Għala Qed Tikber il-Problema?
KONT taf li t-traffikar tal-bnedmin jirrappreżenta t-tielet l-akbar attività kriminali fid-dinja, superata biss mit-traffikar tad-drogi u taʼ l-armamenti? Skond l-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika, u Kulturali tal-Ġnus Magħquda, hemm żjieda kontinwa f’kull xorta taʼ prostituzzjoni.
F’pajjiż Latin-Amerikan, Kumitat taʼ Inkjesta tal-Kungress irrapporta li hemm iktar minn 500,000 prostituta minorenni, avolja l-prostituzzjoni hija illegali.
F’pajjiż ieħor, hemm madwar 300,000 prostituta taħt l-età jiġru fit-toroq, speċjalment fi nħawi fejn hemm it-traffikar tad-drogi.
F’pajjiżi Asjatiċi huwa rapportat li madwar miljun tifla qed jintużaw bħala prostituti f’kundizzjonijiet imqabblin mal-jasar. Xi pajjiżi huma magħrufin bħala ċentri tal-prostituzzjoni tal-minorenni u tat-turiżmu marbut mas-sess.
Minħabba ż-żjieda fil-mard trasmess sesswalment, bħall-AIDS, il-klijenti lesti li jħallsu prezzijiet ferm ogħla għat-tfal għax jaħsbu li iktar hemm ċans li dawn ikunu verġni, u b’hekk x’aktarx li ma jkunux infettati. “Il-biżaʼ mill-AIDS ġagħal lill-irġiel biex dejjem ifittxu bniet u subien iżgħar, u dan qiegħed saħansitra jkabbar il-problema,” tispjega Luíza Nagib Eluf mill-Ministeru tal-Ġustizzja fil-Brażil. Hi qalet: “L-isfruttar sesswali tal-bniet u l-adolexxenti huwa l-iktar problema soċjali serja fost in-nisa fqar fil-Brażil.”
Il-Faqar u l-Prostituzzjoni tal-Minorenni
Il-prostituzzjoni tal-minorenni toktor f’ambjent taʼ miżerja u faqar. Skond ma qalet rappreżentanta tal-gvern, l-isfruttar u l-prostituzzjoni tal-minorenni f’pajjiżha huma “marbutin b’mod ċar mat-tkissir tal-familji u huma r-riżultat tal-miżerja u l-ġuħ.” Xi ġenituri jsostnu li l-faqar wassalhom biex ibigħu lil uliedhom għall-prostituzzjoni. Tfal li jgħixu fit-toroq jagħtuha għall-prostituzzjoni għaliex jarawha bħala l-uniku mezz li għandhom biex ma jmutux bil-ġuħ.
Il-gazzetta O Estado de S. Paulo tispjega li tifla tistaʼ tispiċċa bħala prostituta meta din tingħaqad maʼ xi klikka li tiġġerra fit-toroq. Sabiex takkwista xi ħaġa x’tiekol, tistaʼ tibda tisraq u forsi kultant tbigħ ġisimha. Imbagħad tispiċċa bħala prostituta professjonali.
Xi drabi, xi adolexxenti jintbagħtu f’pajjiżi oħrajn biex jaħdmu bħala prostituti. “Il-flus li jintbagħtu minn prostituti emigranti lill-familji tagħhom spiss ikunu somom konsiderevoli meta tqis il-faqar taʼ xi pajjiżi Asjatiċi u Afrikani,” jirrapportaw UNESCO Sources. “Il-prostituzzjoni f’dawn il-pajjiżi wkoll tiġi inkuraġġita, minħabba t-turisti minn pajjiżi għonja li jiġu apposta biex jieħdu vantaġġ mis-‘servizzi’ provduti minn żgħażagħ u tfal.”
Waqt li tiddeskrivi l-perikli li huma esponuti għalihom il-prostituti minorenni li jiġġerrew fit-toroq f’belt Latina-Amerikana, ir-rivista Time tirrapporta: “Uħud mill-prostituti għad għandhom biss 12-il sena. Spiss dawn ikunu ġejjin minn familji mkissrin, u jorqdu fi kwalunkwe post li jistgħu jsibu matul il-ġurnata, u bil-lejl iħufu fid-diskoteki, fejn ipoġġu l-baħrin.”
Taħt l-influwenza tad-drogi, prostituta taħt l-età għandha mnejn tiġi mġagħla toqgħod għal atti taʼ mistħija li normalment ma tkunx lesta li tagħmel. Per eżempju, skond ir-rivista Veja, il-pulizija sabu 92 vidjotejp rekordjati minn tabib mediku u li kien fihom sessjonijiet taʼ tortura kiefra fuq iktar minn 50 mara, li xi wħud minnhom kienu taħt l-età.
Minkejja din ir-realtà li tkexkex, prostituta żagħżugħa qalet: “Jekk nipprova nsib naħdem, ma nkunx nistaʼ naqlaʼ biżżejjed biex niekol għax m’għandix sengħa. Il-familja tiegħi taf b’kollox, u ma rridx nieqaf minn din il-ħajja. Ġismi tiegħi u nagħmel bih li rrid jien.”
Madankollu, dawn it-tfajliet qatt ma ppjanaw li jsiru prostituti. Skond social worker mara, ħafna prostituti żgħażagħ “jixtiequ jiżżewġu” u joħolmu dwar ir-raġel ideali. Filwaqt li hemm sitwazzjonijiet komplikati li jwassluhom biex jaqbdu l-ħajja taʼ prostituta, waħda riċerkatriċi ssostni: “L-akbar skandlu hu li l-maġġuranza ġew stuprati f’darhom stess.”
Jeżisti Tmiem għall-Prostituzzjoni tal-Minorenni?
Iżda hemm tama għal dawn it-tfal sfortunati. Kien hemm prostituti taʼ kull età li biddlu ħajjithom. (Ara l-kaxxa “In-Nies Jistgħu Jinbidlu,” f’paġna 7.) Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, għenet miljuni taʼ nies mad-dinja kollha biex isiru ġirien tajbin u membri leali tal-familja. Rigward nies li qabel kienu żienja, adulteri, ħallelin, rgħiba, sakranazzi, naqraw: “Minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem taʼ Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu taʼ Alla tagħna.”—1 Korintin 6:9-11.
Illum, bħal fiż-żminijiet Bibliċi, hemm individwi li qed ibiddlu ħajjithom għall-aħjar. Xorta waħda, jeħtieġ ħafna iktar biex jitrażżan l-isfruttament sesswali. Xi gvernijiet u organizzazzjonijiet oħrajn qed jiġġieldu kontra t-turiżmu marbut mas-sess u l-prostituzzjoni tal-minorenni. Imma rridu nkunu realistiċi u nammettu li l-bniedem ftit li xejn jistaʼ jagħmel biex jelimina l-miżerja u l-faqar. Dawk li jagħmlu l-liġijiet ma jistgħux iwaqqfu l-ħsibijiet u l-attitudnijiet li huma l-għeruq taʼ l-immoralità.
Madankollu, m’humiex l-isforzi umani iżda mezz ieħor li se jsolvi dawn il-problemi kollha—is-Saltna t’Alla. L-artiklu li jmiss se jispjega.
[Kumment f’paġna 6]
Il-faqar spiss jikkontribwixxi għall-prostituzzjoni tal-minorenni
[Kaxxa f’paġna 6]
Prezz Għoli
Meta kellha biss sitt snin, Daisy ġiet abbużata sesswalment minn wieħed minn ħutha. Minħabba f’hekk, hi marret toqgħod maʼ ħuha l-kbir sakemm, t’14-il sena, bdiet taħdem f’nightclub. Wara ftit ġranet, Daisy mardet. Meta fieqet, is-sidien tan-nightclub qalulha li kellha tagħtihom xi flus u ġagħluha taħdem bħala prostituta. Xi sena wara, kienet għadha ma ħelsitx mid-dejn, u kien donnu jidher li qatt ma kienet se teħles minnu. Madankollu, wieħed baħri ħallas il-bqija tad-dejn li kellha, u ħadha f’belt oħra, fejn kien jistmaha taʼ lsira. Minħabba f’hekk telqitu, u iktar tard bdiet tgħix maʼ raġel ieħor. Wara tliet snin iżżewġu, iżda minħabba li kellhom ħafna problemi serji fiż-żwieġ tagħhom, hi pprovat tikkommetti suwiċidju tliet darbiet.
Maż-żmien, kemm hi u kemm żewġha bdew jistudjaw il-Bibbja. Imma Daisy ma ħassithiex denja li ssir waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Meta wrewha mill-Bibbja li Alla Jehovah jaċċetta lil dawk li jagħmlu l-bidliet meħtieġa, hi ddedikatlu ħajjitha. Daisy għamlet sforzi kbar biex tagħmel dak li hu sewwa, iżda ma kinitx tħoss li hu biżżejjed, u b’hekk għaddiet minn perijodi taʼ dipressjoni. B’ferħ, iżda, hi aċċettat l-għajnuna biex tegħleb il-ħsara emozzjonali li ġarrbet minħabba l-abbuż sesswali u l-esperjenza tagħha bħala prostituta minorenni, kif ukoll biex tikseb u żżomm il-bilanċ mentali.
[Kaxxa f’paġna 7]
In-Nies Jistgħu Jinbidlu
Meta Ġesù kien fuq l-art, hu ġietu ħniena għan-nies imnikktin u midinbin. Hu fehem li l-prostituti, hi x’inhi l-età tagħhom, setgħu jbiddlu l-istil taʼ ħajjithom. Ġesù saħansitra qal lill-mexxejja reliġjużi: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna taʼ Alla.” (Mattew 21:31) Għalkemm mistmerra minħabba l-mod kif kienu jgħixu ħajjithom, uħud bħal dawn li f’qalbhom kienu jħobbu s-sewwa rċivew il-maħfra permezz tal-fidi tagħhom fl-Iben t’Alla. Midinbin li nidmu kienu lesti li jabbandunaw ħajjithom bħala prostituti sabiex jirċievu l-barkiet tas-Saltna t’Alla. Wara komplew jgħixu fi qbil mal-livelli sewwa u ġusti t’Alla. Illum ukoll, nies taʼ kull xorta jaċċettaw il-verità mill-Kelma t’Alla u jbiddlu ħajjithom.
Ikkunsidra xi ġralhom Maria, Carina, u Estela, li ssemmew fl-ewwel artiklu. Minbarra li kellha tirreżisti l-pressjoni minn ommha biex tibqaʼ prostituta, Maria kellha tissara bil-qawwa kollha biex taqtaʼ l-vizzju tad-drogi. Hi tispjega: “Kont nieħu d-drogi biex noħnoq is-sentimenti taʼ stmerrija li kont inħoss għalija nnifsi minħabba l-ħajja li kont ngħix bħala prostituta.” Maria titkellem dwar kif ġiet milqugħa mill-kongregazzjoni Kristjana tax-Xhieda taʼ Jehovah: “Bqajt impressjonata bl-imħabba li wrewni l-membri tal-kongregazzjoni. Tfal u adulti, kulħadd ittrattani bir-rispett. Osservajt li l-irġiel miżżewġin kienu leali lejn in-nisa tagħhom. Ferħana ħafna li ġejt aċċettata bħala l-ħabiba tagħhom.”
Meta Carina kellha 17-il sena, ġew iżuruha x-Xhieda taʼ Jehovah. Hi bdiet tistudja l-Bibbja, għalkemm għal xi żmien baqgħet taħdem bħala prostituta. Ftit ftit, bdiet tapprezza l-veritajiet tal-Bibbja. Għalhekk, iddeċidiet li tmur toqgħod f’belt ’il bogħod, u hemm saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Estela, li meta kienet żgħira kienet involuta fil-prostituzzjoni, ix-xalar, u x-xorb bla rażan, bdiet tinteressa ruħha fil-Bibbja. Madankollu, hi kkonkludiet li Alla qatt ma kien se jaħfrilha. Iżda maż-żmien bdiet tifhem li Alla Jehovah tassew jaħfer lil nies li jindmu. Issa hi membru tal-kongregazzjoni Kristjana, miżżewġa, u qed trabbi tlett itfal. Estela tgħid: “Jien ferħana u grata lejn Jehovah talli ħariġni mill-ħama u aċċettani fl-organizzazzjoni nadifa tiegħu.”
Dawn ir-rakkonti jappoġġaw dak li tgħid il-Bibbja, li r-rieda t’Alla hi li kull xorta taʼ rġiel u nisa “jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.”—1 Timotju 2:4.
[Stampa f’paġna 7]
Prostituti taħt l-età spiss ikunu involuti fid-drogi
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 5]
© Jan Banning/Panos Pictures, 1997