L-Annimali—Gawdihom għal Dejjem
X’VARJETÀ kbira t’annimali teżisti, kollha kemm huma b’personalitajiet u attributi differenti! L-imħabba u l-mogħdrija lejhom tqanqal lill-persuna biex tinġibed lejn il-Ħallieq tagħhom. Dan jidher ċar f’dak li ġara lil Maria.
Madwar tliet snin ilu, meta Maria kienet tgħix Lisbona, il-Portugall, il-kelb maħbub tagħha ntilef, u hi xandret dan minn fuq ir-radju. Waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, li kienet ċerta li rat kelb li kien bħal dak li ddeskriviet Maria, ikkuntattjatha. Meta t-tnejn li huma ltaqgħu, sabu l-kelb, u x-Xhud qaltilha li ladarba Maria kienet tħobb daqshekk l-annimali, żgur li kienet tixtieq tgħix fid-dinja l-ġdida li wiegħed Alla. Ix-Xhud spjegat li l-bnedmin dakinhar se jgħixu fil-paċi maʼ l-annimali kollha.
Maria aċċettat stedina biex tattendi waħda mil-laqgħat tax-Xhieda. Dak li semgħet u rat qanqlilha l-interess sal-punt li riedet studju persunali tal-Bibbja. Hekk kif kompla l-istudju, Maria tqanqlet profondament b’dak li tgħallmet dwar Alla Jehovah u l-wegħda tiegħu taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art f’dinja ġdida taʼ ġustizzja. (Salm 37:29; Ġwanni 17:3) Eventwalment, fis-16 taʼ Frar 2002, hi ssimbolizzat id-dedikazzjoni tagħha lil Jehovah bil-magħmudija fl-ilma.
L-Iskop Oriġinali t’Alla
Bħal Marija, ħafna ferħu bil-kbir minħabba l-evidenza mill-Bibbja li l-iskop oriġinali t’Alla għall-bnedmin biex jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-art u jieħdu ħsieb l-annimali kollha li jgħixu fuqha, fl-aħħar mill-aħħar se jsir realtà. (Ġenesi 1:28) Il-Bibbja tgħid li Alla “ma ħalaqhiex [id-dinja] għall-baħħ” iżda “sawwarha biex jgħammru fiha.” Milli jidher, il-bnedmin kellhom igawdu l-art u l-annimali għal dejjem.—Isaija 45:18.
Il-Bibbja tkompli tenfasizza d-determinazzjoni t’Alla li jwettaq l-iskop oriġinali tiegħu biex l-art jagħmilha ġenna. Hu jiddikjara: “Hekk tkellimt,” u jkompli: “U nagħmel hekk.” Għal darb’ oħra, Jehovah jiddikjara: “Hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.”—Isaija 46:11; 55:11.
Jidher ċar li l-iskop oriġinali t’Alla kien li l-bnedmin igawdu ġenna taʼ l-art għal dejjem. Nistgħu nkunu assolutament ċerti li, fl-aħħar mill-aħħar, dan l-iskop se jitwettaq. Ejja neżaminaw deskrizzjonijiet qosra li tagħti l-Bibbja dwar kif se tkun il-ħajja fid-dinja l-ġdida t’Alla. Tabilħaqq, se naraw li l-annimali kollha, kemm dawk domestiċi u kemm dawk salvaġġi, se jgħixu fil-paċi bejniethom u mal-bnedmin.—Isaija 65:17, 21-25; 2 Pietru 3:13.
L-Annimali Domestiċi fid-Dinja l-Ġdida t’Alla
Fid-dinja l-ġdida taʼ Jehovah, in-nies se jkunu jistgħu jmissu x-xagħar twil fuq għonq l-iljun, imellsu l-pil taʼ tigra bl-istrixxi, u iva, jorqdu fil-foresta mingħajr biżaʼ li xi annimal se jagħmlilhom il-ħsara. Innota din il-wegħda t’Alla: “Neqred mill-art il-bhejjem selvaġġi. [Il-bnedmin] ikunu jistgħu jgħammru fid-deżert bla biżaʼ u jorqdu fl-imsaġar.”—Eżekjel 34:25; Hosegħa 2:18.
Tabilħaqq, imbagħad l-annimali salvaġġi se jkunu sottomessi, saħansitra lejn it-tfal żgħar! Il-Bibbja tgħid: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn taʼ tfajjel isuqhom.”
Iżda dan m’huwiex kollox! L-iskrittura tkompli: “Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien, u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu. L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp; u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa. Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”—Isaija 11:6-9.
Fid-dinja l-ġdida taʼ Jehovah, mhux se jkun hemm iżjed il-problema taʼ ħafna nies li joqogħdu kollha fl-istess belt kbira, xi ħaġa li m’hijiex pjaċevoli la għalihom u lanqas għall-annimali domestiċi tagħhom. Veru, anki llum ħafna wħud igawdu l-kumpanija taʼ l-annimali tagħhom, u ħafna huma bilanċjati fil-mod kif iħarsu lejhom u kif jieħdu ħsiebhom. Iżda immaġina l-prospett meraviljuż taʼ li tgawdi l-annimali domestiċi għal dejjem f’dinja ġdida taʼ tjieba! L-attenzjoni bl-imħabba li se tingħatalhom żgur li se tonora lill-Ħallieq il-Kbir tal-ħlejjaq ħajjin kollha.
Jekk għadek ma tgħallimtx dwar l-iskopijiet meraviljużi t’Alla—l-istess bħalma kienet għadha ma tafx Maria, li tħobb ħafna l-annimali—nistidnuk kordjalment biex tikkuntattja lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista jew lil wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Dawn se jkunu kuntenti jgħinuk titgħallem iktar dwarhom.
[Stampa f’paġna 10]
Fid-dinja l-ġdida t’Alla, l-annimali se jitgawdew għal dejjem