Għandek Twessagħha l-Ħarsa Tiegħek?
TERREMOT qerriedi laqat il-Belt taʼ Kobe fil-punent tal-Ġappun, u volontiera li ssagrifikaw lilhom infushom malajr ġew biex jagħtu l-għajnuna lir-residenti milqutin. Madankollu, xi tobba li marru fuq il-post sabu li t-talba tagħhom għal provvisti mediċi ġiet miċħuda minn xi ħadd fl-Uffiċċju tas-Saħħa tal-belt. Dak l-uffiċjal, li kien ukoll id-direttur taʼ sptar muniċipali kbir, ried li l-vittmi jmorru fl-isptarijiet taʼ Kobe minflok ma t-tobba jamministraw injezzjonijiet u fluwidi mogħtijin fil-vini li jiswew il-flus fiċ-ċentri għall-għajnuna. Eventwalment, it-talba tat-tobba ntlaqgħet, imma l-attitudni inflessibbli li semmejna taʼ l-uffiċjal u mid-dehra n-nuqqas taʼ mogħdrija ġibdu l-istmerrija taʼ kulħadd.
Forsi int kellek xi esperjenza simili taʼ nuqqas taʼ kompromess minn xi ħadd li għandu l-awtorità. Jew forsi int innifsek kont ħati taʼ xi ħaġa bħal din. Tistaʼ int tibbenefika milli tiżviluppa ħarsa iktar wiesgħa?
Ikseb Stampa Sħiħa
Huwa komuni għal xi wħud li jqisu xi ħaġa minn angolu jew lenti waħda, u b’hekk jillimitaw il-fakultà u l-fehma tagħhom dwar dik il-ħaġa. Taʼ spiss, dan jiġri minħabba fatturi bħall-edukazzjoni, l-esperjenza fil-ħajja, u l-isfond taʼ dak li jkun. Jistgħu jintlaħqu deċiżjonijiet iktar għaqlin meta wieħed iħabrek sabiex jikseb stampa sħiħa. Per eżempju, jekk tkun qed issuq fi triq fejn m’hemmx traffic lights, ikun għaqli li sempliċement tħares ’il quddiem biss? Dażgur li le! B’mod simili, li twessaʼ l-ħsibijiet tiegħek sabiex tikseb ħarsa sħiħa jistaʼ jgħinek ħafna meta tiġi biex tieħu deċiżjonijiet u taġixxi b’mod responsabbli. Jistaʼ saħansitra jsalvalek ħajtek.
X’aktarx li kollha kemm aħna nistgħu nitjiebu f’dan ir-rigward. Mela staqsi lilek innifsek, ‘Liema huma xi modi fejn li nwessaʼ ħsibijieti jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalija?’
Kif Tħares lejn Oħrajn
X’tara int meta tħares lejn oħrajn? Għandek it-tendenza li tqis kulma jgħidu jew jagħmlu bħala kollu tajjeb jew kollu ħażin, bħallikieku m’hemmx triq tan-nofs? Meta xi ħadd jagħmel xi kumment, tqisu int bħala kumpliment jew bħala insult? Għandu dak li jkun ir-raġun, jew huwa żbaljat għalkollox? Jekk ikollok din il-ħarsa tkun bħal dak il-fotografu li jinjora l-varjetà kbira taʼ dwal u kuluri qawwijin f’xena tal-ħarifa, bħallikieku jeżistu biss figuri bojod u suwed. Jew għandek it-tendenza li tikkonċentra fuq l-aspetti negattivi tal-personalità taʼ dak li jkun, bħal dak il-vjaġġatur li jitlef il-gost taʼ xena sabiħa minħabba daqsxejn taʼ ħmieġ li jkun ħalla xi viżitatur inkonsiderevoli?—Qabbel Koħèlet 7:16.
Nistgħu nitgħallmu ħafna meta nikkunsidraw x’inhi l-ħarsa taʼ Jehovah dwar l-iżbalji tal-bniedem. Għalkemm hu konxju dwar id-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet tal-bniedem, hu jagħżel li ma jibqax jaħseb jew jiffoka fuqhom. Is-salmista osserva bi gratitudni: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas . . . Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) Jehovah ħerqan li jwarrab l-iżbalji mill-midinbin nedmin, u fi tjubitu saħansitra jħassarhom, biex b’hekk ma jkunux bħala tebgħa fuq ir-relazzjoni tagħna miegħu. (Salm 51:3 [Salm 51:1, NW]; Salm 103:12) Jehovah setaʼ jgħid rigward is-Sultan David, li darba minnhom ikkommetta dnubiet serji maʼ Batseba, li kien bniedem “li kien jimxi warajja b’qalbu kollha, u jagħmel biss dak li hu tajjeb f’għajnejja.” (1 Slaten 14:8) Alla għala setaʼ jgħid dan dwar David? Għaliex hu ffoka fuq il-kwalitajiet mill-aħjar tan-niedem David. Hu kkunsidra l-fatturi rilevanti kollha u għażel li jkompli jestendi l-ħniena lejn il-qaddej tiegħu.
Kristu Ġesù rriflettieha mingħajr difetti din il-ħarsa wiesgħa lejn in-nuqqasijiet taʼ l-oħrajn. (Ġwann 5:19) Meta ħabbat wiċċu mad-difetti taʼ l-appostli tiegħu, Ġesù ħenn għalihom u għadirhom. Dwar il-bnedmin imperfetti hu rrikonoxxa li saħansitra meta ‘l-ispirtu jrid, il-ġisem dgħajjef.’ (Mattew 26:41) B’dan f’moħħu, Ġesù setaʼ jifhimhom lid-dixxipli tiegħu u jieħu paċenzja bid-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet tagħhom. Ma kkonċentrax fuq in-nuqqasijiet tagħhom imma, pjuttost, iffoka fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom.
F’okkażjoni minnhom meta kkoreġa lill-appostli minħabba li argumentaw dwar min kien l-akbar fosthom, Ġesù żied: “Intom, mbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f’saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù taʼ Iżrael.” (Luqa 22:24-30) Iva, minkejja l-ħafna nuqqasijiet taʼ l-appostli, Ġesù ftakar fil-fedeltà tagħhom u fl-imħabba tagħhom għalih. (Proverbji 17:17) Ġesù kellu fiduċja f’dak li setgħu u kienu se jagħmlu, u għalhekk ikkonkluda patt għal Saltna magħhom. Iva, ‘Ġesù ħabbhom għall-aħħar.’—Ġwann 13:1.
Għalhekk, jekk il-karatteristiċi u n-nuqqasijiet tal-personalità taʼ xi ħadd jirritawk, kun bħal Jehovah u Ġesù. Wessaʼ l-ħsibijiet tiegħek, u ipprova qis il-fatturi kollha. Billi tħares lejn l-affarijiet kif jixraq, se ssibha iktar faċli biex tħobb u tapprezza lil ħutek.
Fl-Għoti Materjali
Il-privileġġ li tagħti huwa raġuni waħda għall-ferħ li jgawdu minnu l-Kristjani. Imma hemm bżonn li nillimitaw l-għoti tagħna f’attività waħda biss, bħal per eżempju, li nieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa? (Mattew 24:14; 28:19, 20) Jew il-ħsibijiet tiegħek jistgħu jitwessgħu sabiex tinkludi l-bżonnijiet fiżiċi u l-benesseri taʼ l-oħrajn? M’għandniex xi ngħidu, il-Kristjani kollha japprezzaw li l-għoti spiritwali huwa taʼ importanza kbira. (Ġwann 6:26, 27; Atti 1:8) Madankollu, daqskemm hu importanti l-għoti spiritwali, l-għoti materjali żgur li m’għandux jiġi injorat.—Ġakbu 2:15, 16.
Hekk kif nikkontemplaw dwar il-bżonnijiet urġenti taʼ ħutna spiritwali fil-kongregazzjoni tagħna stess u madwar id-dinja kollha, inkunu nistgħu naraw iktar bis-sħiħ x’nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom. Meta dawk li huma fil-pożizzjoni biex jagħmlu dan jaqsmu b’mod ġeneruż m’oħrajn, dan il-qsim iġibna lkoll indaqs. B’dan il-mod, il-bżonnijiet taʼ ħutna kollha jiġu milħuqin. Anzjan Kristjan esprima dan hekk: “Jekk jinqalaʼ xi bżonn f’parti waħda tad-dinja, aħwa minn parti oħra tad-dinja jmorru jagħtu l-għajnuna. Jekk ma jkunux f’pożizzjoni li jgħinu, imbagħad jagħtu l-għajnuna aħwa minn xi mkien ieħor. B’hekk, il-bżonnijiet taʼ ħutna mad-dinja kollha jiġu milħuqin. Il-fratellanza mad-dinja kollha hija ċertament meraviljuża.”—2 Korintin 8:13-15; 1 Pietru 2:17.
Waħda oħt Kristjana li sinċerament xtaqet li tattendi waħda mill-konvenzjonijiet internazzjonali fl-Ewropa tal-lvant ma kinitx f’pożizzjoni li tmur. Madankollu, hi kienet semgħet li l-aħwa hemmhekk kellhom bżonn kbir taʼ Bibbji, u għalhekk tat kontribuzzjoni għal dawn il-Bibbji permezz taʼ xi ħadd li attenda. B’hekk, hi esperjenzat il-ferħ taʼ l-għoti, li taqsam maʼ ħutha f’pajjiż barrani.—Atti 20:35.
Forsi billi titwessaʼ fil-ħsibijiet tiegħek int tkun tistaʼ tagħti kontribuzzjoni ferm akbar fix-xogħol edukattiv tal-Bibbja li dejjem qed jespandi mad-dinja kollha, u ġġib ferħ kbir kemm għalik u kif ukoll għall-oħrajn.—Dewteronomju 15:7; Proverbji 11:24; Filippin 4:14-19.
Meta Tagħti Parir
Meta niġu msejħin biex nagħtu parir jew korrezzjoni, raġunar konsiderevoli u bilanċjat se jgħinna niksbu r-rispett taʼ ħutna spiritwali u nkunu nistgħu nagħtu għajnuna tassew effettiva. Huwa tassew faċli li tikkonċentra fuq ftit fatti u tasal għal konklużjoni mgħaġġla u parzjali. Dan jagħti l-impressjoni li għandna moħħna magħluq, bħall-mexxejja reliġjużi fi żmien Ġesù, li kellhom it-tendenza li jgħabbu lil oħrajn bir-regoli tagħhom li ma jispiċċaw qatt. (Mattew 23:2-4) Min-naħa l-oħra, jekk nevitaw l-estremità u nagħtu parir mill-aħjar ibbażat fis-sod fuq il-prinċipji Skritturali, billi nirriflettu l-ħsieb twajjeb imma bilanċjat u mimli ħniena taʼ Jehovah, ikun ħafna iktar faċli għal oħrajn biex jaċċettaw u japplikaw is-suġġerimenti tagħna.
Ftit snin ilu, xi aħwa żgħażagħ minn diversi kongregazzjonijiet ftiehmu biex jilagħbu xi sports. Sfortunatament, żviluppa spirtu taʼ kompetizzjoni fosthom, u dan irriżulta f’taqbid verbali aħrax. Kif ittrattawha l-problema l-anzjani lokali? Billi rrikonoxxew il-bżonn li ż-żgħażagħ ikollhom rikreazzjoni, huma ma rrikkmandawx li jieqfu jilagħbu għalkollox. (Efesin 5:17; 1 Timotju 4:8) Minflok, huma tawhom twissijiet sodi imma raġunevoli dwar fejn jistaʼ jwassal spirtu taʼ kompetizzjoni. Offrewlhom ukoll xi suġġerimenti t’għajnuna, bħal li jkollhom uħud akbar u responsabbli magħhom. Iż-żgħażagħ apprezzaw l-għerf u l-bilanċ tal-parir u wieġbu b’mod tajjeb. Iktar minn hekk, ir-rispett u l-affezzjoni tagħhom lejn l-anzjani kibru.
Aħdem Sabiex Titwessaʼ
Għalkemm forsi għandek xi preġudizzji bla ma taf u bla ma trid, xorta waħda jinħtieġ sforz determinat sabiex twessaʼ l-ħsibijiet tiegħek. Hekk kif tistudja l-Kelma t’Alla, immedita fuqha sabiex tifhem u tapprezza l-mod kif jaħseb Jehovah. (Salm 139:17) Ipprova ifhem ir-raġunijiet taʼ l-istqarrijiet li hemm fil-Bibbja u l-prinċipji involuti, u ħabrek biex tiżen l-affarijiet kif jiżinhom Jehovah. Dan ikun fi qbil mat-talba taʼ David: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni.”—Salm 25:4, 5.
Hekk kif tadotta ħarsa iktar wiesgħa, int se titbierek. Waħda mill-barkiet li jiġu meta jkollok ħarsa mwessaʼ tkun il-kisba taʼ reputazzjoni li int bilanċjat u komprensiv. Tkun kapaċi twieġeb b’manjiera iktar raġunevoli u komprensiva meta tkun se tagħti għajnuna f’diversi sitwazzjonijiet. Imbagħad, dan se jikkontribwixxi għall-unità u l-armonija meraviljużi tal-fratellanza Kristjana.
[Stampi f’paġna 12]
Billi tagħti b’mod ġeneruż tkun qed tgħin lil oħrajn, tifraħ int, u togħġob lil Missierna tas-sema