Għarfien Eżatt dwar Alla Jagħtina l-Faraġ
GĦAL xi wħud, dak li tgħid il-Bibbja dwar l-imħabba u l-ħniena t’Alla jqajmilhom ċerti dubji. Huma jistaqsu: Jekk Alla jixtieq jeqred il-ħażen, jaf kif jeqirdu, u għandu l-qawwa biex jagħmel dan, il-ħażen għala jibqaʼ jinfirex? Huma jsibuha diffiċli jaċċettaw tliet punti li għalihom jidhru li ma jaqblux: (1) Alla jistaʼ kollox; (2) Alla hu twajjeb u jħobb; u (3) ġrajjiet diżastrużi jkomplu jseħħu. Huma jirraġunaw li peress li dan l-aħħar punt ħadd ma jistaʼ jiċħdu, allura minn taʼ l-inqas wieħed miż-żewġ punti l-oħra ma jistax ikun li hu veru. Huma jħossu li jew Alla m’hux kapaċi jwaqqaf il-ħażen jew ma jimpurtahx minn dak li qed jiġri.
Ftit jiem wara l-qerda tal-World Trade Center fi New York, mexxej reliġjuż prominenti fl-Istati Uniti qal: “Ġejt mistoqsi . . . mijiet taʼ drabi f’ħajti għala Alla jippermetti t-traġedji u s-sofferenzi. Irrid nistqarr li verament ma nafx it-tweġiba sħiħa, lanqas għas-sodisfazzjon persunali tiegħi.”
Dwar dan il-kumment, professur tat-teoloġija kiteb li hu kien impressjonat bit-“teoloġija tajba” li ppriedka dan il-mexxej reliġjuż. Hu qabel ukoll mal-ħarsa taʼ wieħed studjuż li kiteb: “Is-sofferenza hija impossibbli li tifhimha daqskemm huwa impossibbli li tifhem lil Alla.” Imma huwa tassew impossibbli li tifhem għala Alla ppermetta l-ħażen?
L-Oriġini tal-Ħażen
Kuntrarju għal dak li forsi jgħidu l-mexxejja reliġjużi, il-Bibbja turi li m’huwiex impossibbli biex nifhmu għala Alla ppermetta l-ħażen. Punt fundamentali biex nifhmu l-kwistjoni tal-ħażen huwa li nirrikonoxxu li Jehovah ma ħalaqx dinja ħażina. Hu ħalaq l-ewwel koppja perfetta, mingħajr dnub. Jehovah ħares lejn il-ħolqien tiegħu u sab li kien “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:26, 31) Kien l-iskop tiegħu li Adam u Eva jifirxu l-Ġnien taʼ l-Għeden maʼ l-art kollha u jimlewha b’nies henjin fil-protezzjoni tas-sovranità tiegħu kollha mħabba.—Isaija 45:18.
Il-ħażen beda permezz taʼ individwu spirtu li, għalkemm fil-bidu kien leali lejn Alla, żviluppa xewqa li jiġi meqjum. (Ġakbu 1:14, 15) Ir-ribelljoni tiegħu ntweriet fuq l-art meta hu influwenza lill-ewwel koppja umana biex tingħaqad miegħu ħalli jiħduha kontra Alla. Minflok ma obdew l-istruzzjoni ċara t’Alla biex la jieklu u lanqas imissu l-frott tas-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, Adam u Eva ħadu minnu u kiluh. (Ġenesi 3:1-6) Meta għamlu dan, mhux biss m’obdewx lil Alla imma wrew ukoll li xtaqu jkunu indipendenti minnu.
Tqajmet Kwistjoni Morali
Din ir-ribelljoni fl-Għeden qajmet kwistjoni morali, sfida taʼ importanza universali. Ir-ribelli umani ddubitaw jekk Jehovah jeżerċitax il-ħakma fuq il-ħlejjaq tiegħu b’mod xieraq. Kellu dritt il-Ħallieq li jirrikjedi ubbidjenza assoluta mill-bnedmin? Kien se jaħbtilhom aħjar jekk in-nies jaġixxu b’mod indipendenti?
Jehovah ittratta din l-isfida fuq il-ħakma tiegħu b’mod li wera l-bilanċ perfett taʼ l-imħabba, il-ġustizzja, l-għerf, u l-qawwa li għandu. Hu setaʼ uża l-qawwa tiegħu biex jeqred ir-ribelljoni mill-ewwel. Dan setaʼ deher li kien ġust, ladarba hu kellu d-dritt li jagħmel dan. Imma b’dan il-mod ma kinux jitwieġbu l-mistoqsijiet morali li tqajmu. Mill-banda l-oħra, Alla setaʼ sempliċement għalaq għajnejh għad-dnub. Illum, għal xi wħud, din tistaʼ tidher għażla taʼ mħabba. Madankollu, din ukoll ma kinitx se tagħti tweġiba għal dak li sostna Satana li l-bnedmin se jkunu aħjar jekk imexxu lilhom infushom. Barra minn hekk, ma kinitx din l-azzjoni se tinkuraġġixxi jerġaʼ lil oħrajn biex jitbiegħdu mit-triq taʼ Jehovah? Dan kien se jġib sofferenzi bla tmiem.
Fl-għerf tiegħu, Jehovah ippermetta lill-bnedmin biex għal perijodu taʼ żmien imorru għal riħhom. Dan kien ifisser li jippermetti l-ħażen għal xi żmien. B’hekk il-bnedmin kellhom l-opportunità juru jekk kinux kapaċi jaħkmu lilhom infushom b’suċċess filwaqt li jkunu indipendenti minn Alla, billi jgħixu skond il-livelli tagħhom stess taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. X’kien ir-riżultat? Bla waqfien, l-istorja umana kienet karatterizzata minn gwerer, inġustizzji, oppressjoni, u sofferenzi. Il-falliment aħħari tar-ribelljoni kontra Jehovah se jsolvi darba għal dejjem il-kwistjonijiet li tqajmu fl-Għeden.
Sadattant, Alla wera mħabbtu billi pprovda lil Ibnu, Ġesù Kristu, li ta l-ħajja umana tiegħu bħala sagrifiċċju taʼ fidwa. Dan jgħin lill-bnedmin ubbidjenti biex jinħelsu mill-kundanna tad-dnub u l-mewt li ġiet mid-diżubbidjenza taʼ Adam. Il-fidwa fetħet it-triq għall-ħajja taʼ dejjem għal dawk kollha li jeżerċitaw fidi f’Ġesù.—Ġwann 3:16.
Għandna l-assiguranza taʼ faraġ mingħand Jehovah li s-sofferenzi tal-bnedmin huma temporanji. “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar,” kiteb is-salmista. “Għad tħares fejn kien u ma ssibux. Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:10, 11.
Futur Mimli Sigurtà u Hena
It-twettiq tal-profeziji tal-Bibbja juri li wasal iż-żmien biex Alla jtemm il-mard, in-niket, u l-mewt. Innota x’dehra taʼ l-għaġeb bil-quddiem ngħatat lill-appostlu Ġwanni f’viżjoni taʼ l-affarijiet li għad iridu jiġru. Hu kiteb: “Rajt sema ġdid u art ġdida, għax is-sema taʼ qabel u l-art taʼ qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar. . . . Alla nnifsu jkun magħhom [mal-bnedmin], Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” Fi stqarrija li tenfasizza ċ-ċertezza taʼ dawn il-wegħdi, lil Ġwanni ntqallu: “Ikteb, għax dawn il-kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom.”—Apokalissi 21:1-5.
Xi ngħidu dwar il-biljuni taʼ nies innoċenti li mietu mir-ribelljoni taʼ l-Għeden ’l hawn? Jehovah wiegħed li se jġib lura għall-ħajja lil dawk li bħalissa reqdin fil-mewt. L-appostlu Pawlu qal: “Nittama f’Alla . . . li kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.” (Atti 24:15) Dawn se jkollhom il-prospett li jgħixu f’dinja fejn se “tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.
Sewwa sew bħalma missier taʼ mħabba jħalli lil ibnu jgħaddi minn operazzjoni taʼ tbatija ladarba jaf li din se ġġiblu benefiċċji dejjiema, hekk ukoll Jehovah ippermetta li l-bnedmin jesperjenzaw l-eżistenza temporanja tal-ħażen fuq l-art. Madankollu, hemm eternità taʼ barkiet tistenna lil dawk kollha li jfittxu li jagħmlu r-rieda t’Alla. Pawlu spjega: “Il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa—mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha—bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:20, 21.
Din hi verament aħbar—mhux bħalma naraw fuq it-televixin jew naqraw fil-gazzetti, imma aħbar tajba. Hija l-aqwa aħbar mingħand “Alla taʼ kull faraġ,” li tassew jimpurtah minna.—2 Korintin 1:3.
[Stampi f’paġna 6]
Iż-żmien wera li l-bnedmin ma jistgħux jaħkmu lilhom infushom b’suċċess filwaqt li jkunu indipendenti minn Alla
[Sorsi]
Familja mis-Somalja: UN PHOTO 159849/M. GRANT; bomba atomika: USAF photo; kamp tal-konċentrament: U.S. National Archives photo