L-Istil taʼ Ħajtek X’Inhuma r-Riskji?
F’ĦAFNA modi x-xejra f’dik li hi saħħa qatt ma dehret iktar favorevoli minn hekk. Rapport taʼ l-1998 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jgħid: “Iktar nies minn qatt qabel issa għandhom aċċess għallinqas għal kura minima tas-saħħa, u għal provvisti taʼ l-ilma mhux perikolużi u faċilitajiet tas-sanità.” Bla dubju, ħafna mill-popolazzjoni tad-dinja għadha tbati minn kundizzjonijiet foqra, imma bħalma rrapportat il-British Broadcasting Corporation (BBC), “il-faqar madwar id-dinja naqas iktar f’dawn l-aħħar 50 sena milli fil-500 sena taʼ qabel.”
Titjib fis-sistemi dinjin tal-kura tas-saħħa żied bosta snin mal-medja li kulħadd mad-dinja kollha huwa mistenni li jgħix mat-twelid. Fl-1955 il-medja kienet taʼ 48 sena. Sa l-1995 din telgħet għal 65 sena. Raġuni waħda għal din iż-żjieda hija l-avvanzi li saru kontra l-mard tat-tfulija.
Ftit iktar minn 40 sena ilu, 40 fil-mija taʼ l-imwiet kollha kienu taʼ tfal taħt il-ħames snin. Madankollu, sa l-1998, grazzi għat-tilqim, bosta mit-tfal tad-dinja kellhom l-immunità kontra l-mard ewlieni tat-tfulija. B’hekk, in-numru taʼ mwiet taʼ tfal taħt il-ħames snin naqas għal 21 fil-mija taʼ l-imwiet kollha. Skond il-WHO, kien hemm “xejra ċarissma lejn ħajja itwal u mimlija b’iktar saħħa.”
M’għandniex xi ngħidu, ħajja itwal bi ftit li xejn titjib fil-kwalità tagħha, tkun rebħa bla sens. Biex ifittxu kundizzjonijiet aħjar t’għajxien, ħafna nies ipoġġu enfasi żejjed fuq pjaċiri materjali. Madankollu, stil taʼ ħajja bħal dan jistaʼ jkollu fih innifsu r-riskji għas-saħħa.
Stil taʼ Ħajja Aħjar?
L-iżviluppi soċjo-ekonomiċi taʼ dan l-aħħar ġabu bidliet tremendi fl-istili taʼ ħajja tan-nies. Issa bosta wħud f’pajjiżi żviluppati jistgħu jixtru oġġetti u servizzi li qabel dawk iktar għonja biss setgħu jixtruhom. U filwaqt li xi wħud minn dawn l-avvanzi żiedu l-prospett taʼ ħajja itwal, ħafna nies inġibdu lejn stil taʼ ħajja li jeqirdilhom ħajjithom stess.
Per eżempju, miljuni wżaw il-poter akbar tagħhom tax-xiri biex jakkwistaw affarijiet mhux essenzjali bħal drogi, alkoħol, u tabakk. B’dispjaċir, ir-riżultati kienu previdibbli għalkollox. “It-theddida li qed tikber b’rata mgħaġġla għas-saħħa pubblika fid-dinja m’hijiex xi marda,” tgħid ir-rivista World Watch, “hija prodott.” Ir-rivista żżid: “Fi żmien 25 sena, mard kaġunat mit-tabakk huwa mistenni li jaqbeż il-mard infettiv bħala t-theddida primarja għas-saħħa umana mad-dinja kollha.” Iktar minn hekk, Scientific American jgħid: “Ħaġa taʼ l-iskantament, 30 fil-mija tal-kanċer fatali huwa primarjament ħtija tat-tipjip, u daqstant ieħor ħtija taʼ l-istil taʼ ħajja, speċjalment tal-prattiċi dijetetiċi u n-nuqqas t’eżerċizzju.”
Bla dubju, l-għażliet li nagħmlu dwar il-mod kif ngħixu għandhom impatt kbir fuq saħħitna. Allura, kif nistgħu nibqgħu f’saħħitna jew intejbuha? Huma biżżejjed id-dieta u l-eżerċizzju? Iżjed minn hekk, fatturi mentali u spiritwali liema parti għandhom fi stil taʼ ħajja tajjeb għas-saħħa?