LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 7/8 pp. 23-25
  • X’Nistaʼ Nagħmel biex l-Għarus Ma Jibqax Jimmaltrattani?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Nistaʼ Nagħmel biex l-Għarus Ma Jibqax Jimmaltrattani?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Eżamina s-​Sitwazzjoni
  • Jekk Ikun Hemm il-​Vjolenza
  • Tipprova Tgħinu Jinbidel?
  • Kif Tfejjaq il-​Feriti Emozzjonali
  • Għala Jittrattani Daqshekk Ħażin?
    Stenbaħ!—2004
  • Għandna Ntemmu r-Relazzjoni?
    Stenbaħ!—2009
  • Mingħand il-Qarrejja
    Stenbaħ!—2005
  • Nippreparaw Għal Żwieġ Li Jirnexxi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 7/8 pp. 23-25

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

X’Nistaʼ Nagħmel biex l-​Għarus Ma Jibqax Jimmaltrattani?

“Illum l-​għarus tiegħi sawwatni għall-​ewwel darba. Hu qalli li jiddispjaċih, imma issa ma nafx x’se naqbad nagħmel.”​—Stella.a

“KWAŻI studenta minn kull 5 rrapportat li ġiet abbużata fiżikament u/jew sesswalment mill-​ġuvni li kienet qed toħroġ miegħu,” jgħid artiklu f’The Journal of the American Medical Association. Fi stħarriġ li sar fil-​Ġermanja fost żgħażagħ taʼ bejn is-​17 u l-​20 sena, iktar minn kwart mit-​tfajliet irrapportaw li kellhom kuntatti sesswali mhux mixtiqin li kienu jinvolvu vjolenza fiżika, pressjoni bil-​kliem, drogi, jew alkoħol. Skond stħarriġ li sar fl-​Istati Uniti, 40 fil-​mija mill-​adoloxxenti li ħadu sehem fih raw lil sħabhom tal-​klassi “jgħajru b’kattiverija lil xi ħadd li kienu qed joħorġu miegħu.”b

Int żagħżugħa adulta li toħroġ maʼ xi ħadd li tixtieq tiżżewweġ imma li jgħajrek jew jgħajjat miegħek jew iċekknek, jimbottak, jew isawtek? Artiklu li ħareġ qabel f’din l-​istess serje t’artikli wera li dan il-​maltrattament tant hu komuni li jallarmak.c Wera wkoll li Alla Jehovah ma japprovax kliem jew imġiba abbużiva, u li min ikun vittma tagħhom m’għandux jaċċetta mġiba ħażina bħal din bħala li hi normali jew bħala li hi t-​tort tiegħu. (Efesin 4:​31) Xorta waħda, mhux faċli tkun taf x’għandek tagħmel f’sitwazzjoni bħal din. Forsi għadek tħobbu ħafna lill-​għarus tiegħek​—minkejja kif iġib ruħu. Jew agħar minn hekk, għandek mnejn tibżaʼ minn kif jistaʼ jirreaġixxi jekk tikkritikah. X’għandek tagħmel?

Eżamina s-​Sitwazzjoni

L-​ewwelnett, trid tikkalma u tħares lejn dak li ġara b’mod newtrali. (Koħèlet 2:​14) Int tassew vittma taʼ abbuż verbali? Kien l-​għarus tiegħek qed ikun kattiv minn jeddu, jew kien sempliċement qed jitkellem bl-​addoċċ? (Proverbji 12:18) Kemm-il darba ttrattak hekk? Huwa dan żball taʼ darba li tistaʼ sempliċement tinsieh? Jew saret drawwa li jkellmek b’tali mod li jċekknek u joffendik?

Jekk m’intix ċerta dwar is-​sentimenti tiegħek f’dan ir-​rigward, tkellem dwar is-​sitwazzjoni maʼ xi ħadd​—mhux maʼ xi ħadd taʼ mparek imma maʼ xi ħadd li hu akbar u iktar għaqli minnek. Forsi tistaʼ tiftaħ qalbek mal-​ġenituri tiegħek jew maʼ xi ħadd minn sħabek il-​Kristjani li hu matur. Diskussjoni bħal din tistaʼ tgħinek tiddetermina jekk intix qed tesaġera​—jew jekk verament tinsabx fi problema serja.

Jekk m’għandikx għalfejn tibżaʼ mill-​għarus tiegħek, ftiehem biex tkellmu dwar dan. (Proverbji 25:9) Bil-​kalma kollha għidlu kif tħossok minħabba l-​imġiba tiegħu. Kun speċifika meta tgħidlu għalxiex weġġgħek. Għidlu ċar u tond x’m’intix lesta tittollera. Kif jirreaġixxi? Jinjorak jew jirrabja iktar miegħek? Dan jurik biċ-​ċar li m’huwiex lest jinbidel.

Iżda xi ngħidu jekk juri l-​umiltà bħal t’Alla u jiddispjaċih ġenwinament? F’dan il-​każ, hu possibbli li r-​relazzjoni tiġi salvata. Però, oqgħod attenta! Ġeneralment, min jabbuża verbalment jagħmilha taʼ bir-​ruħu li ddispjaċieh b’ħafna kliem elaborat wara li jweġġaʼ lil xi ħadd​—sempliċement biex għal darb’oħra jaqbad ifajjar it-​tgħajjir meta jerġaʼ jiġi provokat. Maż-​żmien tistaʼ tinduna kemm hu sinċier dwar li jagħmel il-​bidliet. Xi ħaġa li tistaʼ turik kemm qed jiħodha bis-​serjetà hi kemm ikun lest jitlob l-​għajnuna mingħand l-​anzjani Kristjani.​—Ġakbu 5:​14-16.

Tinsiex li l-​bnedmin “kollha dinbu u ċċaħħdu mill-​glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:​23) Jekk qed tipprova ssib xi ħadd perfett qed tfittex għalxejn. Il-​koppji miżżewġin kollha se jgħaddu minn ċertu “taħbit tal-​ħajja” minħabba l-​imperfezzjoni. (1 Korintin 7:​28) Fl-​aħħar mill-​aħħar, int trid tiddeċiedi jekk tkunx ferħana xorta li tgħix maʼ l-​individwu minkejja d-​difetti li għandu. Għal darb’oħra, l-​iktar mod prattiku kif tiddetermina dan hu billi tħalli ż-​żmien jgħaddi.

Jekk Ikun Hemm il-​Vjolenza

Madankollu, hi storja oħra jekk mat-​tgħajjir ikun hemm id-​dagħa kollu rabja jew theddid taʼ vjolenza jew jekk jabbużak fiżikament​—forsi billi jimbottak jew isawtek. Dan jindika nuqqas taʼ rażna li hu perikoluż; l-​affarijiet malajr jistgħu jiggravaw b’tali mod li jsir saħansitra iktar vjolenti.

Hu dejjem aħjar li l-​koppji mhux miżżewġin jevitaw li jkunu waħedhom. Imma jekk b’xi mod issib ruħek waħdek maʼ raġel li jkun f’dagħdigħa, ‘troddlux deni b’deni.’ (Rumani 12:17) Ftakar li “tweġiba ħelwa ttaffi l-​korla, kelma iebsa tqajjem l-​għadab.” (Proverbji 15:1) Ibqaʼ kalma. Staqsieh biex jieħdok id-​dar. Jekk ikun hemm bżonn, itlaq​—jew aħrab iġri!

Iżda xi ngħidu jekk raġel jipprova jisforza lil mara biex ikollha x’taqsam miegħu sesswalment? M’għandniex xi ngħidu, huwa għaqli li koppja, mill-​bidunett tar-​relazzjoni, tagħmel limiti ċari dwar kif se tesprimi l-​affezzjoni. (1 Tessalonikin 4:​3-5) Jekk ġuvni jisforza lil tfajla biex tmur kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja, hi għandha tagħmilhielu ċara mingħajr ma toqgħod iddur mal-​lewża li m’hijiex lesta tagħmel kompromess. (Ġenesi 39:​7-13) “Iċċedix,” tgħid Anne minn qalbha, li ċediet għal din it-​tip taʼ pressjoni sesswali. “Irrispetta lilek innifsek. Jekk jogħġbok, tagħmilx dan l-​iżball, tħobbu kemm tħobbu!” Jekk hu jinjorak meta tirrifjuta, għidlu li se tikkunsidra kulma se jkompli jagħmel bħala li qed jipprova jistuprak. Jekk xorta ma jiqafx, għajjat għall-​għajnuna u ipprova irreżistih bħalma kieku tagħmel lil kwalunkwe raġel li jipprova jistuprak.d

Hu x’inhu l-​każ, il-​parir tal-​Bibbja fi Proverbji 22:24 hu xieraq: “Tkunx ħabib taʼ min jinkorla, tagħmilhiex maʼ min jisħon malajr.” M’għandek l-​ebda obbligu li tibqaʼ f’relazzjoni abbużiva. Ovvjament, tkun bluha li tiltaqaʼ waħdek maʼ raġel abbużiv sabiex tgħidlu li se titilqu. Wisq probabbli, l-​aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tgħid lill-​ġenituri tiegħek dwar dak li ġara. Naturalment, huma se jirrabjaw u jiddispjaċihom minħabba li tkun ġejt trattata ħażin. Imma huma jistgħu jgħinuk tiddetermina liema passi trid tieħu.e

Tipprova Tgħinu Jinbidel?

Hi x’inhi s-​sitwazzjoni, m’intix responsabbli biex tbiddel il-​karattru taʼ l-​għarus tiegħek. Irena tammetti: “Tibda taħseb li tħobbu, li se tkampa, u li tistaʼ tgħinu. Imma int sempliċement ma tistax.” Bl-​istess mod, Nadine tammetti: “Dejjem naħseb li nistaʼ ngħinu jinbidel.” Il-​verità hi li hu biss jistaʼ ‘jġedded fehmtu’ u jinbidel. (Rumani 12:2) U jekk jiddeċiedi li jagħmel dan, se jkun proċess twil u iebes.

Għalhekk, kun soda fid-​deċiżjoni tiegħek, waqt li tinjora kwalunkwe sforz li jagħmel biex jipprova jilgħablek bl-​emozzjonijiet tiegħek. Ipprova żomm ’il bogħod minnu kemm jistaʼ jkun​—kemm emozzjonalment u kemm fiżikament. Tħallihx ikellmek, jitolbok, jew jheddek biex terġaʼ tistabbilixxi relazzjoni miegħu. Meta Irena telqet lill-​għarus tagħha li kien vjolenti, hu hedded li joqtol lilu nnifsu. Jidher ċar li individwu bħal dan għandu bżonn l-​għajnuna, imma mhux l-​għajnuna tiegħek. L-​aħjar għajnuna li tistaʼ tagħtih hi li tiqaflu meta l-​imġiba tiegħu ma tkunx Kristjana. Jekk irid jinbidel, hu jistaʼ jfittex l-​għajnuna minn jeddu.

Madankollu, xi wħud jaħsbu li ż-​żwieġ se jsolvi l-​problema. Riċerkatur wieħed jgħid: “In-​nisa u l-​irġiel li jiżżewġu lill-​għarajjes tagħhom li jabbużaw minnhom ġeneralment jinħasdu meta jaraw li l-​vjolenza ma tiqafx. Ħafna wħud jemmnu fil-​ħrafa li ladarba jiġi ffirmat il-​kuntratt legali taż-​żwieġ, dawn il-​problemi kollha se jisparixxu. Temminhiex.” Fil-​fatt, l-​abbuż fiżiku li jibda fl-​għerusija probabbilment jibqaʼ għaddej fiż-​żwieġ.

“Min hu bil-​għaqal jara l-​għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih,” tgħid il-​Bibbja. (Proverbji 22:3) Hija xi ħaġa iebsa li titlaq lil xi ħadd li tħobb. Imma kemm hu iktar iebes li tkun maqbuda fi żwieġ li fih ir-​raġel ikun jabbużak. Wara kollox, m’għandikx għalfejn tibżaʼ li qatt m’int se ssib sieħeb addattat. Bid-​dehen li tkun ksibt, se tkun iktar inklinata li tfittex lil xi ħadd li jimxi bil-​ħlewwa, b’qalb tajba, u li jrażżan lilu nnifsu.

Kif Tfejjaq il-​Feriti Emozzjonali

Jekk int vittma taʼ l-​abbuż verbali jew fiżiku tistaʼ tħossok mifnija. Marija, vittma taʼ dan l-​abbuż, tgħid: “Ikseb l-​għajnuna​—għid lil xi ħadd mill-​ewwel. Jien ħsibt li stajt noħroġ mis-​sitwazzjoni waħdi, imma meta tkellimt ħassejtni aħjar.” Iftaħ qalbek mal-​ġenituri, maʼ ħabib matur li tafdah, jew m’anzjan Kristjan.f

Xi wħud sabuh utli wkoll li jżommu ruħhom okkupati b’attivitajiet taʼ benefiċċju bħall-​qari, l-​isport, jew passatempi oħra. “L-​iktar ħaġa importanti,” tiftakar Irena, “kienet l-​istudju tal-​Bibbja u l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani.”

Jidher ċar li Jehovah ma japprovax kliem jew għemil abbużiv. Bl-​għajnuna tiegħu tistaʼ tipproteġi lilek innifsek milli tiġi maltrattata.

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Waqt li kemm l-​irġiel u kemm in-​nisa jistgħu jkunu vittmi taʼ l-​abbuż fiżiku u verbali, iċ-​Ċentri Amerikani għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard jinnotaw li “n-​nisa jiġu abbużati ħafna iktar spiss mill-​irġiel.” Hu x’inhu l-​każ, għas-​sempliċità, f’dan l-​artiklu se nirreferu għal min jabbuża fil-​maskil.

c Ara l-​artiklu “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Jittrattani Daqshekk Ħażin?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Ġunju, 2004.

d Il-ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​8 taʼ Marzu, 1993, fiha informazzjoni dwar kif tistaʼ tirreżisti lil xi ħadd li jipprova jistuprak.

e F’ċerti każi, bħal meta xi ħadd ikun ipprova jistuprak, il-​ġenituri għandhom mnejn jiddeċiedu li jirrapportaw il-​kwistjoni lill-​pulizija. Dan jistaʼ jipproteġi lil tfajliet oħra milli jgħaddu mill-​istess esperjenza taʼ niket.

f Fil-każ taʼ trawma, xi wħud jistgħu jagħżlu l-​kura taʼ tabib jew taʼ xi ħadd li għandu l-​permess legali għal kura mentali.

[Stampa f’paġna 24]

Il-​maltrattament fl-​għerusija probabbilment ikompli fiż-​żwieġ

[Stampa f’paġna 25]

Tħallix lil min jisforzak biex turi l-​affezzjoni b’modi li m’humiex xierqa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja