It-Tigra Siberjana—Se Tibqaʼ Teżisti?
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIR-RUSSJA
F’jum xitwi u sabiħ fil-lvant imbiegħed tar-Russja, tigra kbira tiġri fis-silġ ileqq waqt li ħelikopter jiġri warajha. Tiratur tas-sengħa bi xkubetta f’idejh jixxabbat ’il barra mill-ħelikopter, it-tigra taqbeż fuq siġra u tgħajjat bi sfida. Ir-raġel jispara. Il-ħelikopter jinżel fl-art, u l-passiġġieri jersqu bil-mod lejn l-annimal milqut.
QEGĦDIN dawn l-irġiel jikkaċċjaw b’mod illegali? Le, huma riċerkaturi li jisparaw il-kalmanti. Ġew biex jistudjaw wieħed mill-iktar annimali li jinsab fil-periklu fid-dinja, it-tigra Siberjana li diffiċli biex issibha.a
Ħlejqa taʼ l-Għaġeb
It-tigri Siberjani darba kont issibhom fil-Korea, fit-tramuntana taċ-Ċina, fil-Mongolja, u saħansitra fil-punent imbiegħed ħdejn ix-Xmara Baikal, fir-Russja. Imma f’dawn l-aħħar ħamsin sena, dawn bdew jonqsu. L-uniku refuġju li għandhom hu fil-muntanji mbegħdin tat-tramuntana taʼ Vladivostok, fir-Russja, ħdejn il-Baħar tal-Ġappun.
It-tigri jsiru jafu lil xulxin sew mir-riħa tagħhom, u dan jippermetti lit-tigri rġiel biex ifittxu t-tigri nisa meta jkun iż-żmien tan-namur. It-tigri jkollha żewġ jew tlett ifrieħ kull darba, u dawn ma jkunux jaraw u jibdew jitqallbu. Madankollu, kuntrarju għall-qtates żgħar, it-tigri Siberjani qatt ma jitgħallmu jagħmlu l-garr bħal tal-qtates li jitfissdu. Bi ftit tgemgim minn taħt l-ilsien, huma jixorbu l-ħalib taʼ l-omm għal ħames jew sitt xhur, u mbagħad jibdew jieklu l-laħam. Għall-ewwel imorru jikkaċċjaw m’ommhom imma ma jkunux lesti biex jikkaċċjaw waħedhom sakemm ikollhom 18-il xahar. It-tigri żgħar jistgħu jibqgħu m’ommhom sakemm ikollhom sentejn. Imbagħad jitilqu u jistabbilixxu t-territorju tagħhom stess.
Fl-ambjent naturali tagħhom, xi wħud minn dawn it-tigri jikbru ħafna. L-irġiel jistgħu jiżnu madwar 270 kilogramma u jilħqu t-tul taʼ iktar minn 3 metri, inkluż denbhom. It-tigri huma armati sew għal xtiewi kesħin u kollhom silġ. Ġisimhom hu miksi b’suf oħxon, u s-saqajn kbar tat-tigra huma miksijin bis-suf li jservi bħala żarbun tas-silġ.
It-tigri Siberjani għandhom disinn taʼ strixxi skuri fuq is-suf oranġjo. Kull tigra għandha disinn taʼ strixxi partikulari li jagħmilha possibbli biex tiddistingwi tigra minn oħra daqskemm il-marki tas-swabaʼ jiddistingwu lin-nies. Fil-foresta, il-marki u l-kuluri tat-tigra spiss ma jħallukx taraha għaddejja. Imma jekk tigra toħroġ fil-miftuħ fix-xitwa, din tispikka fuq is-silġ. Minħabba li fix-xitwa tispikka daqshekk, din tiġbed l-attenzjoni taʼ l-uniku predatur tagħha, il-bniedem.
L-Eżistenza Tagħha Mhedda
It-tigra Siberjana bilfors ikollha toqtol annimali kbar biex tibqaʼ ħajja, inkluż iċ-ċriev żgħar u kbar, u ċ-ċingjali. Imma din il-priża naqset ħafna fl-inħawi salvaġġi tal-lvant tas-Siberja. Foresta taʼ 1,000 kilometru kwadru tistaʼ tipprovdi biżżejjed laħam għal erbaʼ jew ħames tigri biss. Allura, biex it-tigri Siberjani jibqgħu ħajjin fl-ambjent naturali tagħhom, irid ikollhom biżżejjed territorju.
Għal ħafna snin, il-foresti kbar ħafna tas-Siberja li diffiċli tilħaqhom kienu jipprovdu territorju ideali għal dawn it-tigri kbar. Il-bnedmin, li huma l-uniku theddida serja għall-eżistenza taʼ dawn it-tigri, rari kienu jmorru f’dawn il-postijiet. Madankollu, dan l-aħħar, kumpaniji taʼ l-injam minn pajjiżi oħrajn kienu qed iqaċċtu ħafna mill-kenn tal-foresta.
Hekk kif jisparixxu s-siġar, hekk ukoll jisparixxu ċ-ċriev żgħar u kbar, u ċ-ċingjali, kif ukoll it-tigri Siberjani. Biex jgħin ħalli ma jibqgħux jonqsu, il-gvern Russu jmantni riservi kbar t’annimali fl-istat naturali tagħhom bħar-Riserva Naturali Sikhote Alin. Imma meta t-tigri jivvjaġġaw ’il barra minn dawn l-inħawi, huma jiffaċċjaw kaċċaturi illegali involuti fin-negozju tas-suvenirs eżotiċi. Is-snien, is-saqajn, l-għadam, u l-ġilda bis-suf tagħhom, inkluż tat-tigri żgħar, ilkoll jiswew il-belli liri.
Insalvaw it-Tigra
Qed isiru sforzi akbar biex tiġi salvata t-tigra Siberjana, u n-nies lokali huma minn taʼ quddiem f’dan. Minħabba f’hekk, l-ammont taʼ tigri Siberjani żdiedu bi ftit. Skond ċensiment li sar fl-2005 instab li hemm bejn 430 u 540 tigra jgħixu fis-Siberja.
Mill-banda l-oħra, it-tigri Siberjani li ma jkunux fl-ambjent naturali tagħhom inisslu mill-ewwel u jmorru relattivament tajjeb. Hemm iktar minn 500 tigra Siberjana fil-ġonna żooloġiċi madwar id-dinja. Allura għala ma jilliberawx ftit minnhom u jżidu l-għadd li hemm fl-istat naturali tagħhom? Ix-xjenzati ma jissograwx jagħmlu dan. “Ma tantx jagħmel sens li titfaʼ annimal fl-ambjent naturali tiegħu jekk ma jkunx hemm ċertezza li l-futur tiegħu se jkun fis-sigurtà,” jispjega wieħed riċerkatur.
Kull ħaġa ħajja, inkluż it-tigri kbar, huma evidenza taʼ l-għerf u l-qawwa t’Alla, u hu jqishom bħala li jistħoqqilhom li jieħu ħsiebhom u jagħtihom attenzjoni. (Salm 104:10, 11, 21, 22) Ħafna nies li verament japprezzaw ix-xogħol tal-Ħallieq huma fiduċjużi li se jiġi żmien meta t-tigra Siberjana ma tibqax fil-periklu taʼ l-estinzjoni.
[Nota taʼ taħt]
a It-tigra Siberjana kultant tissejjaħ it-tigra Amur, ladarba dawn l-annimali issa jinsabu l-iktar ħdejn ix-xtut tax-Xmara Amur fil-lvant imbiegħed tar-Russja.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 16, 17]
L-AKBAR TIGRA
It-tigra Siberjana hija iżgħar biss min-nisel li jkollhom iljun u tigra, li jissejjaħ liger. Dan l-annimal jistaʼ jikber sa tliet metri fit-tul u jistaʼ jiżen iktar minn 500 kilogramma. Il-liger jikber fil-ġonna żooloġiċi u rari, jekk qatt, issibu fis-salvaġġ.
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 16]
Fuq: © photodisc/age fotostock; taħt: Hobbs, courtesy Sierra Safari Zoo, Reno, NV