LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 12/8 pp. 29-31
  • Mill-Agunija għall-Anestesija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mill-Agunija għall-Anestesija
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Lill-​Pazjent Kienu Jsakkruh jew Jitilfuh minn Sensih!
  • Vitrijol Ħelu u l-​Gass li Jdaħħaq
  • Festi bl-​Etere u l-​Gass li Jdaħħaq
  • Id-​Dentisti Wkoll Jiskopru l-​Anestesija
  • Skoperti Oħra
  • Alternattivi taʼ Kwalità Għal Trasfużjoni
    Id-Demm Kif Jista’ Jsalvalek Ħajtek?
  • It-​Tobba Jikkunsidraw mill-​Ġdid il-​Kirurġija Mingħajr Demm
    Stenbaħ!—1998
  • Tkompli Tiżdied il-Ħtieġa għal Mediċina u Kirurġija Mingħajr Demm
    Stenbaħ!—2000
  • Daqqa t’Għajn Lejn it-Terapiji Alternattivi
    Stenbaħ!—2000
Stenbaħ!—2000
g00 12/8 pp. 29-31

Mill-​Agunija għall-​Anestesija

QABEL l-​1840, meta l-​pazjenti kienu jidħlu għall-​operazzjoni ma kinux iħossuhom ansjużi. Kienu jħossuhom imwerwrin! Għala? Għax l-​anestesija, jew kif nafuh il-​loppju, ma kinitx teżisti. Fil-​ktieb tiegħu “We Have Conquered Pain,” Dennis Fradin jgħid: “It-​tobba kienu magħrufin għal li jidħlu fil-​kamra taʼ l-​operazzjoni bi flixkun whisky f’kull id—wieħed għall-​pazjent u l-​ieħor għat-​tabib sabiex ikun jistaʼ jissaporti t-​twerżiq tal-​pazjent.”

Lill-​Pazjent Kienu Jsakkruh jew Jitilfuh minn Sensih!

It-​tobba, id-​dentisti u l-​pazjenti kienu jipprovaw tistaʼ tgħid minn kollox biex inaqqsu l-​uġigħ taʼ l-​operazzjoni. It-​tobba Ċiniżi u Indjani kienu jużaw il-​marijuana u l-​ħaxixa. Il-​pjanta taʼ l-​oppju u l-​alkoħol kienu jintużaw ħafna wkoll f’diversi partijiet tad-​dinja. L-​ewwel bniedem li huwa magħruf li uża l-​kelma “anestesija” kien Dijoskoride, tabib Grieg fiż-​żmien tal-​qedem. Hu kien qal li setgħet issir taħlita magħmula mill-​mandragori u l-​inbid u li din it-​taħlita kienet taġixxi bħala anestetiku. Żmien wara, xi tobba saħansitra esperimentaw bl-​ipnotiżmu.

Minkejja dan kollu, l-​uġigħ hemm baqaʼ. Għaldaqstant, it-​tobba u d-​dentisti kienu jipprovaw iħaffu kemm jistgħu waqt li joperaw fuq xi ħadd. Fil-​fatt, huma kienu jiġu klassifikati skond kemm kienu jħaffu. Imma l-​pazjent xorta kien iweġġaʼ ħafna, avolja t-​tabib kien jgħaġġel kemm jistaʼ. Minħabba f’hekk, ġeneralment in-​nies kienu jippreferu joqogħdu b’xi tumur jew b’xi ħalq mimli snien imħassrin, minflok ma jkollhom jgħaddu mill-​agunija taʼ xi operazzjoni jew jaqilgħu xi sinna għand id-​dentist.

Vitrijol Ħelu u l-​Gass li Jdaħħaq

Fl-​1275, it-​tabib Spanjol Raymond Lullus ħoloq likwidu fjammabbli u li jevapora malajr waqt li kien qiegħed jesperimenta b’sustanzi kimiċi. Dan il-​likwidu tah l-​isem taʼ vitrijol ħelu. Fis-​sitt seklu, tabib imwieled l-​Isvizzera u magħruf l-​iktar bħala Paraċelsu ġiegħel xi tiġieġ jiġbdu ’l ġewwa man-​nifs il-​vitrijol ħelu u nnota li dawn mhux talli raqdu imma talli ma ħassew l-​ebda wġigħ. Hu għamel bħal Lullus u m’esperimentax fuq in-​nies. Fl-​1730, il-​kimiku Ġermaniż Frobenju semma dan il-​likwidu bl-​isem li huwa magħruf bih illum, etere, li bil-​Grieg ifisser “ċelestjali.” Imma kellhom jgħaddu 112-il sena oħra sakemm id-​dinja bdiet tirrikonoxxi għalkollox il-​qawwiet anestetiċi li kellu l-​etere.

Sadattant, fl-​1772, ix-​xjenzat Ingliż Joseph Priestley skopra l-​gass imsejjaħ ossidu nitruż. Għall-​ewwel, in-​nies bdew jaħsbu li dan il-​gass kien qattiel, anki jekk jittieħed f’dożi żgħar. Madankollu, fl-​1799, il-​kimiku u inventur Britanniku Humphry Davy ddeċieda li jipprovah fuqu nnifsu biex jara jekk dan kienx minnu jew le. Hu baqaʼ mistagħġeb meta sab li l-​ossidu nitruż kien iġagħlu jidħaq, u għalhekk laqqmu l-​gass li jdaħħaq. Davy kiteb dwar il-​potenzjal taʼ l-​ossidu nitruż bħala anestetiku, imma dakinhar ma kien hemm ħadd li kompla jistudja fuq din il-​possibbiltà.

Festi bl-​Etere u l-​Gass li Jdaħħaq

Davy għamel xi żmien jieħu dan il-​gass li jdaħħaq. Il-​buffunati li kien jagħmel waqt li kien ikun taħt l-​effett tiegħu saru magħrufin sew. Malajr bdiet tingħoġob l-​idea li jibdew jieħdu xi nifs minn dan il-​gass għall-​gost. Anki fost dawk li kienu jivvjaġġaw u jtellgħu xi wirjiet taʼ divertiment kien hemm min beda jinkludih fil-​programmi tiegħu. Dawn kienu jagħżlu volontieri minn fost l-​udjenza biex jitilgħu fuq il-​palk u jieħdu nifs minn dan l-​ossidu nitruż. Il-​gass kien iġagħalhom jagħmlu li jfettlilhom u dawn il-​volontieri minn fost l-​udjenza kienu jifqgħu lil kulħadd bid-​daħq x’ħin jibdew jitbellhu bla kontroll.

Madwar l-​istess żmien, l-​użu taʼ l-​etere għar-​rikreazzjoni wkoll sar popolari. Jum wieħed, madankollu, tabib żagħżugħ Amerikan li kien jismu Crawford W. Long innota li waqt li ħbiebu kienu jkunu taħt l-​effett taʼ l-​etere, huma ma kinux iħossu wġigħ x’ħin jaħbtu maʼ xi ħaġa huma u jixxenglu. Hu malajr ġieh f’moħħu x’użu setaʼ jkollu dan il-​gass fl-​operazzjonijiet. B’kumbinazzjoni, kien hemm student, James Venable, li kien qed jieħu sehem f’waħda minn dawn “il-​festi bl-​etere,” u dan kellu żewġ tumuri li xtaq ineħħihom. Imma peress li kien jibżaʼ mill-​uġigħ taʼ l-​operazzjoni, dan Venable baqaʼ jipposponi l-​operazzjoni għal data oħra. Għaldaqstant, Long issuġġerielu li jagħmel l-​operazzjoni waqt li jkun taħt l-​effett taʼ l-​etere. Venable aċċetta, u fit-​30 taʼ Marzu, 1842, saritlu operazzjoni mingħajr uġigħ. Madankollu, Long dam sa l-​1849 biex iħabbar l-​iskoperta li kien għamel.

Id-​Dentisti Wkoll Jiskopru l-​Anestesija

F’Diċembru taʼ l-​1884, dentist Amerikan jismu Horace Wells attenda wirja taʼ divertiment fejn ċertu Gardner Colton wera l-​użu taʼ l-​ossidu nitruż. Wells għamilha taʼ volontier biex juża l-​gass imma baqaʼ biżżejjed f’sensih biex jinnota li parteċipant ieħor ħabat saqajh maʼ bank iebes imma ma ħassx uġigħ, avolja beda joħroġlu d-​demm. Dik il-​lejla Wells iddeċieda li juża l-​ossidu nitruż waqt ix-​xogħol tiegħu taʼ dentist, imma wara li l-​ewwel ikun ipprovah fuqu nnifsu. Hu ftiehem maʼ Colton biex iġiblu l-​gass u staqsa lil dentist sieħbu, John Riggs, biex jaqlagħlu darsa taʼ l-​għaqal li kienet qed tagħtih l-​inkwiet u kollox mar tajjeb.

Wells iddeċieda li jħabbar l-​iskoperta tiegħu fil-​pubbliku billi jagħmel turija quddiem sħabu kollha. Madankollu, hu kien eċċitat għall-​aħħar u ma tax biżżejjed gass. Minħabba f’hekk il-​pazjent tgħidx kemm werżaq x’ħin qalgħulu s-​sinna. In-​nies li kellu quddiemu Wells mill-​ewwel bdew iwaqqgħuh għaċ-​ċajt. Imma huma kien messhom staqsew lill-​pazjent, għax iktar tard dan kien stqarr maʼ Wells li għalkemm kien werżaq, ftit kien ħass uġigħ.

Fit-​30 taʼ Settembru, 1846, dentist Amerikan ieħor, William Morton, qalaʼ sinna taʼ pazjent mingħajr uġigħ billi uża l-​etere—l-​istess sustanza li kien uża Long fl-​1842. Morton ħejja l-​etere li kien se juża bl-​għajnuna taʼ l-​ispiżjar magħruf Charles Thomas Jackson. Kuntrarju għal dak li kien għamel Long, Morton ħejja turija fil-​pubbliku dwar il-​qawwiet anestetiċi taʼ l-​etere billi għamel operazzjoni fuq pazjent. Fis-​16 t’Ottubru, 1846, f’Boston, Massachusetts, Morton ta l-​anestetiku lill-​pazjent. Imbagħad it-​tabib, ċertu Dr. Warren, għamel l-​operazzjoni—it-​tneħħija taʼ tumur taħt ix-​xedaq tal-​pazjent. L-​operazzjoni kellha suċċess sinifikanti. Il-​kelma xterdet f’kemm ilna ngħidu maʼ l-​Istati Uniti u l-​Ewropa kollha.

Skoperti Oħra

B’riżultat taʼ dawn l-​iskoperti eċċitanti, komplew isiru esperimenti b’gassijiet oħra. Il-​kloroform, li ġie skopert fl-​1831, intuża b’suċċess fl-​1847. F’ċerti postijiet dan sar l-​iktar anestetiku preferut. Malajr il-​kloroform beda jingħata lin-​nisa waqt il-​ħlas, inkluż lir-​Reġina Vittorja taʼ l-​Ingilterra, f’April taʼ l-​1853.

B’sogħba, intefaʼ dell ikrah fuq l-​istorja taʼ l-​anestetiku ġenerali. Fil-​fatt kien qam argument jaħraq dwar min kellu jieħu kredtu l-​iktar—jekk kienx Long, Wells, Morton, jew Jackson, l-​ispiżjar magħruf li għen lil Morton. M’għandniex xi ngħidu, il-​kredtu kellu jingħata lil dak il-​wieħed li kien skopra l-​anestesija u mhux it-​taħlitiet kimiċi nfushom. S’issa għadu ma ntlaħaq l-​ebda qbil ġenerali, imma meta jiflu bil-​kalma dak li ġara fil-​passat, ħafna jirrikonoxxu li l-​erbgħa li huma taw il-​kontribut tagħhom.

Sadattant, kienu qed isiru avvanzi fil-​qasam taʼ l-​anestesija lokali, li taʼ spiss jirreferu għaliha bħala anestesija reġjonali. F’dan il-​każ jintużaw anestetiċi li jippermettu lill-​pazjenti jibqgħu f’sensihom waqt li parti waħda minn ġisimhom tkun taħt l-​anestetiku, u b’hekk ma jħossu xejn fiha. Illum il-​ġurnata, id-​dentisti jużaw l-​iktar l-​anestetiku lokali meta jkunu qed joperaw fuq is-​snien u l-​ħanek, u t-​tobba jużawh għal operazzjonijiet żgħar jew biex jagħlqu xi ferita. L-​anestesjoloġi ħafna drabi jużaw l-​anestetiku lokali fuq nisa li jkunu se jwelldu.

Maż-żmien, l-​anestesjoloġija saret qasam tal-​mediċina speċjalizzat. L-​anestesjoloġi tal-​lum jieħdu sehem f’li jħejju lill-​pazjenti għall-​operazzjoni. Huma jagħtu l-​anestetiku billi jużaw apparat sofistikat u taħlita taʼ anestetiċi komplikati magħmula minn diversi prodotti kimiċi, flimkien maʼ l-​ossiġnu. Fil-​fatt, ħafna pazjenti għandhom mnejn lanqas biss jindunaw li t-​tabib ikun tahom l-​anestetiku bħala gass għax dan ġeneralment jingħata wara li jkun diġà ngħata l-​anestetiku minn ġol-​vini. L-​anestesjologu huwa involut ukoll f’li jieħu ħsieb l-​uġigħ taʼ wara l-​operazzjoni.

Mela jekk xi darba tiġi bżonn operazzjoni, ipprova tkunx ansjuż iżżejjed. Ġib quddiem għajnejk lilek innifsek mimdud fuq xi mejda raffa taʼ l-​operazzjonijiet madwar żewġ sekli ilu. Il-​bieb jinfetaħ u jidħol it-​tabib tiegħek b’żewġ fliexken whisky f’idejh. Imbagħad ma jidhirx daqstant ikrah l-​apparat sofistikat taʼ l-​anestesjologu, hux hekk?

[Kaxxa f’paġna 30]

L-​AGUPUNTURA—Metodu mil-​Lvant li Jtaffi l-​Uġigħ

L-​agupuntura hija terapija antika Ċiniża li jgħidu li ttaffi l-​uġigħ. Min jamministra din it-​terapija jdaħħal xi labar f’partijiet speċifiċi tal-​ġisem, li taʼ spiss ikunu ’l bogħod mill-​parti li tkun teħtieġ il-​kura. X’ħin il-​labar ikunu f’posthom, dawn idawruhom jew iqabbduhom maʼ kurrent taʼ l-​elettriku baxx. L-​Encyclopædia Britannica tgħid li l-​agupuntura “tintuża taʼ spiss fiċ-​Ċina bħala anestetiku waqt l-​operazzjonijiet. Nies mill-​punent raw b’għajnejhom stess operazzjonijiet komplikati (u normalment taʼ wġigħ) isiru fuq pazjenti Ċiniżi f’sensihom għalkollox u mogħtijin l-​anestetiku lokali permezz taʼ l-​agupuntura biss.”

L-​agupuntura għandha tiġi prattikata biss minn terapista tas-​sengħa u mgħallem fil-​mediċina. Skond l-​Encyclopedia Americana, “ġraw inċidenti gravi meta l-​labar li jintużaw fl-​agupuntura taqqbu l-​qalb jew il-​pulmuni, u jistaʼ jkun hemm iċ-​ċans taʼ epatite, infezzjoni f’xi parti tal-​ġisem, u komplikazzjonijiet bħal dawn meta jintużaw labar mhux sterilizzati.” M’għandniex xi ngħidu, anki l-​użu taʼ l-​anestesija ġenerali fih ir-​riskju tiegħu, l-​istess bħalma fihom l-​operazzjonijiet, jintuża liema anestetiku jintuża.

[Stampa f’paġna 31]

L-​anestesjoloġija saret qasam tal-​mediċina speċjalizzat

[Sors]

Bil-​kortesija tad-​Dipartimenti taʼ l-​Anestesija u l-​Mediċina u l-​Kirurġija Mingħajr Demm, Bridgeport Hospital-CT

[Sors tal-​istampa f’paġna 29]

Paġni 2 u 21: Reproduced from Medicine and the Artist (Ars Medica) by permission of the Philadelphia Museum of Art/Carl Zigrosser/ Dover Publications, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja