Il-Pollen—Periklu jew Meravilja?
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AWSTRALJA
Aa-ċuu! Għal miljuni taʼ nies dan il-ħoss, flimkien maʼ għajnejn idemmgħu u rritati u mnieħer iqattar u jikolhom, jurihom li waslet ir-rebbiegħa. L-allerġija tagħhom ġeneralment tiġi minn atmosfera miżgħuda bil-pollen (trab tad-dakkir). Il-BMJ (li qabel kien il-British Medical Journal) jikkalkula li fid-dinja żviluppata, 1 minn kull 6 individwi jbati mill-allerġiji taʼ l-istaġun tal-pollen li jissejħu wkoll hay fever. Dan in-numru ma tantx jiskantana meta nikkunsidraw l-ammont straordinarju taʼ pollen li l-pjanti jitfgħu fl-arja.
Ix-xjenzati jikkalkulaw li l-foresti tas-siġar tal-prinjol li hemm fit-terz tan-nofsinhar taʼ l-Isvezja biss, jitfgħu xi 75,000 tunnellata pollen kull sena. Pjanta waħda taʼ l-ambrosia, is-saħta taʼ ħafna minn dawk li jbatu bil-hay fever, tistaʼ tipproduċi miljun żerriegħa tal-pollen f’jum wieħed. Il-pollen taʼ l-ambrosia li jinġarr mar-riħ instab sa 3 kilometri ’l fuq mill-art u sa 600 kilometru ’l barra fuq il-baħar.
Iżda għala xi nies huma allerġiċi għall-pollen? Qabel ma nikkunsidraw din il-mistoqsija, ejja neżaminaw il-pollen sew u naraw kemm dawn iż-żrieragħ ċkejknin huma disinjati b’mod meraviljuż.
Żrieragħ Ċkejknin Essenzjali għall-Ħajja
The Encyclopædia Britannica tgħid li l-pollen ‘jifforma fl-antera, jew fil-parti maskili tal-pjanti li jkollhom iż-żerriegħa, u jinġarr b’diversi modi (bir-riħ, bl-ilma, bl-insetti, eċċ.) lejn il-pistill, jew il-parti femminili tal-pjanta, fejn issir il-fertilizzazzjoni.’
Fil-pjanti bil-fjuri, iż-żerriegħa tal-pollen tkun magħmula minn tliet partijiet diversi—nukleu biċ-ċelluli taʼ l-ispermi u żewġ saffi li jifformaw il-qoxra taż-żerriegħa. Is-saff b’saħħtu taʼ barra ma jitmermirx malajr u jiflaħ jirreżisti l-aċidi qawwija, l-alkali, u anki s-sħana kbira. Minkejja dan, bi ftit eċċezzjonijiet, il-pollen ikun jistaʼ jinbet għal ftit jiem jew ftit ġimgħat biss. Però, il-qoxra iebsa tistaʼ ddum tajba għal eluf taʼ snin mingħajr ma titherra. Għalhekk, tistaʼ ssib ħafna żrieragħ tal-pollen fil-ħamrija taʼ l-art. Fil-fatt, ix-xjenzati tgħallmu ħafna dwar l-istorja tal-ħajja tal-pjanti fuq l-art billi studjaw il-pollen li sabu f’kampjuni tal-ħamrija taʼ profonditajiet differenti.
Din l-istorja tistaʼ tkun tassew preċiża minħabba d-disinn uniku li hemm fil-qoxra taʼ barra taż-żrieragħ tal-pollen. Skond it-tip taʼ pollen, il-qoxra tistaʼ tkun lixxa, imkemmxa, b’xi disinn, jew miksija bil-ponot u l-boċċi. “Għalhekk, tistaʼ toqgħod fuq il-pollen biex tidentifika kull speċi daqskemm tistaʼ toqgħod fuq il-marki tas-swaba biex tidentifika l-bnedmin,” jgħid il-professur taʼ l-antropoloġija Vaughn M. Bryant, Jr.
Kif Jiddakkru l-Pjanti
Meta ż-żerriegħa tal-pollen tiġi f’kuntatt maʼ l-istigma, parti mill-pistill fil-pjanti femminili, ikun hemm reazzjoni kimika li ġġiegħel liż-żerriegħa tal-pollen tintefaħ u tkabbar tubu li jilħaq ’l-isfel sa l-ovulu. Iċ-ċelluli taʼ l-isperma miż-żerriegħa tal-pollen jinżlu fit-tubu taʼ l-ovulu u jifformaw żerriegħa fertilizzata. Meta ż-żerriegħa ssir, kulma jkollha bżonn hu li ssib ambjent ideali fejn tkun tistaʼ tinbet.
Waqt li xi pjanti li jkollhom iż-żrieragħ jikbru bħala maskili jew femminili, ħafna minnhom jipproduċu kemm il-pollen u kemm l-ovuli. Xi pjanti jiddakkru waħedhom; oħrajn idakkru lil xulxin billi jitfgħu l-pollen fuq pjanti oħra taʼ l-istess speċi jew fuq speċi li tkun simili. Dawk li jdakkru lil xulxin “spiss jevitaw li jdakkru lilhom infushom billi jitfgħu l-pollen qabel jew wara li l-istigmi fuq l-istess pjanta jkunu jistgħu jilqgħu d-dakkir,” tgħid il-Britannica. Oħrajn għandhom il-kimika neċessarja biex jagħrfu d-differenza bejn il-pollen tagħhom stess u dak taʼ pjanti taʼ l-istess tip. Meta jagħrfu l-pollen tagħhom stess, huma ma jħalluhx jaħdem, spiss billi jwaqqfu t-tubu tal-pollen milli jikber.
F’post fejn ikun hemm ħafna pjanti differenti, l-arja tistaʼ tkun taħlita sħiħa taʼ pollen. Il-pjanti kif isaffu l-pollen li għandhom bżonn? Xi pjanti jużaw il-prinċipji komplikati taʼ l-erodinamika. Per eżempju, ikkunsidra s-siġar tal-prinjol.
Jaħsdu r-Riħ
Il-prinjol maskili jikber f’għenieqed u, meta jkun misjur, jitfaʼ ammont kbir taʼ pollen fl-arja. Ix-xjenzati sabu li l-prinjol femminili, waqt li jaħdem f’armonija mal-weraq qisu labar li għandu madwaru, imexxi l-kurrent b’tali mod li l-pollen li jkun fl-arja jtir u jispiċċa fuq l-uċuħ produttivi tal-prinjol. Dawn l-uċuħ, fil-prinjol femminili li jkun jistaʼ jilqaʼ l-pollen, jiġu esposti meta s-saffi jinfetħu ftit, u għalhekk jisseparaw minn xulxin.
Ir-riċerkatur Karl J. Niklas għamel testijiet kbar fuq il-mod ġenjali taʼ kif inhu disinjat il-prinjol. Fir-rivista Scientific American, hu kiteb: “Studji oħra juru li l-forma unika tal-prinjol li tipproduċi kull speċi taʼ pjanta tirriżulta f’bidliet idjosinkratiċi [differenti, mhux tas-soltu] fil-mod kif jgħaddi l-kurrent taʼ l-arja . . . B’mod simili, kull tip taʼ pollen għandu daqs, forma, u ħxuna differenti, u għalhekk kull tip jirreaġixxi għaċ-ċaqliq b’mod uniku.” Kemm huma effettivi dawn it-tekniki? Niklas jgħid: “Ħafna mill-prinjol li studjajna fuqu kien isaffi mill-arja l-pollen li jkun [taʼ l-ispeċi] ‘tiegħu stess’ iżda ma kienx isaffi taʼ speċi oħra.”
M’għandniex xi ngħidu, mhux il-pjanti kollha jiddakkru billi jxerrdu l-pollen mar-riħ—b’serħan għal dawk kollha li jbatu bl-allerġiji! Ħafna jużaw l-annimali.
Imħajrin min-Nektar
Il-pjanti li jiddakkru bl-għasafar, bil-mammali żgħar, u bl-insetti, ġeneralment jużaw affarijiet bħal ganċijiet, labar, jew ħjatat iwaħħlu biex iqabbdu l-pollen maʼ dak li jdakkarhom waqt li jkun qed ifittex l-ikel. Per eżempju, naħla bagħlija bix-xagħar (bumblebee) tistaʼ tkun qed iġġorr xi 15,000 żerriegħa tal-pollen fl-istess waqt!
Fil-fatt, in-naħal huma l-iktar speċi li jdakkru l-pjanti bil-fjuri. Mill-banda l-oħra, il-pjanti jippremjaw lin-naħal billi jagħtuhom nektar ħelu u pollen biex jikluh, u dan taʼ l-aħħar jipprovdilhom il-proteini, il-vitamini, il-minerali, u x-xaħam. F’kooperazzjoni straordinarja, in-naħal jistgħu jżuru iktar minn 100 fjura fi vjaġġ wieħed, imma huma jiġbru l-pollen jew in-nektar, jew it-tnejn li huma, minn speċi waħda biss sakemm ikunu ġabru biżżejjed jew sakemm ma jkunx fiha iktar ikel. Din l-imġiba unika u taʼ min jammiraha tgħin biex tiżgura li l-pjanti jiddakkru biżżejjed.
Imqarrqin mill-Fjuri
Minflok ma jipprovdu xi ikla ħelwa, xi pjanti jużaw metodi qarrieqa u elaborati biex iħajru lill-insetti jdakkruhom. Ikkunsidra l-fjura hammer orchid (letteralment tfisser orkidea martell), li tikber fl-Awstralja tal-Punent. Il-fjura taʼ din l-orkidea għandha l-petalu t’isfel li, anki fl-għajnejn tal-bniedem, jixbah ħafna lil tip taʼ naħla ħoxna bla ġwienaħ imsejħa thynnid wasp. Il-fjura saħansitra titfaʼ imitazzjoni taʼ sustanza li tattira sesswalment, bħalma titfaʼ fir-realtà n-naħla mara! Fuq it-tarf taz-zokk tal-petalu ċentrali li hu speċi taʼ lixka hemm pakketti jwaħħlu mimlijin bil-pollen.
Ir-raġel taʼ dan it-tip taʼ naħla, li jinġibed mill-imitazzjoni tar-riħa tas-sustanza sesswali, jaħtaf il-lixka u jipprova jtir “biha” waqt li jkun qed iżommha. Però, malli jipprova jtir, jinqaleb rasu ’l isfel, u jispiċċa eżatt fil-pakketti jwaħħlu bil-pollen. Wara li jirrealizza li ħa żball, hu jitlaq il-lixka—li tkun maqbuda sew maʼ ċirniera, u għalhekk tkun tistaʼ terġaʼ taqaʼ lura f’postha—u jtir ’il barra, biex jerġaʼ jiġi mqarraq minn xi hammer orchid oħra.a Biss, din id-darba hu jdakkar l-orkidea bil-pollen li jkun ġabar fid-darba taʼ qabel.
Iżda jekk in-naħal nisa jkunu attivi, l-irġiel dejjem jagħrfu jagħżlu waħda minnhom, mhux il-lixka. L-orkidea tiffjorixxi xi ġimgħat qabel ma n-naħal nisa joħorġu mill-pupa tagħhom minn taħt l-art u dan jagħti vantaġġ temporanju lill-fjura.
Għala Jkunu Allerġiċi?
Xi nies għala huma allerġiċi għall-pollen? Meta ż-żrieragħ ċkejknin tal-pollen jispiċċaw fl-imnieħer, dawn jinqabdu minn saff taʼ mukus iwaħħal. Minn hemm jispiċċaw fil-gerżuma, fejn dak li jkun jiblagħhom jew jagħtas biex joħroġhom ’il barra, ġeneralment mingħajr ma jħossu marid. Madankollu, kultant il-pollen iqanqal is-sistema taʼ l-immunità.
Il-problema tinsab fil-proteina tal-pollen. Għal xi raġuni s-sistema taʼ l-immunità taʼ min ibati minn xi allerġija tħossha mhedda mill-proteina taʼ ċertu pollen. Il-ġisem jirreaġixxi billi jġiegħel lil ċertu tip taʼ ċelluli, li jinsabu fit-tessuti tal-ġisem, jitfgħu ammont eċċessiv taʼ istamina. L-istamina twessaʼ l-vini u ġġiegħel li joħroġ minnhom likwidu li jkun fih ħafna ċelluli li jfejqu l-mard. F’ċirkustanzi normali, dawn iċ-ċelluli jmorru fejn ikun hemm ferita jew infezzjoni, u jgħinu lill-ġisem biex jeħles mill-invażuri li jkunu taʼ ħsara għalih. Però, għal min ibati b’xi allerġija, il-pollen jallarma l-ġisem għalxejn, u għalhekk imneħirhom jibda jqattar u jikolhom, ikollhom xi nefħa, u jdemmgħulhom għajnejhom.
Ir-riċerkaturi jemmnu li n-nies jirtu mill-ġenituri tagħhom it-tendenza li jkunu allerġiċi, għalkemm it-tendenza tistaʼ ma tkunx konnessa maʼ xi sustanza partikulari li tikkaġuna l-allerġija. It-tinġis jistaʼ wkoll jagħmel lil persuna allerġika. “Fil-Ġappun instabet konnessjoni diretta maʼ li wieħed ikun sensittiv għall-pollen u li jkun jgħix f’postijiet fejn hemm livell għoli taʼ duħħan tad-diesel fl-arja taʼ madwaru,” jgħid il-BMJ. “L-istudju li sar fuq l-annimali jissuġġerixxi li dawn il-partiċelli jistgħu jagħmlu lil persuna iktar allerġika.”
B’ferħ għall-ħafna wħud li jbatu mill-allerġija, l-anti-istamina tistaʼ ttaffi s-sintomi tagħhom.b Bħalma jissuġġerixxi l-isem, din id-droga tiġġieled kontra l-azzjoni taʼ l-istamina. Madankollu, huma x’inhuma l-effetti tal-pollen, bilfors ikollna nibqgħu impressjonati ferm mill-ġenjalità li hija evidenti kemm fil-mod kif inhuma disinjati u kemm fil-mod kif jinfirxu dawn il-partiċelli ċkejknin essenzjali għall-ħajja. Tabilħaqq, mingħajrhom il-pjaneta tagħna tkun qisha xagħri.
[Noti taʼ taħt]
a Din il-fjura tissejjaħ hammer orchid (orkidea martell) għaliex il-lixka (il-petalu t’isfel) tiddendel ’il fuq u ’l isfel maʼ ċirniera, li tippermettilha tiddendel qisha martell.
b Qabel, l-anti-istamini kienu jqabbdu sturdament u jikkaġunaw ħalq xott. Formuli iktar reċenti naqqsu dawn l-effetti.
[Dijagramma f’paġna 24, 25]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
Il-pistill
L-ovulu
L-ovarju
It-tubu tal-pollen
L-istigma
Iż-żerriegħa tal-pollen
L-istami
L-antera
Il-petalu
[Sors]
NED SEIDLER/NGS Image Collection
[Stampi f’paġna 25]
Dehra mikroskopika taʼ diversi tipi taʼ “pollen”
[Sors]
Żerriegħa tal-pollen: © PSU Entomology/PHOTO RESEARCHERS, INC.
[Stampi f’paġna 26]
Parti mill-fjura “hammer orchid” tixbah lin-naħla mara
[Sors]
Stampi tal-Hammer Orchid: © BERT & BABS WELLS/OSF
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 24]
Żerriegħa tal-pollen: © PSU Entomology/PHOTO RESEARCHERS, INC.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 26]
Żerriegħa tal-pollen: © PSU Entomology/PHOTO RESEARCHERS, INC.