L-Ittra taʼ Ġakbu
1 Ġakbu,*+ ilsir+ t’Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu, lit-tnax-il tribù+ mxerrdin+ maʼ kullimkien:
Insellmilkom!
2 Qisuh bħala ferħ mill-akbar, ħuti, meta tiltaqgħu maʼ diversi provi,+ 3 għax bħalma tafu, meta l-fidi tagħkom tgħaddi mill-provi tipproduċi s-sabar.+ 4 Imma ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti+ u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.+
5 Mela, jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf,+ ħa jibqaʼ jitlob lil Alla,+ għax hu jagħti b’mod ġeneruż u mingħajr ma jċanfar lil ħadd;+ u jingħatalu.+ 6 Imma ħa jibqaʼ jitlob+ bil-fidi, bla ma jiddubita xejn,+ għax min jiddubita hu bħal mewġa tal-baħar immexxija mir-riħ+ u mitfugħa ’l hemm u ’l hawn. 7 Fil-fatt, ħa ma jistenniex dan il-bniedem li se jaqlaʼ xi ħaġa mingħand Ġeħova;+ 8 hu bniedem indeċiż+ u mhux sod+ f’kulma jagħmel.
9 Imma ħa jifraħ ħuna l-fqir minħabba l-eżaltazzjoni tiegħu,+ 10 u l-għani+ minħabba l-umiljazzjoni tiegħu, għax dan bħal fjura qalb il-ħaxix se jmut.+ 11 Bħalma x-xemx titlaʼ bi sħana taħraq u tnixxef il-ħaxix, u l-fjura tiegħu taqaʼ u jgħib il-ġmiel tad-dehra tiegħu, hekk ukoll l-għani se jidbiel f’dak li jagħmel f’ħajtu.+
12 Hieni l-bniedem li jibqaʼ jissaporti l-provi,+ għaliex meta jiġi approvat jirċievi l-kuruna tal-ħajja,+ li Ġeħova wiegħed lil dawk li jibqgħu jħobbuh.+ 13 Meta jkun għaddej minn prova,+ ħalli ħadd ma jgħid: “Alla qed jgħaddini minn prova.” Għax Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena. 14 Imma kull bniedem jiġi provat billi jkun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess.+ 15 Imbagħad, meta x-xewqa ssir fertili, tiled id-dnub;+ u meta d-dnub jitwettaq, iġib il-mewt.+
16 Titqarrqux,+ ħuti maħbubin. 17 Kull għotja tajba+ u kull rigal perfett ġej minn fuq,+ għax jinżel mingħand il-Missier tad-dwal tas-sema.+ Hu ma jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq.+ 18 Fi qbil mar-rieda tiegħu,+ hu nissilna bil-kelma tal-verità,+ biex inkunu fost l-ewwel frott+ tal-ħlejjaq tiegħu.
19 Kunu afu dan, ħuti maħbubin. Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem,+ tqil biex jinkorla;+ 20 għax il-korla tal-bniedem ma twettaqx dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.+ 21 Għalhekk, warrbu l-ħmieġ kollu u dik il-ħaġa żejda—il-ħażen+—u aċċettaw bil-ħlewwa li fikom titħawwel il-kelma+ li tistaʼ ssalvalkom ruħkom.+
22 Madankollu, qisu li tagħmlu l-kelma,+ u mhux tisimgħuha biss, u b’hekk tqarrqu bikom infuskom bi rraġunar falz.+ 23 Għax jekk xi ħadd jismaʼ l-kelma u ma jagħmilhiex,+ dan qisu wieħed li jħares lejn wiċċu naturali f’mera. 24 Iħares lejn wiċċu u jitlaq ’l hemm, u minnufih jinsa liema xorta taʼ bniedem hu. 25 Imma min iħares fiss lejn il-liġi perfetta+ tal-libertà u jibqaʼ jagħmel hekk, peress li dan ma jkunx wieħed li jismaʼ u jinsa imma wieħed li jobdi l-kelma,+ ikun hieni+ li qed jagħmilha.
26 Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb+ u madankollu ma jrażżanx ilsienu,+ imma jkompli jqarraq b’qalbu stess,+ il-qima taʼ dan il-bniedem hi fiergħa.+ 27 Il-qima li hi nadifa+ u bla tinġis+ mill-ħarsa t’Alla tagħna u Missierna hi din: li tieħu ħsieb l-iltiema+ u r-romol+ fit-tribulazzjoni tagħhom,+ u li żżomm ruħek mingħajr tebgħa+ mid-dinja.+
2 Ħuti, qegħdin intom tħarsu lejn l-uċuħ+ waqt li tipprattikaw il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej u l-glorja tagħna?+ 2 Per eżempju, f’xi laqgħa tagħkom+ jidħol raġel bi ċrieket tad-deheb f’subgħajh u bi lbies impressjonanti, u jidħol ukoll raġel fqir bi lbies maħmuġ.+ 3 Madankollu titbissmu+ lil dak bi lbies impressjonanti u tgħidulu: “Poġġi hawnhekk f’post tajjeb,” u lill-fqir tgħidulu: “Ibqaʼ bil-wieqfa,” jew: “Poġġi hemmhekk taħt il-banketta għal saqajja.” 4 Jekk tagħmlu dan, ma tkunux intom qed tagħmlu d-distinzjonijiet tal-klassi bejnietkom+ u tkunu sirtu mħallfin+ li jieħdu deċiżjonijiet ħżiena?+
5 Isimgħu, ħuti maħbubin. Mhux Alla kien li għażel lill-foqra+ għad-dinja biex ikunu għonja+ fil-fidi u werrieta tas-saltna, li hu wiegħed lil dawk li jħobbuh?+ 6 Iżda intom iddiżonorajtu lill-fqir. Mhux l-għonja jaħqrukom,+ u jkaxkrukom lejn il-qrati?+ 7 Mhux huma jidgħu+ bl-isem sabiħ li bih kontu msejħin?+ 8 Issa, jekk tibqgħu twettqu l-liġi nobbli*+ skond l-iskrittura: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek,”+ tkunu qed tagħmlu sew. 9 Imma jekk tkomplu tħarsu lejn l-uċuħ,+ tkunu qed tidinbu, għax qed tiġu mwiddbin mil-liġi+ talli qed tiksruha.
10 Għax kulmin josserva l-Liġi kollha imma jonqos f’ħaġa waħda, ikun qed jiksirhom kollha.+ 11 Għax dak li qal: “Tagħmilx adulterju,”+ qal ukoll: “Toqtolx.”+ Issa, jekk int ma tagħmilx adulterju imma toqtol, tkun qed tikser il-liġi. 12 Ibqgħu tkellmu u aġixxu bħala dawk li se jiġu ġudikati mil-liġi taʼ poplu ħieles.+ 13 Għax min ma jipprattikax il-ħniena se jiġi ġudikat mingħajr ħniena.+ Il-ħniena tifraħ bir-rebħa fuq il-ġudizzju.
14 X’jiswa, ħuti, jekk xi ħadd jgħid li għandu l-fidi+ imma m’għandux għemejjel?+ Din il-fidi ma tistax issalvah, hux veru?+ 15 Jekk ħu jew oħt m’għandhomx x’jilbsu u huma neqsin mill-ikel taʼ kuljum,+ 16 u madankollu wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru fil-paċi, isħnu u ixbgħu,” imma ma tagħtuhomx il-bżonnijiet għal ġisimhom, x’jiswa?+ 17 Hekk ukoll il-fidi, jekk m’għandhiex għemejjel,+ hi mejta fiha nfisha.
18 Minkejja dan, xi ħadd jistaʼ jgħid: “Int għandek il-fidi, u jien għandi l-għemejjel. Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemejjel, u jien nurik il-fidi tiegħi bl-għemejjel tiegħi.”+ 19 Int temmen li hemm Alla wieħed, hux tassew?+ Qed tagħmel sew. U madankollu d-demonji jemmnu u jirtogħdu.+ 20 Imma trid tkun taf, ja bniedem vojt, li l-fidi mingħajr għemejjel hi inattiva? 21 Missierna+ Abraham mhux bl-għemejjel ġie dikjarat ġust wara li kien offra lil ibnu Iżakk fuq l-artal?+ 22 B’dan tistaʼ tara li l-fidi tiegħu ħadmet id f’id maʼ l-għemejjel tiegħu u b’dawn l-għemejjel il-fidi tiegħu saret perfetta,+ 23 u twettqet l-iskrittura li tgħid: “Abraham poġġa l-fidi f’Ġeħova, u dan ngħaddlu bħala ġustizzja,”+ u beda jissejjaħ “il-ħabib taʼ Ġeħova.”+
24 B’hekk tistgħu taraw li bniedem jiġi dikjarat ġust+ bl-għemejjel,+ u mhux bil-fidi biss.+ 25 Bl-istess mod ma kinitx ukoll Raħab+ il-prostituta dikjarata ġusta bl-għemejjel, wara li kienet laqgħet lill-messaġġiera bl-ospitalità u bagħtithom minn triq oħra?+ 26 Tabilħaqq, bħalma l-ġisem mingħajr l-ispirtu hu mejjet,+ hekk ukoll il-fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.+
3 Mhux ħafna minnkom għandhom isiru għalliema,+ ħuti, għax nafu li aħna se nirċievu ġudizzju iktar iebes.+ 2 Għax ilkoll nitfixklu ħafna drabi.+ Jekk xi ħadd ma jitfixkilx f’dak li jgħid,+ dan ikun raġel perfett,+ kapaċi jliġġem ukoll lil ġismu kollu. 3 Jekk inpoġġu lġiem+ f’ħalq iż-żwiemel biex jobduna,+ nikkontrollaw ukoll ġisimhom kollu. 4 Ara! Saħansitra l-bastimenti, għalkemm huma kbar ħafna u jiġu mbottati minn irjieħ qawwijin, jiġu gwidati minn naqra taʼ tmun+ lejn id-direzzjoni li jfettillu t-tmunier.
5 Hekk, ukoll, l-ilsien hu membru ċkejken u madankollu mimli ftaħir.+ Ara! Kif jaqbad bosk sħiħ b’daqsxejn nar! 6 Sewwa, l-ilsien hu nar.+ L-ilsien fih innifsu hu dinja taʼ ħażen fost il-membri taʼ ġisimna, għax itebbaʼ l-ġisem kollu+ u jagħti n-nar lir-rota tal-ħajja tal-bniedem u jingħata n-nar minn Geħenna.* 7 Għax kull xorta taʼ bhejjem salvaġġi kif ukoll t’għasafar u ħlejjaq li jitkaxkru u ħlejjaq tal-baħar jistgħu jiġu mmansati u ġew immansati mill-bniedem.+ 8 Imma l-ilsien, ħadd mill-bnedmin ma jistaʼ jimmansah. Dan jagħmel ħafna ħsara, ma jitrażżanx, u mimli velenu li jġib il-mewt.+ 9 Bih inbierku lil Ġeħova,+ il-Missier,+ u madankollu bih nisħtu+ lill-bnedmin li nħolqu “fix-xebh t’Alla.”+ 10 Mill-istess fomm joħorġu l-barka u s-saħta.
Mhux xieraq, ħuti, li dawn l-affarijiet ikomplu sejrin hekk.+ 11 L-ilma ħelu u l-ilma morr ma jnixxux mill-istess għajn,+ hux hekk? 12 Ħuti, tina ma tistax tagħmel iż-żebbuġ jew dielja tagħmel it-tin, hux hekk?+ Lanqas l-ilma mielaħ ma jistaʼ jagħmel ilma ħelu.
13 Min hu għaref u kapaċi jifhem fostkom? Ħa juri bil-kondotta tajba tiegħu l-għemejjel tiegħu+ bil-ħlewwa li ġejja mill-għerf. 14 Imma jekk fi qlubkom għandkom għira kollha mrar+ u spirtu ġellied,+ tiftaħrux+ u tigdbux kontra l-verità.+ 15 Dan m’huwiex l-għerf li ġej minn fuq,+ imma hu taʼ l-art,+ taʼ l-annimali, tad-demonji.+ 16 Għax fejn hemm l-għira+ u l-ġlied, hemm id-diżordni u kull ħaġa vili.+
17 Imma l-għerf+ li ġej minn fuq hu l-ewwelnett safi,+ imbagħad iġib il-paċi,+ hu raġunevoli,+ lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb,+ ma jagħmilx distinzjonijiet parzjali,+ mhux ipokrita.+ 18 Barra minn hekk, il-frott+ tal-ġustizzja+ jinżeraʼ f’kundizzjonijiet paċifiċi+ għal dawk li qegħdin iġibu l-paċi.+
4 Minfejn ġejjin il-gwerer u minfejn ġej il-ġlied fostkom? Mhux minn dan ġejjin,+ jiġifieri, mix-xenqiet tagħkom għall-pjaċiri senswali li jitqabdu fil-membri taʼ ġisimkom?+ 2 Tixtiequ, iżda m’għandkomx. Tibqgħu toqtlu+ u tixxennqu b’għira,+ iżda ma tistgħu tiksbu xejn. Tibqgħu tiġġieldu+ u tiggwerraw. M’għandkomx, għax ma titolbux. 3 Titolbu, iżda ma taqilgħux, għax qegħdin titolbu għal skop ħażin,+ biex ikollkom xi tberbqu fix-xenqiet għall-pjaċiri senswali.+
4 Adulteri,+ ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hi għadwa m’Alla?+ Għalhekk, kulmin irid ikun ħabib+ tad-dinja qed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.+ 5 Jew jidhrilkom li għalxejn l-iskrittura tgħid: “Huwa b’tendenza għall-għira li l-ispirtu+ li qed jgħammar fina jibqaʼ jixxennaq”? 6 Iżda, il-qalb tajba mhix mistħoqqa li Hu juri hi akbar.+ Għaldaqstant tgħid: “Alla jopponi lis-suppervi,+ imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-umli.”+
7 Għalhekk, issottomettu ruħkom+ lejn Alla; imma opponu lix-Xitan,+ u hu jaħrab minnkom.+ 8 Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.+ Naddfu idejkom, midinbin,+ u saffu qlubkom,+ intom l-indeċiżi.+ 9 Kunu miżerabbli u tnikktu u ibku.+ Ħa jinbidel id-daħq tagħkom f’niket, u l-ferħ tagħkom fi dwejjaq.+ 10 Umiljaw ruħkom f’għajnejn Ġeħova,+ u hu jeżaltakom.+
11 Tibqgħux titkellmu kontra xulxin, ħuti.+ Min jitkellem kontra ħuh jew jiġġudika+ lil ħuh ikun qed jitkellem kontra l-liġi u jiġġudika l-liġi. Issa, jekk tiġġudika l-liġi, m’intix qed tagħmel dak li trid il-liġi, imma qed tagħmilha taʼ mħallef.+ 12 Wieħed hu l-leġislatur u l-imħallef,+ dak li kapaċi jsalva u jeqred.+ Imma int, min int biex tiġġudika lill-proxxmu tiegħek?+
13 Ejjew, issa, intom li tgħidu: “Illum jew għada nivvjaġġaw lejn din il-belt u nqattgħu sena hemmhekk, u ninnegozjaw u nagħmlu l-qligħ,”+ 14 filwaqt li ma tafux x’se jsir minnkom għada,+ għax intom ċpar li jidher għal ftit u mbagħad jgħib.+ 15 Minflok, għandkom tgħidu: “Jekk Ġeħova jrid,+ nibqgħu ħajjin u nagħmlu wkoll dan jew dak.”+ 16 Imma issa titkabbru bil-ftaħir bikom infuskom.+ Din il-kburija kollha hi tassew ħażina. 17 Għalhekk, jekk wieħed ikun jaf kif jagħmel dak li hu sewwa u ma jagħmlux,+ ikun qed jidneb.+
5 Ejjew, issa, intom l-għonja,+ ibku, newħu minħabba l-miżerji li ġejjin fuqkom.+ 2 Ir-rikkezzi tagħkom tmermru, u ħwejjiġkom ittieklu mill-kamla.+ 3 Id-deheb u l-fidda tagħkom imsaddin, u s-sadid tagħhom se jixhed kontrikom u jiklilkom laħamkom. Xi ħaġa bħal nar+ ħżintu+ fl-aħħar jiem.+ 4 Ara! Il-pagi li għandhom jieħdu l-ħaddiema li ħasdulkom l-għelieqi imma li qed iżżommu għandkom+ ikomplu jgħajtu,+ u s-sejħiet tal-ħassada għall-għajnuna+ waslu f’widnejn+ Ġeħova taʼ l-armati. 5 Intom għextu fil-lussu fuq l-art u ntlaqtu għall-pjaċiri senswali.+ Semmintu qlubkom sa jum il-qatla.+ 6 Intom ikkundannajtu u qtiltu lill-ġust. M’huwiex qed jiħodha kontra tagħkom?+
7 Għalhekk, ħuti, kunu paċenzjużi sal-preżenza+ tal-Mulej. Ara! Il-bidwi jibqaʼ jistenna l-frott prezzjuż taʼ l-art, u jistennieh bil-paċenzja sakemm ikollu l-ewwel u l-aħħar xita.+ 8 Intom ukoll kunu paċenzjużi;+ issodaw lil qlubkom, għax il-preżenza tal-Mulej qorbot.+
9 Tkunux imdejqin b’xulxin, ħuti, sabiex ma tiġux ġudikati.+ Ara! L-Imħallef qiegħed wieqaf quddiem il-bieb.+ 10 Ħuti, ħudu bħala mudell+ lill-profeti+ li tkellmu f’isem Ġeħova,+ sofrew il-ħażen,+ u kienu paċenzjużi.+ 11 Ara! Aħna niddikjaraw henjin lil dawk li ssaportew.+ Smajtu bis-sabar taʼ Ġob+ u rajtu t-tmiem li tah Ġeħova;+ għax Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.+
12 Iżda fuq kollox, ħuti, tibqgħux taħilfu, iva, la bis-sema, la bl-art, u lanqas b’xi ħalfa oħra.+ Imma ħallu l-Iva tagħkom ikun Iva, u l-Le, Le, sabiex ma tiġux ġudikati.+
13 Hemm xi ħadd li qed isofri l-ħażen fostkom? Ħa jkompli jitlob.+ Hemm xi ħadd b’burdata tajba? Ħa jkanta s-salmi.+ 14 Hemm xi ħadd marid fostkom?+ Ħa jsejjaħ għandu lill-anzjani+ tal-kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, jidilkuh biż-żejt+ f’isem Ġeħova. 15 U t-talb tal-fidi jfejjaq lill-marid,+ u Ġeħova jqajmu.+ Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.+
16 Għalhekk, stqarru bil-miftuħ+ dnubietkom lil xulxin u itolbu għal xulxin sabiex tfiqu.+ It-talb bil-ħerqa tal-ġust għandu qawwa kbira f’dak li jistaʼ jwettaq.+ 17 Elija kien raġel b’sentimenti bħal tagħna,+ u madankollu talab biex ma tagħmilx xita;+ u m’għamlitx xita fuq l-art għal tliet snin u sitt xhur. 18 U reġaʼ talab, u s-sema ta x-xita u l-art tat il-frott.+
19 Ħuti, jekk xi ħadd fostkom jiġi żvijat mill-verità u ħaddieħor idawru lura,+ 20 kunu afu li dak li jreġġaʼ midneb lura mill-iżball+ li kien miexi fih isalvalu ruħu mill-mewt+ u jgħatti kotra taʼ dnubiet.+
“Ġakbu” hu forma mqassra taʼ Ġakobb, li jfisser “Jaqbad l-Għarqub; Jieħu Post Ħaddieħor.”
Letteralment, “il-liġi taʼ sultan.”
Ara Appendiċi 2.