L-Annimali Domestiċi—Żomm Ħarsa Bilanċjata Lejhom
BĦALMA ssemma qabel, il-bniedem ngħata r-responsabbiltà li jieħu ħsieb l-art u l-annimali kollha li hawn fuqha. Il-Bibbja tgħid: “Kollox taħt riġlejh [Alla qegħedlu]: in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri; l-għasafar taʼ l-ajru u l-ħut tal-baħar.”—Salm 8:7-9 (8:6-8, NW ); 115:16.
Il-mod kif il-bnedmin iwettqu r-responsabbiltà tagħhom lejn l-annimali huwa importanti. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Il-ġust jieħu ħsieb sa l-bhima tiegħu.” (Proverbji 12:10) Tabilħaqq, il-liġijiet t’Alla għal Iżrael enfasizzaw b’mod ripetut il-bżonn li juru konsiderazzjoni lejn l-annimali. (Dewteronomju 22:4, 10; 25:4) Hekk kif il-bnedmin kienu qed iwettqu r-responsabbiltà tagħhom, huma spiss żammew l-annimali bħala annimali domestiċi, u saħansitra mmansaw l-annimali salvaġġi u għamluhom domestiċi.—Ġenesi 1:24.
Madankollu, huwa tajjeb li niftakru li l-Bibbja tenfasizza d-differenza bejn il-bnedmin u l-annimali. Il-bnedmin, u mhux l-annimali, kienu magħmulin ‘fuq is-sura u x-xbieha t’Alla.’ (Ġenesi 1:26) U waqt li l-annimali ġew maħluqin biex jgħixu ħajja li għandha limitu, il-bnedmin kellhom il-prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Ġenesi 3:22, 23; Salm 37:29) Ġesù Kristu qal li biex ingawdu “l-ħajja taʼ dejjem” għandna neżerċitaw il-fidi u nieħdu l-għarfien dwar Alla—affarijiet li l-annimali m’humiex kapaċi jagħmluhom. (Ġwanni 3:36; 17:3) Iktar minn hekk, il-Bibbja tqabbel lil dawk li ma jistħoqqilhomx l-irxoxt mal-“bhejjem bla raġuni li minnhom infushom twieldu biex ikunu maqbuda u maqtula.”—2 Pietru 2:9-12.
Maħluqin għall-Ġid tal-Bniedem
Alla ħalaq l-annimali għall-ġid tal-bnedmin. L-annimali jistgħu jgħinuhom jagħmlu xogħolhom u jkunu taʼ kumpanija jew jinżammu bħala annimali domestiċi. Huma jservu wkoll biex ifaħħru bil-kbir l-imħabba u l-għerf t’Alla. Żgur li titgħaxxaq meta tosserva s-sbuħija taʼ l-annimali u titgħallem iktar dwar il-Ħallieq meta tistudja dwar l-għerf taʼ l-istint meraviljuż li għandhom. (Salm 104:24; Proverbji 30:24-28; Rumani 1:20) Wieħed biss mill-ħafna eżempji li juru dan it-tip taʼ għerf jidher fid-dinja taʼ l-insetti. Xi ħaġa tassew taʼ l-għaġeb hija l-mod kif in-naħal jikkomunikaw bejniethom u jsegwu d-direzzjonijiet li jiħduhom lejn l-ikel—biex ma nsemmux il-mod kif jibnu x-xehda taʼ l-għasel komplikata tagħhom.
L-annimali jistgħu jkunu taʼ benefiċċju għall-bniedem billi jservu bħala ikel. Fil-bidu, Alla pprovda l-ħaxix biss bħala ikel għall-bniedem. Iżda iktar minn 1,600 sena wara—wara d-Dilluvju taʼ Noè—Alla qal: “Kull ma hu ħaj u jitħarrek fl-art ikun ikel għalikom; [“bħal fil-każ tal-ħaxix aħdar,” NW ], kollox nagħtikom.” (Ġenesi 1:29; 9:3) Għaldaqstant, Alla ppermetta li l-bnedmin jieklu l-annimali. Jidher ċar li dan il-permess ngħata għall-ġid tal-bniedem, għalkemm fil-bidu Alla ma inkludiex il-laħam bħala parti mill-ikel li kellu jiekol il-bniedem.
Problemi Konnessi maʼ l-Annimali Domestiċi Llum
Jidher li matul l-istorja l-annimali domestiċi rari kienu jinżammu d-dar, u dan għadu l-każ f’ħafna partijiet tad-dinja. Madankollu, fi żminijiet reċenti, hekk kif in-nies marru joqogħdu fil-bliet u saru għonja, l-annimali domestiċi saru iktar komuni. Dan ħoloq xi problemi f’pajjiżi żviluppati.
Hija xi ħaġa taʼ l-iskantament li mill-500 miljun annimal domestiku li hawn madwar id-dinja xi 40 fil-mija jinsabu fl-Istati Uniti. Hemm xi 59 miljun kelb domestiku u 75 miljun qattus domestiku f’dan il-pajjiż. Madankollu, kemm fl-Londra u kemm f’Pariġi hemm iktar annimali domestiċi f’kull dar milli hemm fil-belt taʼ New York!
Ftit tas-snin ilu f’Pariġi, madwar 70 mutur, li jissejħu caninettes, ġew mikrija biex jiġbru l-ħmieġ tal-klieb minn fuq il-bankini. Ġie stmat li l-250,000 kelb li hemm f’Pariġi jipproduċu mal-25 tunnellata ħmieġ kuljum, u inqas minn nofsu jinġabar mill-caninettes. Mijiet taʼ persuni kull sena ġew rapportati li spiċċaw mweġġgħin u kellhom jittieħdu l-isptar wara li żelqu fil-ħmieġ tal-klieb.
Imbagħad hemm il-problema taʼ l-istorbju. Xi sidien tal-klieb lesti jittolleraw ċerti affarijiet fl-annimali domestiċi tagħhom li qatt m’huma lesti jittollerawhom fil-bnedmin. Skond The Pet Care Forum, “is-sidien taʼ klieb li joħolqu l-problemi għaliex jinbħu, donnhom isiru kapaċi jinjoraw l-istorbju.” Per eżempju, xi wħud ma jagħmlu xejn biex iwaqqfu l-klieb tagħhom milli jinbħu, anki jekk l-istorbju jkun qiegħed itellef konversazzjoni importanti.
Mill-banda l-oħra, jistaʼ jiġri li meta sid taʼ kelb ikun id-dar, il-kelb ikun kwiet u kuntent imma malli sidu joħroġ, il-kelb isir storbjuż u jdejjaq lill-ġirien. Huwa minnu li minkejja dawn in-nuqqasijiet, is-sidien taʼ l-annimali domestiċi xorta jkunu jħobbuhom, iżda xi ġâr li jaħdem bix-xift jew xi omm li tkun qed tipprova traqqad lit-tarbija ma tantx se taħsibha bl-istess mod. Iktar minn hekk, l-annimali mdejqin jistgħu jibdew jagħmlu l-ħsara, isiru mimlijin rabja u saħansitra aggressivi.
Ir-rata taʼ kemm jirriproduċu l-annimali domestiċi hija problema speċjalment evidenti fil-bliet. Ġie stmat li 17-il miljun kelb u 30 miljun qattus jitwieldu fl-Istati Uniti kull sena. Miljuni minn dawn jispiċċaw f’postijiet li joffru kenn għall-annimali, fejn kull sena f’dak il-pajjiż biss huwa stmat li minn erbaʼ miljuni sa sitt miljuni minnhom jinqatlu.
Ħafna annimali għala jintbagħtu f’dawn il-postijiet? Spiss minħabba li l-affezzjoni lejn l-annimal domestiku tispiċċa wara ftit taż-żmien. Il-ġeru ħelu jew il-qattus żgħir u gustuż jikber u jkollu bżonn min jieħu ħsiebu. Iżda forsi ħadd fid-dar m’għandu l-ħin jew il-paċenzja biex jilgħab miegħu jew biex iħarrġu. Dr. Jonica Newby, awtriċi u esperta taʼ l-annimali, tgħid: “Kuntrarju għal dak li hu maħsub, l-istudji li saru madwar id-dinja juruna li spiss nofs il-klieb li jintbagħtu fil-postijiet li joffrulhom kenn ma jkunux ġew abbandunati, iżda jittieħdu hemm mis-sidien tagħhom għaliex ma jkunux jifilħu iktar jisimgħuhom jinbħu jew minħabba l-ħsara li jagħmlu kaġun tal-ħafna enerġija li jkollhom.”
Xi informazzjoni fil-qosor dwar il-popolazzjoni kbira wisq taʼ l-annimali domestiċi tiddeskrivi s-sitwazzjoni b’dan il-mod: “Dawn il-ħlejjaq ħajjin saru oġġetti tar-rimi, li tħobbhom meta jkunu ħelwin u tabbandunahom meta jsiru inkonvenjenti. Dan in-nuqqas taʼ konsiderazzjoni għall-ħajja taʼ l-annimali hija mifruxa u qed teqred il-kultura tagħna.”
Fatturi Importanti X’Tikkunsidra
Jekk trid trabbi annimal domestiku, speċjalment f’belt, huwa importanti li taħsibha sew minn qabel. L-annimali domestiċi li għandhom ħafna enerġija għandhom bżonn l-eżerċizzju fiżiku kuljum biex jibqgħu f’saħħithom. “Stħarriġ Nazzjonali tan-Nies u l-Annimali Domestiċi” fl-Awstralja qal: “Il-mixi u l-eżerċizzju huma bżonnjużi kemm għas-saħħa fiżika u kemm biex iqanqlu moħħ il-kelb. Jistaʼ jkun diffiċli tikkontrolla l-klieb li ma jagħmlux biżżejjed eżerċizzju.” Madankollu, wara ġurnata xogħol ħafna sidien ikunu għajjenin wisq biex jieħdu l-kelb tagħhom għal xi mixja biex juża l-enerġija li jkun akkumula.
Għalhekk, dawk li qegħdin jaħsbuha biex iġibu annimal domestiku jagħmlu tajjeb jistaqsu lilhom infushom dawn il-mistoqsijiet: ‘Se nkun nistaʼ nagħti lill-annimal domestiku tiegħi l-attenzjoni li għandu bżonn? L-istil taʼ ħajti se jġagħalni nħallih waħdu għall-parti l-kbira tal-ġurnata? Se jkolli ċans nieħdu jimxi jew nilgħab miegħu? Jekk il-kelb tiegħi għandu bżonn it-taħriġ, lest jien biex nagħtih dan it-taħriġ jew biex nieħdu fejn jitgħallem? Se jkolli nieħu l-ħin minn attivitajiet iktar importanti biex irrabbi annimal domestiku?’
Fattur ieħor li għandek tikkunsidra huwa li biex trabbi annimal domestiku trid il-flus. Fi stħarriġ li sar fuq sidien t’annimali domestiċi, instab li n-nefqa taʼ flus għand il-veterinarju kull sena għal kelb hi taʼ kważi Lm71, u għal qattus Lm38. M’għandniex xi ngħidu, dan ma jinkludix il-bżonnijiet bħall-ikel u affarijiet oħra taʼ kuljum. Ukoll, f’xi komunitajiet trid titħallas liċenzja.
Sfida biex Tinżamm Ħarsa Bilanċjata
Il-Ħallieq żgur li jieħu pjaċir meta jarana nitgħaxxqu bil-ħolqien tiegħu taʼ l-annimali u meta nieħdu ħsiebhom bl-imħabba. Ma taqbilx, mela, li l-moħqrija fuq l-annimali m’hijiex xi ħaġa xierqa? Madankollu, biex jiddevertu, il-bnedmin spiss iħallu l-annimali bħall-barrin, il-klieb, u t-tiġieġ, jiġu abbużati krudelment u maqtulin fil-ġlied. Sfortunatament, in-nies mhux dejjem jittrattaw l-annimali bil-mogħdrija kif jixtieq Alla.
Mill-banda l-oħra, xi nies huma iktar konċernati dwar l-annimali domestiċi milli dwar affarijiet li huma iktar importanti. Fil-fatt, meta l-affezzjoni għall-annimali ma tkunx kontrollata bir-raġuni, il-ħajja taʼ l-annimali domestiċi tistaʼ tidher iktar importanti minn dik tal-bnedmin. Per eżempju, meta qabad in-nar fi sptar wieħed taʼ l-annimali, wara li s-sidien taʼ l-annimali domestiċi nġabru barra, milli jidher xi wħud “ipprovaw jgħaddu minn bejn l-irġiel tat-tifi tan-nar waqt li bdew jgħajtu li riedu jmutu maʼ l-għeżież tagħhom.”
M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun verament taʼ niket, saħansitra traġiku, li tara annimal domestiku maħbub imut. Iżda anki f’każi bħal dawn, hemm bżonn taʼ bilanċ. Bħalma ntqal qabel, l-annimali ma kinux maħluqin fis-sura t’Alla, u lanqas ma kienu maħluqin biex jgħixu għal dejjem bħall-bnedmin. Dwar il-mod kif Alla għamel lill-bnedmin, il-Bibbja tgħid: “Qiegħed ukoll f’qalb ulied il-bniedem il-ħsieb taʼ l-eternità.” Madankollu, xejn minn dan ma jingħad dwar l-annimali.—Ekkleżjażti 3:11, Karm Żammit.
Għalhekk, il-Bibbja ma tgħidx li huwa ħażin li toqtol l-annimali—tabilħaqq, illum dawn huma sors komuni taʼ ikel għal miljuni. Iżda xi ngħidu dwar li traqqad annimal domestiku—bħal per eżempju, wieħed li huwa marid u qed ibati? X’deċiżjoni diffiċli taʼ qsim il-qalb tistaʼ tkun din! Madankollu, xi ħadd li jħobb annimal domestiku jistaʼ jikkonkludi li jekk jagħmel dan malajr u b’mod li ma jikkaġunax uġigħ huwa aħjar milli jagħti lill-annimal maħbub tiegħu trattament li jiswa ħafna flus. Dan għaliex ikun sempliċement qed itawwallu ż-żmien li jdum muġugħ—u jistaʼ saħansitra jkun taʼ piż fuq il-finanzi tal-familja.
Alla jħobb u jgħożż lill-bnedmin bħala l-ħolqien tiegħu, allura, m’għandniex aħna nuru listess konsiderazzjoni u affezzjoni lejn l-annimali li fdalna biex inħobbuhom u nieħdu ħsiebhom? Dawk li għandhom imħabba bħal din spiss jinġibdu lejn il-prospetti mill-isbaħ taʼ li jgawdu l-annimali kif xtaq Alla fil-bidu. L-artiklu tal-konklużjoni se jitkellem dwar dan l-aspett tas-suġġett taʼ l-annimali domestiċi.
[Stampa f’paġna 7]
Kull sena għala jinqatlu miljuni t’annimali domestiċi li jintbagħtu ġo postijiet li jipprovdulhom kenn?
[Sors]
© Hulton-Deutsch Collection/CORBIS
[Stampi f’paġna 8, 9]
Speċjalment għal dawk li joqogħdu fil-bliet, it-trobbija taʼ annimal domestiku tistaʼ tirrikjedi ħafna iktar affarijiet milli jaħsbu
[Stampa f’paġna 9]
Il-Ħallieq tagħna jitgħaxxaq meta jarana nittrattaw lill-annimali b’qalb tajba