Id-determinazzjoni tagħkom hi bħal ankra li żżomm iż-żwieġ fis-sod fil-maltemp
GĦALL-KOPPJI
1 Kunu determinati li tibqgħu fiż-żwieġ
DAN XI JFISSER
L-irġiel u n-nisa li jkunu determinati li jibqgħu fiż-żwieġ iqisu ż-żwieġ bħala rabta dejjiema, u dan jagħtihom sens taʼ sigurtà. Kull wieħed minnhom se jkun fiduċjuż li l-parti l-oħra se tibqaʼ fiż-żwieġ anki fi żminijiet diffiċli.
Xi koppji jħossuhom obbligati li jibqgħu flimkien minħabba l-pressjoni li jkollhom mill-familja jew minn taʼ madwarhom. Imma jkun ħafna aħjar li jkunu jridu jibqgħu flimkien għax iħobbu u jirrispettaw lil xulxin.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Raġel m’għandux jitlaq lil martu.”—1 Korintin 7:11.
“Jekk tkun determinat li tibqaʼ fiż-żwieġ, m’intix se tieħu għalik malajr. Minflok, se tkun ħafif biex taħfer u biex tiskuża ruħek. Int se tqis il-problemi bħala ostakli li tistaʼ tegħlibhom u mhux bħala xi ħaġa li twassal għall-firda.”—Micah.
GĦALA HU IMPORTANTI
Min ma jkunx determinat li jibqaʼ fiż-żwieġ, meta jiffaċċja l-problemi għandu iktar ċans li jikkonkludi, ‘Ma konniex maħluqin għal xulxin,’ u jara x’jagħmel biex jinħall miż-żwieġ.
“Ħafna nies jiżżewġu bil-ħsieb li jekk iż-żwieġ ma jirnexxix jaqbdu u jiddivorzjaw. Meta jidħlu fiż-żwieġ b’dan il-ħsieb diġà f’moħħhom, allura mill-bidu nett ma jkunx hemm bażi soda.”—Jean.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
EŻAMINA LILEK INNIFSEK
Meta tkunu qed targumentaw . . .
Jgħaddilek minn moħħok li qed jiddispjaċik li żżewwiġt lil din il-persuna?
Timmaġina lilek innifsek maʼ xi ħadd ieħor?
Tgħid affarijiet bħal “Se nitilqek” jew “Se nsib lil xi ħadd ieħor li japprezzani”?
Jekk weġibt iva għal waħda jew iktar minn dawn il-mistoqsijiet, allura issa hu ż-żmien li ssaħħaħ id-determinazzjoni tiegħek li tibqaʼ fiż-żwieġ.
IDDISKUTU DAN BĦALA KOPPJA
Għadna determinati li nibqgħu fiż-żwieġ bħal qabel? Jekk le, għala?
Liema passi nistgħu nieħdu issa biex insaħħu d-determinazzjoni tagħna?
SUĠĠERIMENTI
Minn żmien għal żmien, ikteb xi ħaġa romantika lir-raġel jew il-mara tiegħek
Uri li int determinat li tibqaʼ fiż-żwieġ billi fuq id-desk tax-xogħol tiegħek tpoġġi ritratti taʼ żewġek jew martek
Ċempel lill-persuna l-oħra fiż-żwieġ kuljum waqt li tkun ix-xogħol jew meta tkunu ’l bogħod minn xulxin
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.