Kif Tipproteġi Saħħtek
L-ISFIDA llum hi li niddeċiedu liema ħaġa se jkollha l-akbar impatt fuq saħħitna. Il-medja mliet is-suq b’tagħrif dwar id-dieti, l-eżerċizzju, is-supplimenti alimentari, u ruxxmata taʼ kwistjonijiet oħrajn relatati mas-saħħa. Sfortunatament, ħafna minnu huwa kontradittorju. Denise Grady, kittieba tax-xjenza, tgħid: “Il-pariri mogħtijin lill-pubbliku dwar x’għandu jiekol, liema mediċini għandu jieħu u, bażikament, kif irid jgħix, milli jidher jinbidlu kompletament kulmeta jiġi pubblikat studju ġdid f’ġurnal mediku.”
Xi tobba jagħtu l-parir li l-manjiera l-iktar sensibbli tkun illi nżommu maʼ l-affarijiet bażiċi minflok ma wieħed joqgħod jesperimenta b’kull ħaġa ġdida li toħroġ dwar is-saħħa. Per eżempju, The American Medical Association Family Medical Guide jgħid: “Tistaʼ tibqaʼ iktar f’saħħtek tul ħajtek billi tagħmel bidliet pożittivi fl-istil taʼ ħajtek u billi tmur għal visti regulari, sabiex kwalunkwe marda li tiżviluppa tistaʼ tinstab u tiġi trattata minn kmieni.” Imma liema xorta taʼ “bidliet pożittivi fl-istil taʼ ħajtek” huma l-iktar taʼ benefiċċju? Ejja nikkunsidraw tlieta minnhom.
Agħżel Ikel Tajjeb għas-Saħħa
Awtoritajiet mediċi jirrikkmandawlna li nieklu varjetà vasta taʼ ikel, u l-akbar porzjon tal-kaloriji tagħna jiġi minn karboidrati kumplessi, speċjalment dawk li jinstabu fiċ-ċereali integrali, fil-fażola, fil-ħaxix, u fil-frott.a Madankollu, saħħitna mhux biss hija effettwata minn dak li nieklu imma wkoll minn kemm nieklu. Huwa importanti li nieklu bil-moderazzjoni. Il-fatt li regolarment nieħdu iktar kaloriji milli jistaʼ jaħraq ġisimna jwassal għall-ħxuna. Dan, imbagħad, jistaʼ jikkaġuna tensjoni fuq il-qalb, idgħajjef il-ġisem, u jagħmel lil dak li jkun “iktar suxxettibbli għall-mard tal-qalb, id-dijabete, l-artrite rewmatika, u ħafna iktar tipi oħrajn taʼ taqlib,” jgħid ktieb mediku taʼ gwida.
Fis-snin reċenti ngħatat attenzjoni kbira għall-kwistjoni tax-xaħam fid-dieta. Ħafna professjonisti tas-saħħa jgħidu li dieta mimlija xaħmijiet saturati żżid ir-riskju taʼ mard tal-qalb u ċerti tipi taʼ kanċer. Madankollu, dan ma jfissirx li għandna bżonn neliminaw ix-xaħam kollu mid-dieta tagħna. “F’dieta tajba għas-saħħa hemm post għal dak li tħobb, f’ċertu ammont, kważi kuljum,” tgħid Mary Abbott Hess, ex-presidentessa taʼ l-Assoċjazzjoni Dijetetika Amerikana. Is-sigriet hu li żżomm il-porzjonijiet żgħar u tillimita sorsi oħrajn taʼ xaħam.
Huwa veru li m’huwiex faċli li tbiddel id-drawwiet taʼ l-ikel tiegħek. Fil-fatt, xi wħud jistgħu jirraġunaw li, jekk ikollhom iċaħħdu lilhom infushom kontinwament minn ikel li jieħdu pjaċir jieklu, il-ħajja ma tantx tkun pjaċevoli biex tgħixha. Imma minflok ma tadotta l-ħarsa taʼ jew-kollox-jew-xejn, ipprova sib bilanċ moderat. Hija iktar kwistjoni taʼ li titrażżan milli tiċċaħħad kompletament. Il-Family Medical Guide, li kkwotajna qabel, jgħid: “Li tadotta stil taʼ ħajja tajjeb għas-saħħa ma jfissirx li għandek tieqaf milli tgawdi l-ħajja.”
Speċjalisti tad-dijetetika jissuġġerixxu li spiss tistaʼ tbatti l-impatt li jiġi milli tagħmel aġġustamenti fid-dieta tiegħek billi tnaqqas l-ikel li mhux tajjeb għas-saħħa gradwalment. Per eżempju, ibbilanċja d-dieta tiegħek matul il-ġimgħa kollha, mhux f’jum wieħed biss. Jekk bħalissa tiekol laħam aħmar kuljum, ipprova naqqsu għal tliet darbiet fil-ġimgħa. L-istess japplika għal ikel li fih ħafna xaħmijiet saturati, bħall-butir, il-ġobon, il-ġelat, u ikel taʼ malajr li fih ħafna xaħmijiet. Il-mira għandha tkun li tnaqqas l-ammont taʼ xaħam li tieħu sabiex dan ma jkunx iktar minn 30 fil-mija tal-kaloriji tiegħek kollha.
Dr. Walter Willett mill-Università taʼ Harvard iwissi kontra li wieħed inaqqas ix-xaħam mid-dieta u jissostitwixxih b’ikel li fih ħafna karboidrati u zokkor. Taʼ spiss dan jirriżulta f’żjieda fil-piż. Mod aħjar ikun li tnaqqas kemm ix-xaħmijiet kif ukoll il-karboidrati fid-dieta tiegħek.
Eżerċizzju Moderat
Stil taʼ ħajja tajjeb għas-saħħa jinkludi programm t’eżerċizzju regulari. Dr. Steven Blair, editur tar-rapport dwar is-saħħa fiżika magħmul mill-uffiċjal mediku ewlieni taʼ l-Istati Uniti, jgħid: “Nies li jaqilbu minn stil taʼ ħajja sedentarju għal attività moderata jnaqqsu bin-nofs ir-rata taʼ l-imwiet kaġunati minn mard tal-qalb.” Id-dispjaċir hu li ħafna nies illum lanqas f’attività fiżika moderata ma jieħdu sehem. Per eżempju, fl-Istati Uniti, 1 minn kull 4 min-nies jintqal li hu inattiv kompletament. Fil-Kanada, studju intitolat 1997 Physical Activity Benchmarks sab li “63 fil-mija tal-Kanadiżi kienu attivi fiżikament għal inqas minn siegħa kuljum,” tirrapporta The Toronto Star. U xi riċerkaturi fil-Britannja jgħidu li grupp wieħed mit-tfal li ħadu sehem fl-istudju kienu “tant inattivi li qalbhom tħabbat b’rata li hija ftit differenti meta jkunu mqajmin minn meta jkunu reqdin.”—The Sunday Times.
Qabel kien maħsub li eżerċizzju erobiku vigoruż biss huwa taʼ benefiċċju għas-saħħa. Imma m’hemmx għalfejn tagħmel eżerċizzji li jifilġuk biex ittejjeb saħħtek. Fil-fatt, skond ir-rapport magħmul mill-uffiċjal mediku ewlieni, “billi taħraq sempliċement 150 kalorija kuljum [b’eżerċizzju moderat] tistaʼ tnaqqas ir-riskju taʼ mard tal-qalb, pressjoni għolja tad-demm, kanċer u dijabete.”
Meta tagħżel xi attività għall-eżerċizzju, huwa importanti li tagħżel xi ħaġa li tieħu gost tagħmilha. Inkella, m’intix se tagħmilha parti mill-istil taʼ ħajtek. Is-sigriet huwa mhux daqstant liema eżerċizzju tagħmel imma kemm-il darba tagħmlu. L-Istituti Nazzjonali tas-Saħħa taʼ l-Istati Uniti jissuġġerixxu li bħala linja taʼ gwida ġenerali, “it-tfal u l-adulti bl-istess mod għandhom jagħmluha mira li jakkumulaw minn taʼ l-inqas 30 minuta t’attività fiżika b’intensità moderata fil-biċċa l-kbira tal-ġranet tal-ġimgħa, u preferibbilment kuljum.”
Liema tip t’attività hija kunsidrata li għandha intensità moderata? L-għawm, il-mixi bl-għaġla, il-ġiri bir-rota, li taħsel u tillostra l-karozza, li titlaʼ t-taraġ, u li tnaddaf il-bitħa. M’għandekx għalfejn tinkiteb f’xi ġimm jew xi klabb tas-saħħa biex tipproteġi saħħtek. Madankollu, hemm ħaġa waħda li għandek toqgħod attent għaliha: L-awtoritajiet mediċi jirrikkmandaw li jekk għandek storja taʼ mard kardjovaskulari jew jekk int raġel fuq l-40 sena jew mara fuq il-50, għandek tkun żgur li tikkonsulta t-tabib tiegħek qabel ma tibda xi programm t’eżerċizzju.
Xi Ngħidu għat-Tipjip, id-Drogi, u l-Alkoħol?
It-tipjip: Id-duħħan tas-sigaretti fih iktar minn 4,000 sustanza li jheddu s-saħħa, li 200 minnhom huma magħrufin bħala veleni. Madankollu, għandu kemm għandu tossiċi, ma tantx hemm dubju dwar l-effett devastanti li jħalli t-tipjip fuq is-saħħa taʼ dak li jkun. Ftit huma l-prodotti għall-konsumaturi li jistgħu jitqabblu mat-tabakk fl-għadd taʼ mwiet li jikkaġunaw. Per eżempju, fl-Istati Uniti jmutu għaxar darbiet iktar nies minn mard relatat mat-tabakk milli minn inċidenti tal-karozzi. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tikkalkula li fuq skala globali, t-tipjip jieħu mat-tliet miljun ruħ kull sena!
Flimkien maʼ riskju akbar taʼ kanċer u mard tal-qalb, dawk li jpejpu jkollhom taʼ spiss iktar irjiħat, ulċeri fl-istonku, bronkite kronika, u pressjoni tad-demm ogħla minn dawk li ma jpejpux. It-tipjip idgħajjef ukoll is-sens tax-xamm u tat-togħma taʼ dak li jkun. Jidher ċar li l-qtugħ tas-sigaretti huwa wieħed mill-iktar miżuri preventivi importanti tas-saħħa li wieħed jistaʼ jieħu. Imma xi ngħidu għad-drogi u l-alkoħol?
Id-drogi: L-abbuż mid-drogi swielha ferm lill-ħajja umana mad-dinja kollha. Id-Dipartiment tas-Servizzi Umani u tas-Saħħa taʼ l-Istati Uniti jgħid: “Kull sena, l-abbuż mid-drogi joqtol 14,000 Amerikan.” Imma dawk li jużaw id-drogi b’mod illeċitu m’humiex l-uniċi wħud li huma effettwati min-negozju tad-drogi. Sabiex jiffinanzjaw il-vizzju tagħhom, ħafna drogati jduru għall-vjolenza u ħajja taʼ kriminalità. The Sociology of Juvenile Delinquency jgħid: “Ir-rivalità fis-sistemi li għandhom x’jaqsmu mad-distribuzzjoni tal-crack [kokaina] bidlet lil xi komunitajiet fil-qalba taʼ l-ibliet għal ‘żoni [urbani] tal-mewt,’ fejn ir-rati taʼ omiċidju huma tant għoljin li l-pulizija warrbuhom fil-ġenb bħal biċċa art żdingata mhix mixtieqa.”
M’għandniex xi ngħidu, l-abbuż mid-drogi żgur li m’huwiex problema fl-Istati Uniti biss. Skond kalkolu wieħed, kull sena bejn 160,000 u 210,000 ruħ mad-dinja kollha jmutu minn titqib tad-drogi. Flimkien maʼ dan, miljuni t’oħrajn jużaw tipi oħrajn taʼ drogi li jagħmlu l-ħsara, bħall-khat (stimulant taʼ werqa ħadra), il-betel nut, u l-kokaina.
L-alkoħol: Filwaqt li d-drogi qawwijin bħall-kokaina crack u l-eroina jisirqu l-attenzjoni pubblika, l-abbuż mill-alkoħol jikkaġuna saħansitra iktar ħsara. L-alkoħoliżmu “jeffettwa wieħed minn kull 10 Kanadiżi,” tirrapporta The Medical Post, “u lis-sistema tal-kura tas-saħħa jiswielha $10 elef miljun [Lm3.8 elef miljun] kull sena.” Huwa stmat li fl-Istati Uniti l-alkoħol huwa fattur li jikkontribwixxi għal 50 fil-mija taʼ l-inċidenti fatali tat-traffiku u n-nirien, 45 fil-mija taʼ l-imwiet b’għarqa, u 36 fil-mija taʼ l-inċidenti taʼ dawk li jkunu mexjin. L-abbuż mill-alkoħol huwa mdeffes ukoll f’ħafna atti kriminali vjolenti. Dawk li jikkommettu qtil, assalt, stupru, abbuż fuq it-tfal, jew suwiċidju taʼ spiss ikollhom l-alkoħol bħala s-sieħeb mistur tagħhom.
Jekk xi ħadd li tħobb jiddependi fiżikament mill-alkoħol, mit-tabakk, jew mid-drogi, fittex l-għajnuna.b Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tgħid li “ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.” (Proverbji 17:17) Iva, li tistrieħ fuq l-appoġġ kollu mħabba kemm tal-familja u kemm tal-ħbieb jistaʼ jagħmel ħafna biex jgħinek tkampa maʼ sitwazzjoni diffiċli.
Imma biex int tkun tassew f’saħħtek, hemm bżonn iktar minn saħħa fiżika tajba. Fatturi mentali u spiritwali wkoll għandhom parti importanti f’li jinżamm stil taʼ ħajja tajjeb għas-saħħa. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dan.
[Noti taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar dieta tajba għas-saħħa, ara l-Awake!, tat-22 taʼ Ġunju, 1997, paġni 7-13.
b Ara s-serje “Help for Alcoholics and Their Families,” (Għajnuna għall-Alkoħoliċi u l-Familji Tagħhom) fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Mejju, 1992.
[Kumment f’paġna 5]
“Li tadotta stil taʼ ħajja tajjeb għas-saħħa ma jfissirx li għandek tieqaf milli tgawdi l-ħajja”
[Kumment f’paġna 6]
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tikkalkula li t-tipjip jieħu mat-tliet miljun ruħ kull sena
[Kumment f’paġna 7]
“F’dieta tajba għas-saħħa hemm post għal dak li tħobb, f’ċertu ammont, kważi kuljum”
[Stampa f’paġna 5]
Eżerċizzju regulari jistaʼ jkun parti minn stil taʼ ħajja tajjeb għas-saħħa
[Stampa f’paġna 6]
Irrifjuta t-tabakk u d-drogi illegali
[Stampa f’paġna 7]
Il-frott u l-ħaxix huma tajbin għalik
[Stampa f’paġna 7]
Il-qadjiet domestiċi taʼ kuljum ukoll jistgħu jkunu eżerċizzju tajjeb għas-saħħa