikel ma jirrikkmandaniex quddiem Alla;+ jekk ma niklux, mhux se nagħmlu xi nuqqas, u jekk nieklu, ma nieħdu l-​ebda kredtu.+ 9 Imma oqogħdu attenti li b’xi mod din l-​awtorità tagħkom ma ssirx taʼ tfixkil għad-​dgħajfin.+ 10 Għax jekk xi ħadd jara lilek, int li għandek l-​għarfien, tiekol fit-​tempju taʼ xi idolu, il-​kuxjenza tad-​dgħajjef mhix se trabbi l-​kuraġġ sal-​punt li ġġiegħlu jiekol l-​ikel offrut lill-​idoli?+ 11 Tassew, bl-​għarfien tiegħek qed jiġi rovinat id-​dgħajjef, ħuk li għalih miet Kristu.+ 12 U b’hekk, meta tidinbu kontra ħutkom u tfieru l-​kuxjenza+ dgħajfa tagħhom, tkunu qed tidinbu kontra Kristu. 13 Għalhekk, jekk l-​ikel ifixkel lil ħija,+ qatt iktar ma nerġaʼ niekol laħam, biex ma nfixkilx lil ħija.+

9 M’iniex ħieles jien?+ M’iniex appostlu?+ Ma rajtux jien lil Ġesù, il-​Mulej tagħna?+ M’intomx intom ir-​riżultat tax-​xogħol tiegħi fil-​Mulej? 2 Jekk għal oħrajn m’iniex appostlu, żgur li jien għalikom, għax intom is-​siġill li jikkonferma+ l-​appostolat tiegħi fil-​Mulej.

3 Id-difiża tiegħi lil dawk li jiġġudikawni hi din:+ 4 Għandna awtorità nieklu+ u nixorbu, hux hekk? 5 Għandna awtorità nieħdu magħna oħt bħala l-​mara,+ bħall-​bqija taʼ l-​appostli u ħut il-​Mulej+ u Kefa,+ hux hekk? 6 Jew jien u Barnaba+ biss m’għandniex awtorità li ma nagħmlux xogħol sekulari?+ 7 Min qatt iservi bħala suldat spejjeż tiegħu? Min iħawwel għalqa dwieli u ma jikolx minn frottha?+ Jew min jirgħa merħla u ma jixrobx mill-​ħalib tagħha?+

8 Dan qed ngħidu skond il-​livelli tal-​bniedem?+ Mhux anki l-​Liġi+ tgħidu dan? 9 Għax fil-​liġi taʼ Mosè hemm miktub: “Tagħmilx sarima maʼ ħalq il-​barri meta jkun qed jidres il-​qamħ.”+ Jaqaw Alla mill-​barrin jimpurtah? 10 Jew jgħid dan kollu għalina? Tassew għalina kien miktub,+ għax min jaħrat għandu jaħrat bit-​tama u min jidres għandu jagħmel dan bit-​tama li jieħu sehmu.+

11 Jekk żrajnielkom affarijiet spiritwali,+ hi ħaġa kbira jekk naħsdu affarijiet għall-​bżonnijiet materjali mingħandkom?+ 12 Jekk oħrajn jieħdu sehem f’din l-​awtorità fuqkom,+ m’għandniex dritt iktar minnhom aħna? Madankollu, m’użajnihiex din l-​awtorità,+ imma qed nissaportu kollox, sabiex ma noħolqu l-​ebda xkiel għall-​aħbar tajba+ dwar il-​Kristu. 13 Ma tafux li dawk li jwettqu dmirijiet sagri jieklu+ minn dak li jkun hemm fit-​tempju, u dawk li l-​ħin kollu jaqdu+ fl-​artal għandhom sehem maʼ l-​artal? 14 Hekk ukoll il-​Mulej ordna+ li dawk li jxandru l-​aħbar tajba jgħixu permezz taʼ l-​aħbar tajba.+

15 Imma jien ma nqdejt bl-​ebda wieħed minn dawn il-​provvedimenti.+ Tabilħaqq, ma ktibtx dan biex nibda nagħmel hekk, għax ikun aħjar għalija li mmut milli—ebda bniedem m’hu se jġib fix-​xejn ir-​raġuni tiegħi għall-​ftaħir!+ 16 Issa, jekk qed inxandar l-​aħbar tajba,+ m’għandix għalfejn niftaħar, għax il-​bżonn+ iġegħelni. Tassew, gwaj+ għalija jekk ma nxandarx l-​aħbar tajba! 17 Jekk dan inwettqu minn jeddi,+ ikolli premju;+ imma jekk nagħmlu kontra r-​rieda tiegħi, xorta waħda ġejt fdat bi prokura.+ 18 Allura, x’inhu l-​premju tiegħi? Li meta nxandar l-​aħbar tajba nipprovdiha bla ħlas,+ bl-​għan li ma nabbużax mill-​awtorità tiegħi fl-​aħbar tajba.

19 Għax għalkemm jien ħieles minn kulħadd, għamilt lili nnifsi lsir+ taʼ kulħadd, sabiex nirbaħ+ iktar u iktar nies. 20 Għalhekk, għal-​Lhud sirt bħal Lhudi,+ biex nirbaħ lil-​Lhud; għal dawk taħt il-​liġi sirt bħal wieħed taħt il-​liġi,+ għalkemm jien innifsi m’iniex taħt il-​liġi,+ biex nirbaħ lil dawk taħt il-​liġi. 21 Għal dawk mingħajr liġi+ sirt bħal wieħed mingħajr liġi,+ għalkemm m’iniex mingħajr il-​liġi t’Alla imma qiegħed taħt il-​liġi+ taʼ Kristu,+ biex nirbaħ lil dawk mingħajr liġi. 22 Għad-dgħajfin sirt dgħajjef, biex nirbaħ lid-​dgħajfin.+ Sirt kollox għal nies taʼ kull xorta,+ biex b’kull mezz insalva lil xi wħud. 23 U nagħmel kollox minħabba l-​aħbar tajba, biex naqsam+ dan il-​messaġġ m’oħrajn.

24 Ma tafux li f’tellieqa l-​ġerrejja+ kollha jiġru, imma wieħed biss jirċievi l-​premju?+ Iġru+ b’tali mod li tiksbuh.+ 25 Iktar minn hekk, kulmin jieħu sehem f’kompetizzjoni jeżerċita r-​rażna+ f’kollox. Naturalment, dan huma jagħmluh biex jiksbu kuruna li tidbiel,+ imma aħna waħda li ma tidbielx.+ 26 Għalhekk, m’iniex niġri+ b’mod inċert; m’iniex nimmira d-​daqqiet tiegħi b’tali mod li nkun qed nagħti fl-​arja;+ 27 imma nsawwat lil ġismi+ u njassru, sabiex, wara li nkun ippridkajt lil oħrajn, jien stess ma niġix diżapprovat+ b’xi mod.

10 Issa ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, li missirijietna kienu lkoll taħt is-​sħaba+ u lkoll qasmu l-​baħar+ 2 u lkoll tgħammdu f’Mosè+ permezz tas-​sħaba u tal-​baħar; 3 u lkoll kielu l-​istess ikel spiritwali+ 4 u lkoll xorbu l-​istess xorb spiritwali.+ Għax kienu jixorbu mill-​blata+ spiritwali li kienet timxi warajhom, u din il-​blata+ kienet tirrappreżenta lill-​Kristu.+ 5 Minkejja dan, Alla m’esprimiex l-​approvazzjoni tiegħu lejn il-​biċċa l-​kbira minnhom,+ għax waqgħu mejtin+ fix-​xagħri.

6 Issa dan sar b’eżempju għalina, biex ma nixtiqux affarijiet taʼ ħsara,+ bħalma xtaqu huma. 7 Lanqas insiru idolatri, kif saru xi wħud minnhom;+ bħalma hu miktub: “In-​nies qagħdu bil-​qiegħda jieklu u jixorbu; imbagħad qamu jixxalaw.”+ 8 Lanqas nipprattikaw iż-​żína, kif żnew xi wħud minnhom,+ u spiċċaw biex waqgħu mejtin, tlieta u għoxrin elf minnhom f’jum wieħed.+ 9 Lanqas ngħaddu lil Ġeħova minn prova,+ kif għaddewh minn prova xi wħud minnhom,+ u spiċċaw biex inqerdu bis-​sriep.+ 10 Lanqas ingergru, kif gergru xi wħud minnhom,+ u spiċċaw biex inqerdu mill-​qerried.+ 11 Issa dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bħala twissija+ għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.+

12 Għaldaqstant, min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.+ 13 Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li tiġi fuq il-​bnedmin kollha.+ Imma Alla hu leali,*+ u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu,+ imma mat-​tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-​triq+ sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.

14 Għalhekk, maħbubin tiegħi, aħarbu+ mill-​idolatrija.+ 15 Qed nitkellem bħallikieku maʼ nies li għandhom id-​dixxerniment;+ iġġudikaw intom stess dak li ngħid. 16 Il-kies+ tal-​barka li nbierku, m’huwiex sehem mid-​demm tal-​Kristu? Il-​ħobża li naqsmu,+ m’hijiex sehem mill-​ġisem tal-​Kristu?+ 17 Peress li hemm ħobża waħda, aħna ġisem wieħed,+ għalkemm ħafna,+ għax ilkoll qed nieklu minn din il-​ħobża waħda.+

18 Ħarsu lejn Israel li hu skond il-​laħam:+ Dawk li jieklu s-​sagrifiċċji ma jiħdux sehem maʼ l-​artal?+ 19 Allura, xi rrid ngħid? Li dak li hu sagrifikat lil xi idolu hu xi ħaġa, jew li idolu hu xi ħaġa?+ 20 Le; imma li dak li jissagrifikaw il-​ġnus, jissagrifikawh lid-​demonji+ u mhux lil Alla; u ma rridkomx tieħdu sehem mad-​demonji.+ 21 Ma tistgħux tixorbu l-​kies taʼ Ġeħova+ u l-​kies tad-​demonji; ma tistgħux tieħdu sehem mill-​“mejda taʼ Ġeħova”+ u mill-​mejda tad-​demonji. 22 Jew “qed inqanqlu lil Ġeħova għall-​għira”?*+ M’aħniex iktar b’saħħitna+ minnu, hux hekk?

23 Kollox hu permess; iżda mhux kollox hu vantaġġuż.+ Kollox hu permess;+ imma mhux kollox jibni.+ 24 Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu,+ imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.+

25 Ibqgħu kulu kulma jinbiegħ f’suq tal-​laħam,+ u tagħmlux mistoqsijiet minħabba l-​kuxjenza tagħkom;+ 26 għax “taʼ Ġeħova+ l-​art u kulma fiha.”+ 27 Jekk jistidinkom xi ħadd li ma jemminx u tixtiequ tmorru, kulu kulma jitqiegħed quddiemkom,+ u tagħmlux mistoqsijiet minħabba l-​kuxjenza tagħkom.+ 28 Imma jekk xi ħadd jgħidilkom: “Dan kien offrut bħala sagrifiċċju,” tiklux minħabba dak li qalilkom b’dan u minħabba l-​kuxjenza.+ 29 Irrid ngħid, mhux “il-​kuxjenza” tiegħek imma dik taʼ l-​ieħor. Għax il-​libertà tiegħi għala għandha tiġi ġudikata mill-​kuxjenza taʼ ħaddieħor?+ 30 Jekk qed niekol b’radd il-​ħajr, għala għandhom imaqdruni għal dak li rrodd ħajr għalih?+

31 Għalhekk, jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.+ 32 Tkunux taʼ tfixkil+ għal-​Lhud kif ukoll għall-​Griegi u għall-​kongregazzjoni t’Alla, 33 saħansitra bħalma jien qed nogħġob lil kulħadd f’kollox,+ billi ma nfittixx dak li jaqbel lili+ imma dak li jaqbel lil ħafna, sabiex jiġu salvati.+

11 Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.+

2 Issa nfaħħarkom għax f’kollox tiftakru fija u qed iżżommu sod mat-​tradizzjonijiet+ eżatt kif għaddejthomlkom. 3 Imma rridkom tkunu tafu li l-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu;+ u l-​kap tal-​mara hu r-​raġel;+ u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.+ 4 Kull raġel li jitlob jew jipprofetizza b’rasu mgħottija jagħmel għajb lil rasu;+ 5 imma kull mara li titlob jew tipprofetizza+ u ma jkollhiex rasha mgħottija tagħmel għajb lil rasha,+ għax hi l-​istess ħaġa bħallikieku kellha rasha mqaxxra.+ 6 Għax jekk mara ma titgħattiex, ħa tqarweż rasha; imma jekk hu għajb għal mara li tqarweż jew tqaxxar rasha,+ ħa titgħatta.+

7 Għax raġel m’għandux ikollu rasu mgħottija, peress li hu x-​xbieha+ u l-​glorja t’Alla;+ imma l-​mara hi l-​glorja tar-​raġel.+ 8 Għax ir-​raġel mhux ġej mill-​mara, imma l-​mara mir-​raġel;+ 9 u, iktar minn hekk, ir-​raġel ma kienx maħluq għall-​mara, imma l-​mara għar-​raġel.+ 10 Huwa għalhekk li l-​mara għandu jkollha sinjal t’awtorità fuq rasha,+ minħabba l-​anġli.+

11 Minbarra dan, fil-​Mulej, la l-​mara m’hi mingħajr ir-​raġel u lanqas ir-​raġel m’hu mingħajr il-​mara.+ 12 Għax bħalma l-​mara ġejja mir-​raġel,+ hekk ukoll ir-​raġel ġej permezz tal-​mara;+ imma kollox ġej minn Alla.+ 13 Iġġudikaw intom stess: Hu xieraq li mara titlob lil Alla mingħajr ma jkollha rasha mgħottija? 14 Ma tgħallimkomx in-​natura stess li jekk raġel ikollu xagħru twil, dan ikun diżunur għalih, 15 imma jekk mara jkollha xagħarha twil, dan ikun glorja+ għaliha? Għax xagħarha hu mogħti lilha minflok għata tar-​ras.+ 16 Madankollu, jekk xi ħadd donnu jrid jiddibatti+ favur xi drawwa oħra,+ aħna m’għandniex drawwa oħra, u lanqas il-​kongregazzjonijiet t’Alla.

17 Imma, waqt li nagħtikom dawn l-​istruzzjonijiet, ma nfaħħarkomx, għax m’intomx tiltaqgħu flimkien għat-​tajjeb, imma għall-​ħażin.+ 18 Għax qabel xejn, qed nismaʼ li hemm xi firdiet fostkom+ meta tiltaqgħu flimkien fil-​kongregazzjoni; u sa ċertu punt nemmnu dan. 19 Għax fostkom bilfors li jrid ikun hemm ukoll is-​setet,+ sabiex anki min hu approvat ikun jidher fostkom.+

20 Għalhekk, meta tiltaqgħu flimkien f’post wieħed, mhux possibbli li tieklu l-​ikla taʼ fil-​għaxija tal-​Mulej kif jixraq.+ 21 Għax, meta tieklu din l-​ikla, kull wieħed minnkom ikun diġà ħa l-​ikla taʼ fil-​għaxija tiegħu, u b’hekk min ikun bil-​ġuħ u min ikun fis-​sakra. 22 Żgur li għandkom djar fejn tieklu u tixorbu, hux hekk?+ Jew tistmerru l-​kongregazzjoni t’Alla, u lil dawk li m’għandhom xejn+ iġġegħluhom jistħu? X’ngħidilkom? Infaħħarkom? F’dan ma nfaħħarkomx.

23 Għax jien irċivejt mingħand il-​Mulej dak li wkoll għaddejtilkom: li, fil-​lejl+ li kien se jiġi tradut, il-​Mulej Ġesù ħa ħobża 24 u wara li radd ħajr qasamha+ u qal: “Dan il-​ħobż jirrappreżenta* ġismi+ li se jingħata għalikom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira+ tiegħi.” 25 U għamel l-​istess bil-​kies+ ukoll u, wara l-​ikla taʼ fil-​għaxija, qal: “Dan il-​kies jirrappreżenta l-​patt il-​ġdid+ konfermat b’demmi.+ Ibqgħu agħmlu dan, kull darba li tixorbuh, b’tifkira+ tiegħi.” 26 Għax kull darba+ li tieklu din il-​ħobża u tixorbu dan il-​kies, tibqgħu xxandru l-​mewt+ tal-​Mulej, sakemm jasal.+

27 Għaldaqstant, kulmin jiekol il-​ħobża jew jixrob il-​kies tal-​Mulej, mingħajr ma jkun jistħoqqlu, ikun ħati+ tal-​ġisem u d-​demm+ tal-​Mulej. 28 L-ewwel, ħa jgħarbel lilu nnifsu l-​bniedem u jara li jkun jistħoqqlu,+ u mbagħad jiekol mill-​ħobża u jixrob mill-​kies. 29 Għax min jiekol u jixrob, jiekol u jixrob il-​ġudizzju+ kontra tiegħu stess jekk ma jagħrafx il-​ġisem. 30 Huwa għalhekk li ħafna fostkom huma dgħajfin u morda, u għadd ġmielu huma reqdin+ fil-​mewt. 31 Imma jekk nagħrfu x’aħna, ma niġux ġudikati.+ 32 Madankollu, meta niġu ġudikati,+ niġu dixxiplinati minn Ġeħova,+ u b’hekk ma niġux kundannati+ mad-​dinja.+ 33 Għaldaqstant, ħuti, meta tiltaqgħu flimkien biex tieklu din l-​ikla,+ stennew lil xulxin. 34 Jekk xi ħadd ikun bil-​ġuħ, ħa jiekol id-​dar,+ biex ma tiltaqgħux flimkien għall-​ġudizzju.+ Issa l-​kwistjonijiet li fadal nieħu ħsiebhom meta nasal hemmhekk.

12 Issa, ħuti, ma rridkomx ma tkunux tafu dwar l-​għotjiet spiritwali.+ 2 Intom tafu li meta kontu nies tal-​ġnus,+ kontu tittieħdu b’diversi modi quddiem dawk l-​idoli+ taʼ bla leħen.+ 3 Għalhekk, irridkom tkunu tafu li, meta jkun qed jitkellem bl-​ispirtu t’Alla, ħadd ma jgħid: “Ġesù hu misħut!”+ u ħadd ma jistaʼ jgħid: “Ġesù hu Mulej!” jekk mhux bl-​ispirtu qaddis.+

4 Issa hemm għotjiet differenti,+ imma l-​istess spirtu;+ 5 u hemm ministeri differenti,+ iżda l-​istess Mulej;+ 6 u hemm ħidmiet differenti,+ iżda l-​istess Alla+ li jwettaq il-​ħidmiet kollha f’kulħadd.+ 7 Imma l-​manifestazzjoni taʼ l-​ispirtu tingħata lil kull wieħed għal skop siewi.+ 8 Per eżempju, wieħed jingħata kliem t’għerf+ permezz taʼ l-​ispirtu, ieħor kliem t’għarfien+ skond l-​istess spirtu, 9 ieħor fidi+ permezz taʼ l-​istess spirtu, ieħor għotjiet taʼ fejqan+ permezz taʼ dan l-​ispirtu wieħed, 10 jerġaʼ ieħor atti t’għemejjel setgħanin,+ ieħor ipprofetizzar,+ ieħor dixxerniment+ taʼ kliem imnebbaħ,+ ieħor ilsna differenti,+ u ieħor interpretazzjoni+ taʼ l-​ilsna. 11 Imma dawn il-​ħidmiet kollha jwettaqhom l-​istess spirtu wieħed,+ li jqassamhom+ lil kull wieħed individwalment kif irid hu.+

12 Għax bħalma l-​ġisem hu wieħed imma għandu ħafna membri, u l-​membri kollha taʼ dak il-​ġisem, għalkemm ħafna, huma ġisem wieħed,+ hekk ukoll hu l-​Kristu.+ 13 Għax, tassew, ilkoll ġejna mgħammdin+ bi spirtu wieħed f’ġisem wieħed, sew Lhud u sew Griegi, sew ilsiera u sew ħelsin, u lkoll ngħatajna biex nixorbu+ spirtu wieħed.

14 Tabilħaqq, il-​ġisem mhux membru wieħed, imma ħafna.+ 15 Kieku s-​sieq kellha tgħid: “La m’iniex id, jien m’iniex parti mill-​ġisem,” b’daqshekk ma jkunx ifisser li mhix parti mill-​ġisem.+ 16 U kieku l-​widna kellha tgħid: “La m’iniex għajn, jien m’iniex parti mill-​ġisem,” b’daqshekk ma jkunx ifisser li mhix parti mill-​ġisem.+ 17 Kieku l-​ġisem kollu kien għajn, fejn kien ikun is-​smigħ? Kieku kollu kien smigħ, fejn kien ikun ix-​xamm? 18 Imma issa Alla qiegħed il-​membri fil-​ġisem, kull wieħed minnhom, kif għoġbu.+

19 Kieku kienu kollha membru wieħed,+ fejn kien ikun il-​ġisem? 20 Imma issa huma ħafna membri,+ iżda ġisem wieħed. 21 L-għajn ma tistax tgħid lill-​id: “M’għandix bżonnok”; jew, ir-​ras ma tistax tgħid lis-​saqajn: “M’għandix bżonnkom.” 22 Minflok, il-​fatt hu li l-​membri tal-​ġisem li jidhru li huma iktar dgħajfin+ huma bżonnjużi, 23 u dawk il-​partijiet tal-​ġisem li naħsbu li huma inqas onorabbli nagħtuhom ferm iktar unur,+ u għalhekk il-​partijiet mhux attraenti għandhom ferm iktar sbuħija, 24 filwaqt li l-​partijiet sbieħ m’għandhom bżonn xejn. Madankollu, Alla għaqqad flimkien il-​ġisem, u ta ferm iktar unur lill-​parti li kienet nieqsa minnu, 25 sabiex ma jkunx hemm firda fil-​ġisem, imma l-​membri tiegħu jieħdu ħsieb xulxin bl-​istess mod.+ 26 U jekk membru wieħed isofri, il-​membri l-​oħra kollha jsofru+ miegħu; jew jekk membru jiġi glorifikat,+ il-​membri l-​oħra kollha jithennew miegħu.+

27 Issa intom il-​ġisem taʼ Kristu, u kull wieħed minnkom hu membru tiegħu.+ 28 U Alla qiegħed lil membri differenti fil-​kongregazzjoni,+ l-​ewwel, appostli;+ it-​tieni, profeti;+ it-​tielet, għalliema;+ imbagħad għemejjel setgħanin;+ imbagħad għotjiet taʼ fejqan;+ servizzi t’għajnuna,+ abbiltajiet biex tingħata direzzjoni,+ ilsna differenti.+ 29 M’humiex ilkoll appostli jew profeti jew għalliema, hux hekk? Mhux ilkoll iwettqu għemejjel setgħanin 30 jew għandhom għotjiet taʼ fejqan, hux hekk? Mhux ilkoll jitkellmu bl-​ilsna+ jew huma tradutturi,+ hux hekk? 31 Imma ibqgħu fittxu l-​akbar għotjiet+ biż-​żelu. Madankollu, jien nurikom triq li tisboqhom ilkoll.+

13 Kieku kelli nitkellem bl-​ilsna+ tal-​bnedmin u taʼ l-​anġli imma ma jkollix imħabba, kont inkun bħal strument tar-​ram iżarżar jew ċimbalu jdamdam.+ 2 U kieku għandi l-​għotja taʼ l-​ipprofetizzar+ u jien midħla tas-​sigrieti sagri+ kollha u l-​għarfien kollu,+ u għandi l-​fidi kollha biex inċaqlaq il-​muntanji+ minn posthom, iżda m’għandix imħabba, ma jien xejn.+ 3 U kieku nagħti kulma għandi biex nitmaʼ lil oħrajn,+ u nagħti ġismi għall-​mewt,+ sabiex ikolli biex niftaħar, iżda m’għandix imħabba,+ ma jiswieli xejn.

4 L-imħabba+ tistabar fit-​tul+ u qalbha tajba.+ L-​imħabba ma tgħirx,+ ma tiftaħarx,+ ma tintefaħx,+ 5 ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti,+ ma tfittixx l-​interessi tagħha,+ ma tiġix provokata.+ Ma żżommx kont tal-​ħsara.+ 6 Ma tithenniex bl-​inġustizzja,+ imma tithenna bil-​verità.+ 7 Kollox tiflaħ,+ kollox temmen,+ kollox tittama,+ kollox tissaporti.+

8 L-imħabba ma tbatti qatt.+ Iżda jekk hemm l-​għotjiet taʼ l-​ipprofetizzar, dawn se jinġiebu fix-​xejn; jekk hemm l-​ilsna, dawn se jieqfu; jekk hemm l-​għarfien, dan se jinġieb fix-​xejn.+ 9 Għax l-​għarfien li għandna hu limitat+ u l-​ipprofetizzar tagħna hu limitat;+ 10 imma meta jasal dak li hu sħiħ,+ dak li hu limitat jinġieb fix-​xejn. 11 Meta kont tifel ċkejken, kont nitkellem taʼ tifel, naħseb taʼ tifel, nirraġuna taʼ tifel; imma issa li sirt raġel,+ neħħejt il-​karatteristiki taʼ tifel ċkejken. 12 Għax bħalissa naraw imċajpar b’mera tal-​metall,+ imma mbagħad naraw wiċċ imbwiċċ.+ Bħalissa dak li naf hu limitat, imma mbagħad inkun naf eżatt bħalma jien magħruf eżatt.+ 13 Madankollu, issa jibqaʼ l-​fidi, it-​tama, l-​imħabba, dawn it-​tlieta; imma l-​akbar fosthom hi l-​imħabba.+

14 Iġru wara l-​imħabba, u ibqgħu fittxu l-​għotjiet spiritwali+ biż-​żelu, imma preferibbilment l-​ipprofetizzar.+ 2 Għax min jitkellem b’xi lsien ikun qed ikellem lil Alla mhux lill-​bnedmin, għax ħadd ma jifhem,+ peress li jkun qed jitkellem sigrieti sagri+ bl-​ispirtu. 3 Madankollu, min jipprofetizza jibni+ u jinkuraġġixxi u jfarraġ lill-​bnedmin bi kliemu. 4 Min jitkellem b’xi lsien jibni lilu nnifsu, imma min jipprofetizza jibni lill-​kongregazzjoni. 5 Issa nixtieq li intom ilkoll titkellmu bl-​ilsna,+ imma nippreferi li tipprofetizzaw.+ Tabilħaqq, min jipprofetizza hu akbar minn min jitkellem bl-​ilsna,+ sakemm, fil-​fatt, ma jittraduċix, sabiex tinbena l-​kongregazzjoni. 6 Imma issa, ħuti, kieku kelli niġi nkellimkom bl-​ilsna, x’ġid nagħmlilkom jekk ma nkellimkomx b’xi rivelazzjoni+ jew b’xi għarfien+ jew b’xi profezija jew b’xi tagħlima?

7 Tabilħaqq, l-​affarijiet bla ħajja, sew jekk flawt u sew jekk arpa, jagħmlu ħoss;+ imma jekk ma jagħmlux intervall fit-​tonijiet, kif se jintgħaraf x’qed jindaqq bil-​flawt jew bl-​arpa? 8 Għax, tassew, jekk mit-​trumbetta toħroġ sejħa li ma tkunx ċara, min jitħejja għall-​battalja?+ 9 Hekk ukoll, jekk bi lsienkom ma tlissnux kliem li jinftiehem faċilment,+ kif se jintgħaraf x’qed jintqal? Fil-​fatt, tkunu qed titkellmu fl-​arja.+ 10 Fid-dinja hawn ħafna kwalitajiet taʼ lingwi, iżda ebda waħda minnhom m’hi mingħajr tifsir. 11 Għalhekk, jekk ma nifhimx xi jfisser dak li jingħad, inkun barrani+ għal min jitkellem, u min jitkellem ikun barrani għalija. 12 Hekk ukoll intom, ladarba tixtiequ b’żelu l-​għotjiet taʼ l-​ispirtu,+ fittxu li toktru fihom biex tinbena l-​kongregazzjoni.+

13 Għaldaqstant, min jitkellem b’xi lsien ħa jitlob biex ikun jistaʼ jittraduċi.+ 14 Għax jekk qed nitlob b’xi lsien, hi l-​għotja taʼ l-​ispirtu tiegħi li qed titlob,+ imma moħħi ma jkunx qed jifhem. 15 Allura, xi jrid isir? Nitlob bl-​għotja taʼ l-​ispirtu, imma nitlob b’moħħi wkoll. Inkanta għanjiet taʼ tifħir+ bl-​għotja taʼ l-​ispirtu, imma nkanta għanjiet taʼ tifħir b’moħħi+ wkoll. 16 Inkella, jekk toffri tifħir b’għotja taʼ l-​ispirtu, il-​bniedem komuni kif se jgħid “Amen”+ meta int trodd ħajr, ladarba ma jafx x’int tgħid? 17 Veru, il-​mod kif trodd ħajr hu eċċellenti, imma l-​bniedem l-​ieħor mhux qed jinbena.+ 18 Nirringrazzja lil Alla, jien nitkellem b’ilsna iktar minnkom ilkoll.+ 19 Minkejja dan, f’kongregazzjoni, nippreferi ngħid ħames kelmiet b’moħħi, biex ngħallem b’fommi lil oħrajn, milli għaxart elef kelma b’xi lsien.+

20 Ħuti, tkunux tfal żgħar fil-​mentalità tagħkom,+ imma kunu tfal ċkejknin għal dak li hu ħażen;+ madankollu, kunu nies li kibru għalkollox fil-​mentalità tagħhom.+ 21 Fil-Liġi hemm miktub: “‘Bl-​ilsna tal-​barranin u b’xofftejn l-​istranġieri+ nkellem lil dan il-​poplu;+ iżda lanqas hekk ma jagħtu kasi,’ jgħid Ġeħova.”+ 22 Għaldaqstant, l-​ilsna m’humiex sinjal+ għal dawk li jemmnu, imma għal dawk li ma jemmnux,+ u l-​ipprofetizzar m’huwiex għal dawk li ma jemmnux, imma għal dawk li jemmnu.+ 23 Għalhekk, jekk il-​kongregazzjoni kollha tiltaqaʼ flimkien f’post wieħed u lkoll jitkellmu bl-​ilsna,+ u jidħlu nies ordinarji jew oħrajn li ma jemmnux, ma jgħidux dawn li intom imġienen? 24 Imma jekk tkunu qed tipprofetizzaw ilkoll u jidħol xi ħadd li ma jemminx jew bniedem ordinarju, dan jiġi mwiddeb minn kulħadd+ u interrogat bir-​reqqa minn kulħadd; 25 jinkixfu s-​sigrieti taʼ qalbu,+ u b’hekk jinxteħet wiċċu fl-​art u jqim lil Alla u jiddikjara: “Alla tassew qiegħed fostkom.”+

26 Allura, ħuti, x’għandu jsir? Meta tiltaqgħu flimkien, wieħed ikollu xi salm, ieħor xi tagħlima, ieħor xi rivelazzjoni, ieħor xi lsien, ieħor xi interpretazzjoni.+ Ħa jsir kollox biex tibnu lil xulxin.+ 27 U jekk xi wħud jitkellmu b’xi lsien, ħa jitkellmu tnejn jew tlieta l-​iktar, u wieħed wara l-​ieħor; u ħa jkun hemm min jittraduċi.+ 28 Jekk ma jkunx hemm min jittraduċi, ħa jibqgħu siekta fil-​kongregazzjoni u jitkellmu f’qalbhom+ m’Alla. 29 Iktar minn hekk, ħa jitkellmu żewġ profeti jew tlieta,+ u l-​oħrajn jifhmu t-​tifsira.+ 30 Imma jekk ħaddieħor ikollu xi rivelazzjoni+ waqt li jkun bil-​qiegħda hemmhekk, ħa jiskot l-​ewwel wieħed. 31 Għax intom ilkoll tistgħu tipprofetizzaw+ wieħed wara l-​ieħor, u b’hekk kulħadd jitgħallem u kulħadd jiġi inkuraġġit.+ 32 U l-​għotjiet spiritwali tal-​profeti għandhom jikkontrollawhom il-​profeti. 33 Għax Alla m’huwiex Alla tad-​diżordni,+ imma tal-​paċi.+

Bħalma jsir fil-​kongregazzjonijiet kollha tal-​qaddisin, 34 ħa jibqgħu siekta n-​nisa+ fil-​kongregazzjonijiet, għax m’għandhomx permess jitkellmu, u ħa jkunu sottomessi,+ bħalma tgħid il-​Liġi.+ 35 Għalhekk, jekk ikunu jridu jitgħallmu xi ħaġa, ħa jistaqsu lil żwieġhom id-​dar, għax hu għajb+ li mara titkellem f’kongregazzjoni.

36 X’inhu? Mingħandkom ħarġet il-​kelma t’Alla,+ jew sa ħdejkom biss waslet?

37 Jekk xi ħadd jaħseb li hu profeta jew għandu l-​għotja taʼ l-​ispirtu, ħa jirrikonoxxi dak li qed niktbilkom, għax hu l-​kmandament tal-​Mulej.+ 38 Imma jekk xi ħadd irid jibqaʼ fl-​injoranza, ħa jibqaʼ fl-​injoranza. 39 Għaldaqstant, ħuti, ibqgħu fittxu b’żelu l-​ipprofetizzar,+ iżda m’għandkomx tipprojbixxu l-​ilsna.+ 40 Imma ħa jsir kollox bid-​deċenza u bl-​ordni.+

15 Issa, ħuti, infakkarkom fl-​aħbar tajba+ li xandartilkom+ u li intom ukoll ilqajtu u qegħdin fiha.+ 2 Ukoll, qed tiġu salvati+ bil-​kliem li bih xandartilkom l-​aħbar tajba, jekk din qed iżżommuha sod, sakemm, fil-​fatt, m’emmintux għalxejn.+

3 Għax, fost l-​ewwel affarijiet, għaddejtilkom dak li rċivejt jien ukoll,+ li Kristu miet għal dnubietna skond l-​Iskrittura;+ 4 u li ndifen,+ iva, li ġie mqajjem+ fit-​tielet jum+ skond l-​Iskrittura;+ 5 u li deher lil Kefa,+ imbagħad lit-​tnax.+ 6 Wara deher lil iktar minn ħames mitt ħu f’daqqa, li l-​biċċa l-​kbira minnhom għadhom ħajjin sa llum,+ imma xi wħud raqdu fil-​mewt. 7 Wara deher lil Ġakbu,+ imbagħad lill-​appostli kollha;+ 8 u fl-​aħħarnett deher lili+ wkoll bħallikieku kont wieħed li twieled qabel iż-​żmien.

9 Għax jien l-​inqas wieħed+ mill-​appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għax ippersegwitajt+ il-​kongregazzjoni t’Alla. 10 Imma bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa+ t’Alla jien dak li jien. U l-​qalb tajba mhix mistħoqqa li wera miegħi ma kinitx għalxejn,+ għax tħabatt iktar minnhom ilkoll,+ iżda mhux jien imma l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li qiegħda miegħi.+ 11 Madankollu, sew jien u sew huma, hekk qed nippridkaw aħna u hekk emmintu intom.+

12 Issa, jekk qed jiġi pridkat li Kristu ġie mqajjem mill-​imwiet,+ xi wħud fostkom kif qed jgħidu li m’hemmx irxoxt tal-​mejtin?+ 13 Tabilħaqq, jekk m’hemmx irxoxt tal-​mejtin, lanqas Kristu ma ġie mqajjem.+ 14 Imma jekk Kristu ma ġiex imqajjem, l-​ippridkar tagħna żgur li hu għalxejn, u l-​fidi tagħna hi għalxejn.+ 15 Iktar minn hekk, ninstabu wkoll li aħna xhieda foloz t’Alla,+ għax xhedna+ kontra Alla li hu qajjem lill-​Kristu,+ imma fil-​fatt ma qajmux jekk hu veru li l-​mejtin mhux se jiġu mqajmin.+ 16 Għax jekk il-​mejtin mhux se jiġu mqajmin, lanqas Kristu ma ġie mqajjem. 17 U jekk Kristu ma ġiex imqajjem, il-​fidi tagħkom ma tiswa xejn; għadkom fi dnubietkom.+ 18 Fil-fatt, ukoll, dawk li raqdu fil-​mewt f’unjoni+ maʼ Kristu nqerdu.+ 19 Jekk f’din il-​ħajja biss ittamajna fi Kristu,+ aħna l-​iktar imsejknin mill-​bnedmin kollha.

20 Madankollu, issa Kristu ġie mqajjem mill-​imwiet,+ l-​ewwel frott+ fost dawk li raqdu fil-​mewt.+ 21 Għax ladarba l-​mewt+ ġiet permezz taʼ bniedem, l-​irxoxt+ tal-​mejtin ġie wkoll permezz taʼ bniedem. 22 Għax bħalma kulħadd qed imut f’Adam,+ hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu.+ 23 Imma kull wieħed skond kif imissu: Kristu l-​ewwel frott;+ wara, dawk li huma tal-​Kristu matul il-​preżenza tiegħu.+ 24 Imbagħad it-​tmiem, meta jgħaddi s-​saltna lil Alla tiegħu u Missieru, meta jkun ġab fix-​xejn kull gvern u kull awtorità u qawwa.+ 25 Għax hu jrid isaltan sakemm Alla jkun qiegħed l-​għedewwa kollha taħt saqajh.+ 26 Bħala l-​aħħar għadu, il-​mewt se tinġieb fix-​xejn.+ 27 Għax Alla “ssuġġetta kollox taħt saqajh.”+ Imma meta jgħid li ‘kollox ġie suġġettat,’+ jidher ċar li dan ma jinkludix lil dak li ssuġġettalu kollox.+ 28 Imma meta kollox ikun ġie suġġettat għalih,+ imbagħad l-​Iben innifsu wkoll jissottometti ruħu lejn Dak+ li ssuġġettalu kollox, biex Alla jkun kollox għal kulħadd.+

29 Inkella, x’se jagħmlu dawk li qed jitgħammdu bl-​iskop li jkunu mejtin?+ Jekk il-​mejtin żgur mhux se jiġu mqajmin,+ dawk għala qed jitgħammdu+ bl-​iskop li jkunu mejtin? 30 Għala aħna wkoll fil-​periklu l-​ħin kollu?+ 31 Kuljum niffaċċja l-​mewt.+ Ħuti, dan nikkonfermah bil-​ferħ kbir+ li għandi minħabba fikom fi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna. 32 Jekk, bħal bnedmin oħrajn, jien iġġilidt mal-​bhejjem salvaġġi f’Efesu,+ x’jiswieli? Jekk il-​mejtin mhux se jiġu mqajmin, “ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.”+ 33 Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.+ 34 Stenbħu biex tkunu f’sensikom+ għall-​ġustizzja u tipprattikawx id-​dnub, għax xi wħud m’għandhomx għarfien dwar Alla.+ Qed nitkellem biex inġegħelkom tistħu.+

35 Iżda xi ħadd jgħid: “Kif se jiġu mqajmin il-​mejtin? Iva, b’liema xorta taʼ ġisem ġejjin?”+ 36 Bniedem bla raġuni! Dak li tiżraʼ ma jingħatax il-​ħajja jekk l-​ewwel ma jmutx;+ 37 u dak li tiżraʼ ma jkunx il-​ġisem li jiżviluppa, imma sempliċi żerriegħa,+ forsi tal-​qamħ jew taʼ xi ħaġa oħra; 38 imma Alla jagħtiha ġisem+ skond kif jogħġbu,+ u lil kull żerriegħa jagħtiha l-​ġisem tagħha. 39 Mhux kull laħam hu l-​istess laħam, imma hemm laħam tal-​bnedmin, ieħor tal-​bhejjem, ieħor taʼ l-​għasafar, u ieħor tal-​ħut.+ 40 U hemm iġsma tas-​sema,+ u iġsma taʼ l-​art;+ imma l-​glorja+ taʼ l-​iġsma tas-​sema hi ħaġa, u dik taʼ l-​iġsma taʼ l-​art hi oħra. 41 Il-glorja tax-​xemx+ hi ħaġa, u l-​glorja tal-​qamar+ hi oħra, u l-​glorja tal-​kwiekeb+ hi oħra; fil-​fatt, kewkba hi differenti minn kewkba oħra fil-​glorja.

42 Hekk ukoll hu l-​irxoxt tal-​mejtin.+ Jinżeraʼ fit-​taħsir, jiġi mqajjem bla taħsir.+ 43 Jinżeraʼ fid-​diżunur,+ jiġi mqajjem fil-​glorja.+ Jinżeraʼ fid-​dgħjufija,+ jiġi mqajjem fil-​qawwa.+ 44 Jinżeraʼ ġisem fiżiku,+ jiġi mqajjem ġisem spiritwali.+ Jekk hemm ġisem fiżiku, hemm ukoll ġisem spiritwali. 45 Saħansitra hekk hemm miktub: “L-​ewwel bniedem Adam sar ruħ ħajja.”+ L-​aħħar Adam sar spirtu+ li jagħti l-​ħajja.+ 46 Madankollu, mhux l-​ispiritwali hu l-​ewwel, imma l-​fiżiku, u wara l-​ispiritwali.+ 47 L-ewwel bniedem ġej mill-​art u magħmul mit-​trab;+ it-​tieni bniedem ġej mis-​sema.+ 48 Bħalma hu dak li hu magħmul mit-​trab,+ hekk ukoll huma dawk li huma magħmulin mit-​trab; u bħalma hu dak li hu tas-​sema,+ hekk ukoll huma dawk li huma tas-​sema.+ 49 U bħalma lbisna x-​xbieha+ taʼ dak li hu magħmul mit-​trab, se nilbsu wkoll ix-​xbieha+ taʼ dak li hu tas-​sema.

50 Madankollu, dan ngħidilkom ħuti: il-​laħam u d-​demm ma jistgħux jirtu s-​saltna t’Alla,+ lanqas it-​taħsir ma jiret in-​nuqqas taʼ taħsir.+ 51 Ara! Ngħidilkom sigriet sagru: Mhux ilkoll se norqdu fil-​mewt, imma lkoll se nitbiddlu,+ 52 f’mument, f’ħakka t’għajn, matul l-​aħħar trumbetta. Għax għad tinstemaʼ t-​trumbetta,+ u l-​mejtin jiġu mqajmin bla taħsir, u aħna nitbiddlu. 53 Għax jeħtieġ li dan il-​ġisem li jitħassar jilbes in-​nuqqas taʼ taħsir,+ u dan il-​ġisem mortali+ jilbes l-​immortalità. 54 Imma meta dan il-​ġisem li jitħassar jilbes in-​nuqqas taʼ taħsir u dan il-​ġisem mortali jilbes l-​immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: “Il-​mewt+ tinbelaʼ għal dejjem.”+ 55 “Mewt, fejn hi r-​rebħa tiegħek? Mewt, fejn hi t-​tingiża tiegħek?”+ 56 It-tingiża+ li twassal għall-​mewt hi d-​dnub, imma l-​qawwa tad-​dnub hi l-​Liġi.+ 57 Imma rroddu ħajr lil Alla, għax hu jagħtina r-​rebħa permezz tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu!+

58 Għaldaqstant, maħbubin ħuti, ibqgħu sodi,+ titħarrkux, waqt li dejjem ikollkom ħafna x’tagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej,+ għax tafu li t-​taħbit tagħkom fil-​Mulej m’huwiex għalxejn.+

16 Issa dwar il-​ġbir+ għall-​qaddisin,+ agħmlu intom ukoll bħalma ordnajt lill-​kongregazzjonijiet tal-​Galazja.+ 2 Kull l-​ewwel jum tal-​ġimgħa ħa jwarrab xi ħaġa kull wieħed minnkom skond ma jistaʼ u jfaddalha f’daru stess, sabiex il-​ġbir ma jsirx meta niġi. 3 U meta nasal hemmhekk, lil dawk kollha li tapprovawhom bl-​ittri+ nibgħathom biex jieħdu Ġerusalemm l-​għotja li għamiltu b’qalb tajba. 4 Madankollu, jekk ikun xieraq li jien immur hemmhekk ukoll, jiġu miegħi.

5 Imma jien niġi għandkom wara li nkun għaddejt mill-​Maċedonja,* għax se ngħaddi mill-​Maċedonja;+ 6 u forsi noqgħod u anki ngħaddi x-​xitwa magħkom, sabiex tkunu tistgħu tiġu+ miegħi biċċa mit-​triq fejn inkun sejjer. 7 Għax ma rridx narakom issa jien u għaddej, imma nittama li nibqaʼ xi żmien magħkom,+ jekk Ġeħova+ jippermetti.+ 8 Se nibqaʼ Efesu+ sal-​festa taʼ Pentekoste; 9 għax infetaħli bieb kbir għax-​xogħol,+ għalkemm hemm ħafna li jopponu.

10 Madankollu, jekk jasal Timotju,+ araw li ma jkollux għalfejn jibżaʼ fostkom, għax qed iwettaq ix-​xogħol taʼ Ġeħova,+ bħalma qed nagħmel jien. 11 Għalhekk, qisu li ħadd ma jmaqdru.+ Morru miegħu biċċa mit-​triq fil-​paċi, sabiex jiġi hawnhekk għandi, għax qed nistennieh maʼ l-​aħwa.

12 Issa dwar ħuna Apollo,+ jien tlabtu bi ħrara kbira biex jiġi għandkom maʼ l-​aħwa, iżda ma riedx assolutament jiġi issa; imma se jiġi meta jkollu l-​opportunità.

13 Ibqgħu mqajmin,+ żommu sod fil-​fidi,+ kunu rġiel,+ siru setgħanin.+ 14 Kulma tagħmlu agħmluh bl-​imħabba.+

15 Issa nħeġġiġkom, ħuti: tafu li dawk mid-​dar taʼ Stefanas huma l-​ewwel frott+ taʼ l-​Akaja* u li taw ruħhom biex jaqdu lill-​qaddisin.+ 16 Jalla tkomplu wkoll tissottomettu ruħkom lejn nies bħal dawn u lejn kulmin qed jikkoopera u jitħabat.+ 17 U nithenna bil-​preżenza taʼ Stefanas+ u Fortunatu u Akajku, għax dawn għamlu tajjeb għalikom li m’intomx hawnhekk. 18 Għax kienu taʼ serħan għall-​ispirtu tiegħi+ u tagħkom. Għalhekk, irrikonoxxuhom nies bħal dawn.+

19 Il-kongregazzjonijiet taʼ l-​Asja jibagħtulkom it-​tislijiet tagħhom.+ Akwila u Priska* flimkien mal-​kongregazzjoni li hemm f’darhom+ isellu għalikom mill-​qalb fil-​Mulej. 20 Isellu għalikom l-​aħwa kollha. Agħtu merħba lil xulxin b’bewsa qaddisa.+

21 Din hi t-​tislija tiegħi, Pawlu, minn idi stess.+

22 Jekk xi ħadd m’għandux affezzjoni lejn il-​Mulej, ħa jkun misħut.+ Ejja, O Mulej tagħna!+ 23 Jalla l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tal-​Mulej Ġesù tkun magħkom. 24 Jalla mħabbti tkun magħkom ilkoll f’unjoni maʼ Kristu Ġesù.

Letteralment, “qasbija.” Ara Eżo 5:12, in-​nota taʼ taħt.

Letteralment, “naqilgħu daqqiet taʼ ponn.”

Jew, “tutur,” wieħed li kien il-​protettur jew il-​kustodju tat-​tfal.

Jew, “dawk li huma verġni (kemm irġiel u kemm nisa).”

Ara vers 25, in-​nota taʼ taħt.

Jew, “xi ħadd (raġel jew mara) jaħseb li l-​imġiba tiegħu m’hijiex xierqa għall-​istat tiegħu bħala verġni.”

Letteralment, “fidil.”

Qabbel Eżo 34:14, in-​nota taʼ taħt.

Ara Mt 26:26, in-​nota taʼ taħt.

Ara At 16:9, in-​nota taʼ taħt.

Ara At 18:12, in-​nota taʼ taħt.

Jew, “Prixilla.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja