LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 6/15 pp. 27-30
  • L-Asmonin u Dak li Ħallew Warajhom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Asmonin u Dak li Ħallew Warajhom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iktar Indipendenza, Inqas Għaqda
  • Iktar Espansjoni u Oppressjoni
  • Il-​Fariżej u s-​Sadduċej Jidħlu fix-​Xena
  • Iktar Politika, Inqas Devozzjoni
  • Dak li Ħallew Warajhom l-​Asmonin
  • Min Kienu l-Makkabin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Tgħallmu Minni”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Sejħu Flimkien lis-Sinedriju”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 6/15 pp. 27-30

L-​Asmonin u Dak li Ħallew Warajhom

META Ġesù kien fuq l-​art, il-​Ġudaiżmu kien maqsum fi gruppi li kienu jikkompetu bejniethom għall-​poter fuq in-​nies. Din hi l-​istampa li nieħdu mir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju kif ukoll minn dak li kiteb Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-​istorja Lhudi taʼ l-​ewwel seklu.

F’din ix-​xena, il-​Fariżej u s-​Sadduċej jidhru bħala awtoritajiet influwenti li kapaċi jbiddlu l-​opinjoni pubblika saħansitra sal-​punt li tiċħad lil Ġesù bħala l-​Messija. (Mattew 15:​1, 2; 16:1; Ġwann 11:​47, 48; 12:​42, 43) Madankollu, dawn iż-​żewġ gruppi influwenti ma jissemmew imkien fl-​Iskrittura Ebrajka.

Ġużeppi Flavju jsemmi għall-​ewwel darba lis-​Sadduċej u l-​Fariżej fl-​isfond tat-​tieni seklu Q.E.K. F’dan iż-​żmien, ħafna mil-​Lhud kienu qed iċedu għall-​Elleniżmu, jiġifieri, il-​kultura u l-​filosofija Griega. It-​tensjoni bejn l-​Elleniżmu u l-​Ġudaiżmu laħqet il-​quċċata tagħha meta l-​ħakkiema Selewċidi niġġsu t-​tempju f’Ġerusalemm u ddedikawh lil Żews. Ġuda l-​Makkabi, mexxej Lhudi dinamiku minn familja magħrufa bħala l-​Asmonin, mexxa armata ribelluża u ħeles it-​tempju minn taħt idejn il-​Griegi.a

Is-snin taʼ wara l-​irvell u r-​rebħa tal-​Makkabin kienu karatterizzati minn tendenza li jiġu fformati setet ibbażati fuq ideoloġiji differenti. Dawn is-​setet kienu jikkompetu bejniethom biex jirbħu l-​appoġġ tal-​komunità Lhudija. Imma għala żviluppat din it-​tendenza? Għala kien hemm daqstant firda fil-​Ġudaiżmu? Biex nieħdu t-​tweġiba, ejja neżaminaw l-​istorja taʼ l-​Asmonin.

Iktar Indipendenza, Inqas Għaqda

Wara li laħaq il-​mira reliġjuża tiegħu li jistabbilixxi mill-​ġdid il-​qima fit-​tempju taʼ Jehovah, Ġuda l-​Makkabi sar politikant. Minħabba f’dan, ħafna Lhud abbandunawh. Xorta waħda, hu kompla l-​ġlieda tiegħu kontra l-​ħakkiema Selewċidi, għamel trattat maʼ Ruma, u ħadem biex iwaqqaf Stat Lhudi indipendenti. Wara l-​mewt taʼ Ġuda fil-​battalja, ħutu Ġonatan u Xmun komplew jitqabdu. Għall-​ewwel, il-​ħakkiema Selewċidi opponewhom bil-​qawwi lill-​Makkabin. Imma maż-​żmien, il-​ħakkiema aċċettaw li jagħmlu kompromessi politiċi, u taw lill-​aħwa Asmonin xi ftit taʼ l-​indipendenza.

Għalkemm kienu ġejjin mil-​linja saċerdotali, qatt ma kien hemm xi ħadd mill-​Asmonin li qeda fil-​kariga taʼ qassis il-​kbir. Ħafna Lhud ħassew li min jaqdi f’din il-​kariga kellu jkun qassis mil-​linja taʼ Sadok, li kien inħatar bħala qassis il-​kbir minn Salamun. (1 Slaten 2:35; Eżekjel 43:19) Ġonatan uża l-​manuvri tal-​gwerra u d-​diplomazija biex jipperswadi lis-​Selewċidi ħalli jaħtruh bħala qassis il-​kbir. Imma wara l-​mewt taʼ Ġonatan, ħuh Xmun wettaq saħansitra iktar. F’Settembru tas-​sena 140 Q.E.K. ħareġ digriet importanti f’Ġerusalemm li ġie preservat bi stil Grieg fuq twavel tal-​bronż: “Is-​sultan Demetriju [il-ħakkiem Grieg Selewċidu] wettqu [lil Xmun] fid-​dinjità taʼ qassis il-​kbir u għamlu wieħed mill-​ħbieb tiegħu u mlieh b’unuri kbar. . . . Il-​Lhud u l-​qassisin għoġobhom li Xmun ikun il-​kap u l-​qassis il-​kbir għal dejjem sakemm ma jitfaċċax xi profeta taʼ min joqgħod fuqu.”—1 Makkabin 14:​38-41 (ktieb storiku li nsibuh fl-​Apokrifa).

Għalhekk, il-​pożizzjoni taʼ Xmun bħala ħakkiem kif ukoll bħala qassis il-​kbir—għalih u għad-​dixxendenti tiegħu—ġiet aċċettata mhux biss mill-​awtorità barranija Selewċida imma wkoll mill-​“Assemblea l-​Kbira” tal-​poplu tiegħu stess. Minn hemmhekk seħħet bidla importanti. Bħalma poġġieha l-​kittieb taʼ l-​istorja Emil Schürer, ladarba l-​Asmonin kienu waqqfu dinastija politika, “it-​tħassib ewlieni tagħhom ma baqax iktar dwar it-​twettiq tat-​Tora [il-Liġi Lhudija] imma dwar iż-​żamma u l-​firxa tal-​qawwa politika tagħhom.” Madankollu, biex ma joffendix is-​sentimenti tal-​Lhud, Xmun uża t-​titlu “etnarka,” jew “kap tan-​nazzjon,” minflok “sultan.”

Mhux kulħadd ħa pjaċir meta l-​Asmonin ħatfu taħt idejhom il-​kontroll taʼ l-​affarijiet reliġjużi u politiċi. Skond ħafna studjużi, kien f’dan il-​perijodu li ġiet ifformata l-​komunità taʼ Qumran. Qassis mil-​linja taʼ Sadok telaq minn Ġerusalemm u mexxa grupp taʼ reżistenza li mar warajh fid-​deżert tal-​Lhudija ħdejn il-​Baħar il-​Mejjet. Hu maħsub li dan il-​qassis hu l-​istess wieħed li fil-​kitbiet taʼ Qumran jissejjaħ “l-​Għalliem tat-​Tjieba.” Wieħed mir-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet, kummentarju fuq il-​ktieb taʼ Ħabakkuk, jikkundanna lill-​“Qassis mill-​Agħar li għall-​ewwel kien magħruf bl-​isem tal-​verità, imma meta ħakem fuq Iżrael qalbu tkabbret.” Fi qbil mad-​deskrizzjoni mogħtija mis-​setta, ħafna studjużi jemmnu li l-​“Qassis mill-​Agħar” li kien qed jaħkem setaʼ kien Ġonatan jew inkella Xmun.

Xmun kompla bil-​kampanji militari biex ikabbar it-​territorju tiegħu. Madankollu, il-​ħakma tiegħu ntemmet zopptu. Dan ġara meta Ptolomew, li kien jiġi ħatnu, qatel lilu u lil tnejn minn uliedu subien waqt ikla kbira ħdejn Ġeriko. Dan l-​attentat taʼ Ptolomew biex jieħu l-​poter f’idejh falla. Ġwanni Irkanu, l-​uniku wieħed li baqaʼ ħaj minn ulied Xmun, sar jaf bl-​attentat fuq ħajtu. Hu qabad lil dawk li riedu joqtluh u ħa f’idejh it-​tmexxija u l-​istat taʼ qassis il-​kbir minflok missieru.

Iktar Espansjoni u Oppressjoni

Għall-​ewwel, Ġwanni Irkanu ffaċċja theddid serju mill-​qawwiet armati Sirjani. Imma mbagħad, fis-​sena 129 Q.E.K., id-​dinastija Selewċida tilfet battalja deċiżiva mal-​Partjani. Dwar l-​effett taʼ din il-​gwerra fuq is-​Selewċidi, l-​istudjuż Lhudi Menahem Stern kiteb: “Tistaʼ tgħid li l-​istruttura kollha kemm hi tas-​saltna ġġarrfet.” B’hekk, Irkanu “setaʼ jirkupra bis-​sħiħ l-​indipendenza politika tal-​Lhudija u beda jkabbar it-​territorji tiegħu f’ħafna direzzjonijiet.” U hekk għamel tabilħaqq.

Issa, li ma kellu l-​ebda theddida Sirjana tfixklu, Irkanu beda jinvadi t-​territorji lil hinn mil-​Lhudija u jġibhom taħt il-​kontroll tiegħu. L-​għażla taʼ l-​abitanti kienet li jew jikkonvertu għall-​Ġudaiżmu inkella l-​bliet tagħhom jiġu meqrudin għalkollox. Waħda minn dawn il-​kampanji kienet kontra l-​Idumin (l-Edumin). Dwar dan, Stern irrimarka: “Il-​konverżjoni taʼ l-​Idumin kienet l-​ewwel taʼ din ix-​xorta, peress li kienet taʼ razza sħiħa iktar milli taʼ ftit individwi.” Fost il-​postijiet li ntrebħu kien hemm is-​Samarija, fejn Irkanu qered għalkollox it-​tempju Samaritan li kien hemm fuq il-​Muntanja Geriżim. Biex jesprimi kemm kienet ironika din il-​politika tal-​konverżjoni inforzata mid-​dinastija taʼ l-​Asmonin, il-​kittieb taʼ l-​istorja Solomon Grayzel kiteb hekk: “Hawnhekk kellna neputi taʼ Mattatija [missier Ġuda l-​Makkabi] li kien qed imur kontra l-​istess prinċipju—il-​libertà reliġjuża—li l-​ġenerazzjoni taʼ qabel iddefendiet b’tant nobbiltà.”

Il-​Fariżej u s-​Sadduċej Jidħlu fix-​Xena

Kien meta beda jikteb dwar ir-​renju taʼ Irkanu li Ġużeppi Flavju għamel l-​ewwel referenza għall-​influwenza li l-​Fariżej u s-​Sadduċej kien qed ikollhom dejjem iżjed fuq in-​nies. (Ġużeppi Flavju kien semma lill-​Fariżej li kienu jgħixu fi żmien ir-​renju taʼ Ġonatan.) Hu ma jgħidilniex dwar l-​oriġini tagħhom. Xi studjużi jgħidu li dan il-​grupp ħareġ mill-​Ħasidin. Dawn kienu setta devota li appoġġat lil Ġuda l-​Makkabi fil-​miri reliġjużi tiegħu imma li telqitu meta l-​ambizzjonijiet tiegħu saru politiċi.

L-​isem Fariżej ġeneralment huwa marbut maʼ l-​għerq Ebrajk li jfisser “separati,” għalkemm xi wħud jgħidu li huwa relatat mal-​kelma “interpreti.” Il-​Fariżej kienu nies taʼ skola minn fost in-​nies komuni. Ma kinux ġejjin minn xi familja speċjali. Huma sseparaw lilhom infushom minn ċerimonji mniġġsa permezz taʼ filosofija taʼ devozzjoni speċjali, billi applikaw il-​liġijiet tat-​tempju rigward il-​qdusija saċerdotali għal sitwazzjonijiet ordinarji fil-​ħajja taʼ kuljum. Il-​Fariżej żviluppaw mod ġdid kif jinterpretaw l-​Iskrittura kif ukoll konċett li wara sar magħruf bħala l-​liġi orali. Matul ir-​renju taʼ Xmun huma kisbu iktar poter meta xi wħud minnhom inħatru bħala membri fil-​Ġerusija (il-kunsill taʼ l-​irġiel ixjeħ), li iktar tard sar magħruf bħala s-​Sinedriju.

Ġużeppi Flavju jirrakkonta li Ġwanni Irkanu għall-​ewwel kien student tal-​Fariżej u kien jappoġġahom. Madankollu, f’xi żmien, il-​Fariżej ċanfruh talli ma ċediex l-​inkarigu taʼ qassis il-​kbir. Dan wassal għal firda drammatika. Fuq projbizzjoni taʼ Irkanu, il-​Fariżej ma setgħux jagħmlu regolamenti reliġjużi. Iżjed minn hekk, hu kompla jikkastigahom billi qaleb għal mas-​Sadduċej, l-​opponenti reliġjużi tal-​Fariżej.

L-​isem Sadduċej x’aktarx li hu marbut mal-​Qassis il-​Kbir Sadok, li d-​dixxendenti tiegħu kienu żammew il-​kariga taʼ qassis sa minn żmien Salamun. Madankollu, mhux is-​Sadduċej kollha kienu minn din il-​linja. Skond Ġużeppi Flavju, is-​Sadduċej kienu n-​nobbli u s-​sinjuri tal-​pajjiż, u dawn ma kellhomx l-​appoġġ tal-​massa. Il-​Professur Schiffman jikkummenta: “Il-​biċċa l-​kbira minnhom . . . milli jidher kienu qassisin jew uħud li kienu żżewġu għand il-​familji tal-​qassisin il-​kbar.” B’hekk, huma kienu ilhom żmien twil imħalltin maʼ dawk fil-​poter. Għaldaqstant, il-​fatt li l-​irwol tal-​Fariżej kien qed isir dejjem iżjed importanti fil-​ħajja pubblika u l-​fatt li l-​idea tagħhom kienet li joffru l-​qdusija saċerdotali lil kulħadd kienu qed jitqiesu bħala theddida li setgħet ixxejjen l-​awtorità li s-​Sadduċej ħassew li kellhom bi dritt. Issa, fl-​aħħar snin tar-​renju taʼ Irkanu, is-​Sadduċej reġgħu ġew minn fuq.

Iktar Politika, Inqas Devozzjoni

Aristobulu, it-​tifel il-​kbir taʼ Irkanu, saltan għal sena waħda biss qabel ma miet. Hu kompla bil-​politika taʼ konverżjoni inforzata maʼ l-​Iturin u kiseb il-​kontroll tan-​naħa taʼ fuq tal-​Galilija. Imma d-​dinastija taʼ l-​Asmonin laħqet il-​quċċata tal-​qawwa tagħha matul ir-​renju taʼ ħuh, Alessandru Ġannew, li ħakem bejn is-​snin 103-76 Q.E.K.

Alessandru Ġannew ma kompliex bil-​politika taʼ dawk taʼ qablu u b’wiċċu minn quddiem iddikjara lilu nnifsu kemm bħala qassis il-​kbir u kemm bħala sultan. Il-​konflitti bejn l-​Asmonin u l-​Fariżej komplew jiħraxu, u saħansitra wasslu għal gwerra ċivili li fiha tilfu ħajjithom 50,000 Lhudi. Wara li trażżan l-​irvell, Ġannew dendel madwar 800 ribell maʼ l-​arbli, att li jfakkarna fis-​slaten pagani. Fl-​aħħar mumenti taʼ ħajjithom, dawn ir-​ribelli raw lin-​nisa tagħhom u lil uliedhom jinqatlu quddiem għajnejhom, mentri Ġannew qagħad jixxala quddiem kulħadd mal-​konkubini tiegħu.b

Minkejja l-​mibegħda li kellu lejn il-​Fariżej, Ġannew kien politikant realistiku. Billi ra li kull ma jmur il-​Fariżej kien qed jiżdidilhom l-​appoġġ tan-​nies, fuq is-​sodda tal-​mewt hu ordna lil martu, Salomi Alessandra, biex taħkem magħhom. Ġannew kien għażilha biex tkun is-​suċċessura tas-​saltna tiegħu qabel uliedu. Hi wriet bil-​provi li kienet kapaċi taħkem. Fil-​fatt, iż-​żmien li għamlet taħkem kien wieħed mill-​iktar perijodi paċifiċi matul il-​ħakma taʼ l-​Asmonin (76-67 Q.E.K.). Il-​Fariżej reġgħu ngħatawlhom il-​pożizzjonijiet t’awtorità li kellhom qabel, u l-​liġijiet li kienu kontra r-​regolamenti reliġjużi tagħhom tneħħew.

Mal-​mewt taʼ Salomi, uliedha Irkanu II, li kien qeda bħala qassis il-​kbir, u Aristobulu II bdew jikkompetu maʼ xulxin għall-​poter. It-​tnejn li huma kienu neqsin mid-​dehen politiku u militari taʼ missirijiethom. Barra minn hekk, milli jidher ħadd minnhom ma fehem x’kien ifisser eżatt il-​fatt li l-​preżenza Rumana f’dawk l-​inħawi kienet dejjem qed tiżdied, wara li s-​saltna Selewċida sfaxxat fix-​xejn. Fis-​sena 63 Q.E.K., waqt li l-​ħakkiem Ruman Pompej kien qiegħed Damasku, iż-​żewġ aħwa talbuh jgħinhom fil-​kwistjoni taʼ bejniethom. Dik is-​sena stess, Pompej u t-​truppi tiegħu daħlu f’Ġerusalemm u ħaduha taħt idejhom. Dan kien il-​bidu tat-​tmiem għas-​saltna taʼ l-​Asmonin. Fis-​sena 37 Q.E.K., Ġerusalemm ittieħdet mis-​Sultan Erodi l-​Kbir, is-​sultan taʼ l-​Idumija. Dan kellu l-​approvazzjoni tas-​Senat Ruman bħala “Sultan tal-​Lhudija” u “alleat u ħabib tal-​poplu Ruman.” Is-​saltna taʼ l-​Asmonin kienet intemmet.

Dak li Ħallew Warajhom l-​Asmonin

Il-​perijodu taʼ l-​Asmonin, minn Ġuda l-​Makkabi sa Aristobulu II, qiegħed il-​pedament għad-​diviżjoni reliġjuża li kienet teżisti meta Ġesù kien fuq l-​art. L-​Asmonin bdew b’ħeġġa kbira għall-​qima t’Alla, imma din il-​ħeġġa tħassret u saret egoiżmu abbużiv. Il-​qassisin tagħhom, li kellhom l-​opportunità li jgħaqqdu n-​nies flimkien biex jimxu fuq il-​Liġi t’Alla, ġabu lin-​nazzjon f’qagħda mwegħra mimlija frid u ġlied politiku. F’dan l-​ambjent, in-​nuqqas taʼ qbil fl-​opinjonijiet reliġjużi kompla ħa spinta ’l quddiem. L-​Asmonin kienu spiċċaw, imma t-​taqbida għall-​poter reliġjuż bejn is-​Sadduċej, il-​Fariżej, u oħrajn kienet se tkun il-​karatteristika tan-​nazzjon li issa kien taħt Erodi u Ruma.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Min Kienu l-​Makkabin?” f’It-Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru, 1998.

b Ir-​Romblu tal-​Baħar il-​Mejjet “Kummentarju fuq Naħum” isemmi lill-​“Iljun tar-​Rabja” li “għallaq irġiel ħajjin.” Dan setaʼ kien qed jirreferi għall-​inċident li għadna kif semmejna.

[Tabella f’paġna 30]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Id-​Dinastija taʼ l-​Asmonin

Ġuda l-​Makkabi Ġonatan il-​Makkabi Xmun il-​Makkabi

↓

Ġwanni Irkanu

↓ ↓

Salomi Alessandra — iżżewġet — Alessandru Ġannew Aristobulu

↓ ↓

Irkanu II Aristobulu II

[Stampa f’paġna 27]

Ġuda l-​Makkabi ħadem għall-​indipendenza Lhudija

[Sors]

The Doré Bible Illustrations/Dover Publications, Inc.

[Stampa f’paġna 29]

L-​Asmonin iġġieldu biex jifirxu l-​qawwa tagħhom fuq il-​bliet li ma kinux Lhud

[Sors]

The Doré Bible Illustrations/Dover Publications, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja