Jehovah X’Jistenna Minna?
“X’qiegħed jitlob lura minnek Jehovah ħlief li teżerċita l-ġustizzja u li tħobb il-qalb tajba u li tkun modest f’li timxi m’Alla tiegħek?”—MIKEA 6:8, NW.
1, 2. Xi wħud mill-qaddejja taʼ Jehovah għala jistgħu jiskuraġġixxu ruħhom, imma x’għandu jkun ferm t’għajnuna?
VERA hija mara Kristjana leali taʼ madwar 75 sena, li s-saħħa tagħha ma tantx hi tajba. Hi tgħid: “Kultant, inħares mit-tieqa tiegħi u nara lil ħuti Kristjani jippridkaw minn dar għal dar. Jaqbiżli d-dmugħ għax nixtieq inkun magħhom, imma l-mard li għandi ma jħallinix nagħmel kemm nixtieq fis-servizz taʼ Jehovah.”
2 Qatt ħassejtek hekk? M’għandniex xi ngħidu, kulmin iħobb lil Jehovah jixtieq li jimxi f’ismu u jwettaq dak kollu li hu jeħtieġ minna. Imma xi ngħidu jekk saħħitna bdiet tmajna, qegħdin nixjieħu, jew għandna r-responsabbiltajiet tal-familja? Forsi nħossuna xi ftit skuraġġiti minħabba li dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jtellfuna milli nagħmlu dak kollu li tixtieq qalbna fis-servizz t’Alla. Jekk din hi s-sitwazzjoni tagħna, żgur li se nsibuh taʼ inkuraġġiment li nikkunsidraw Mikea kapitli 6 u 7. Dawn il-kapitli juru li l-ħtiġijiet taʼ Jehovah minbarra li huma raġunevoli jistgħu jintlaħqu wkoll.
Kif Alla Jittratta lin-Nies Tiegħu
3. Jehovah kif jittrattahom lill-Iżraelin ribellużi?
3 Ejja l-ewwelnett nagħtu ħarsa lejn Mikea 6:3-5 u ninnotaw il-mod kif Jehovah jittratta man-nies tiegħu. Ftakar li fi żmien Mikea l-Iżraelin huma ribellużi. Xorta waħda, Jehovah jindirizzahom bil-mogħdrija bil-kliem “poplu tiegħi.” Hu jitlobhom: “Ftakar, iva, poplu tiegħi.” Minflok ma jakkużahom bl-aħrax, hu jipprova jilħqilhom qalbhom billi jistaqsihom, “X’għamiltlek jiena?” Hu saħansitra jħeġġiġhom biex ‘iwiġbuh’ jew bħallikieku ‘jagħtu xiehda kontrih’ (NW).
4. L-eżempju taʼ kif Alla juri l-mogħdrija għandu jkollu liema effett fuqna?
4 X’eżempju jagħti Jehovah lilna lkoll! Hu b’mogħdrija jsejjaħ saħansitra lin-nies taʼ Iżrael u Ġuda taʼ żmien Mikea l-“poplu tiegħi” u meta jkellimhom juża l-kliem “jekk jogħġbok” (NW). Mela, żgur li aħna għandna nuru l-mogħdrija u nkunu qalbna tajba fil-mod kif nittrattaw lil dawk li huma parti mill-kongregazzjoni. Veru, xi wħud ma tantx hu faċli li tingwalaha magħhom, jew forsi huma dgħajfin spiritwalment. Iżda, jekk iħobbu lil Jehovah, aħna rridu ngħinuhom u nagħdruhom.
5. Liema punt bażiku jidher f’Mikea 6:6, 7?
5 Issa ejja naraw Mikea 6:6, 7. Mikea jistaqsi serje taʼ mistoqsijiet u jgħid: “Biex se nersaq quddiem il-Mulej, u nitbaxxa quddiem Alla l-Għoli? Se nersaq quddiemu b’sagrifiċċji tal-ħruq u b’għoġiela taʼ sena? Il-Mulej se jogħġbuh l-eluf taʼ mtaten, u l-għaxriet taʼ eluf taʼ widien taʼ żejt? Se noffrilu ’l ibni l-kbir b’sagrifiċċju għad-dnub tiegħi? Se nagħtih l-ewwel wild tiegħi, il-frott taʼ ħdani għal ħtijieti?” Le, m’huwiex possibbli li togħġob lil Jehovah bl-“eluf taʼ mtaten, u l-għaxriet taʼ eluf taʼ widien taʼ żejt.” Imma hemm xi ħaġa li se togħġbu. Din x’inhi?
Neżerċitaw il-Ġustizzja
6. Liema tliet ħtiġijiet divini huma mniżżlin f’Mikea 6:8?
6 F’Mikea 6:8 (NW), naraw dak li Jehovah jistenna minna. Mikea jistaqsi: “X’qiegħed jitlob lura minnek Jehovah ħlief li teżerċita l-ġustizzja u li tħobb il-qalb tajba u li tkun modest f’li timxi m’Alla tiegħek?” Dawn it-tliet ħtiġijiet jinvolvu l-mod kif inħossuna, kif naħsbu, u kif naġixxu. Irridu nħossuna dejjem lesti li nuru dawn il-kwalitajiet, naħsbu dwar kif se nuruhom, u nieħdu azzjoni biex nuruhom. Ejja nikkunsidraw dawn it-tliet ħtiġijiet waħda waħda.
7, 8. (a) Xi jfisser “li teżerċita l-ġustizzja”? (b) Liema inġustizzji kienu komuni ħafna fi żmien Mikea?
7 “Li teżerċita l-ġustizzja” jfisser li tagħmel dak li hu sewwa. Il-mod kif Jehovah jagħmel l-affarijiet huwa l-livell tal-ġustizzja. Madankollu, in-nies li kienu jgħixu fi żmien Mikea ma kinux juru l-ġustizzja, imma l-inġustizzja. B’liema modi? Ejja naraw Mikea 6:10. Fl-aħħar taʼ dan il-vers, in-negozjanti huma deskritti bħala li qegħdin jużaw “efa mnaqqsa,” jiġifieri, kejl inqas milli suppost. Vers 11 iżid li dawn qed jużaw “bċejjeċ foloz taʼ l-użin.” U skond il-vers 12, “ilsienhom qerq ġo fommhom.” B’hekk, il-kejl falz, l-użin falz, u d-diskors falz kienu affarijiet komuni ħafna fid-dinja kummerċjali taʼ żmien Mikea.
8 Prattiċi inġusti ma ssibhomx biss fis-suq. Huma komuni wkoll fil-qrati. Mikea 7:3 jindika li “l-prinċep u l-imħallef jittallbu rigali.” It-tixħim jingħata lill-imħallfin biex dawn jaqtgħu sentenzi inġusti kontra nies innoċenti. L-istess vers iżid li “l-kbir,” jew iċ-ċittadin influwenti, jingħaqad fl-atti kriminali. Fil-fatt, Mikea jgħid li l-prinċep, l-imħallef, u min hu kbir ‘iħawdu’ bejniethom, jew jikkoordinaw, l-għemejjel mill-agħar tagħhom.
9. Ġuda u Iżrael kif inhuma effettwati mill-inġustizzji li bdew jagħmlu n-nies mill-agħar?
9 L-inġustizzji li bdew jagħmlu l-mexxejja l-ħżiena jeffettwaw lil Iżrael u lil Ġuda kollha. Mikea 7:5 jinnota li n-nuqqas taʼ ġustizzja wassal biex ikun hemm nuqqas taʼ fiduċja bejn il-ġirien, il-ħbieb tal-qalb, u saħansitra l-imseħbin fiż-żwieġ. Il-vers 6 jgħid li dan wassal għal sitwazzjoni li fiha qraba intimi bħal ulied subien u missirijiethom, ulied bniet u ommijiethom, saru jobogħdu lil xulxin.
10. Illum li hawn tant inġustizzji, il-Kristjani kif qed iġibu ruħhom?
10 Xi ngħidu għalina llum? Ma narawx aħna kundizzjonijiet simili? Bħal Mikea, aħna mdawrin b’nuqqas taʼ ġustizzja, atmosfera fejn ħadd ma jafda ’l ħadd, u kollass fil-ħajja tal-familja u dik soċjali. Madankollu, bħala l-qaddejja t’Alla li qed ngħixu f’nofs din id-dinja mimlija ħażen, ma rridux inħallu l-ispirtu tal-mod inġust li bih qed taġixxi d-dinja jidħol fil-kongregazzjoni Kristjana. Anzi, aħna nistinkaw biex inżommu l-prinċipji taʼ l-onestà u l-integrità, billi nuruhom f’kull aspett tal-ħajja tagħna taʼ kuljum. Tabilħaqq, aħna “nġibu ruħna sewwa f’kollox.” (Lhud 13:18) Ma taqbilx int li meta nagħmlu dak li hu ġust ingawdu l-barkiet kbar li jiġu minn fratellanza li turi fiduċja vera?
In-Nies Kif Jisimgħu “Leħen il-Mulej”?
11. Mikea 7:12 kif qed jitwettaq?
11 Mikea jipprofetizza li, minkejja l-kundizzjonijiet inġusti li jeżistu, il-ġustizzja se tilħaq lil kull xorta taʼ nies. Il-profeta jbassar li n-nies se jinġabru “minn baħar sa ieħor u minn muntanja sa oħra” biex isiru aduraturi taʼ Jehovah. (Mikea 7:12) Illum, fit-twettiq finali taʼ din il-profezija, m’huwiex xi ġens wieħed partikulari, imma individwi minn kull ġens li qegħdin jibbenefikaw mill-ġustizzja imparzjali t’Alla. (Isaija 42:1) Dan kif qed iseħħ?
12. “Leħen il-Mulej” kif qed jinstemaʼ llum?
12 Għat-tweġiba, ejja nikkunsidraw il-kliem li Mikea kien qal iktar kmieni. Mikea 6:9 jistqarr: “Leħen il-Mulej isejjaħ il-belt, jiswa li wieħed jibżaʼ minn ismek!” In-nies mill-ġnus kollha kif jisimgħu “leħen il-Mulej,” u dan x’għandu x’jaqsam maʼ li aħna nagħmlu dak li hu ġust? Sewwa, in-nies illum ma jisimgħux leħen Alla letteralment. Madankollu, permezz tax-xogħol taʼ l-ippridkar tagħna mad-dinja kollha, leħen Jehovah qiegħed jinstemaʼ minn individwi taʼ kull razza u qasam tal-ħajja. B’hekk, kulmin jismaʼ se ‘jibżaʼ minn isem Alla,’ u jibda jkollu rispett kbir lejh. Meta aħna naqdu bħala proklamaturi żelużi tas-Saltna nkunu qegħdin nimxu bl-imħabba u bil-ġustizzja. Meta nagħmlu l-isem t’Alla magħruf maʼ kulħadd mingħajr parzjalità, aħna nkunu qed ‘neżerċitaw il-ġustizzja.’
Irridu Nħobbu l-Qalb Tajba
13. X’inhi d-differenza bejn il-qalb tajba bl-imħabba u l-imħabba?
13 Issa jmiss li niddiskutu t-tieni ħtieġa msemmija f’Mikea 6:8 (NW). Jehovah jistenna li aħna ‘nħobbu l-qalb tajba.’ Il-kelma Ebrajka tradotta “qalb tajba” tiġi tradotta wkoll “qalb tajba bl-imħabba” jew “imħabba leali.” L-espressjoni “qalb tajba bl-imħabba” hi li wieħed juri bil-fatti li jimpurtah minn oħrajn, juri tħassib bil-mogħdrija għalihom. Il-qalb tajba bl-imħabba hija differenti mill-kwalità taʼ l-imħabba. B’liema mod? Il-kelma “mħabba” tinkludi ħafna iktar, u din tistaʼ tiġi applikata anki għal oġġetti u konċetti. Per eżempju, l-Iskrittura titkellem dwar “min iħobb l-inbid u ikel bnin” u wkoll dwar “min iħobb l-għerf.” (Proverbji 21:17; 29:3) Mill-banda l-oħra, il-qalb tajba bl-imħabba dejjem tinvolvi lin-nies, speċjalment lil dawk li jaqdu ’l Alla. Mikea 7:20 (NW) għalhekk qed jitkellem dwar il-“qalb tajba bl-imħabba” li ntweriet m’Abraham—bniedem li qeda lil Alla Jehovah.
14, 15. Il-qalb tajba bl-imħabba kif tintwera, u liema evidenza taʼ dan tissemma fil-paragrafi?
14 F’Mikea 7:18 (NW), il-profeta jgħid li Alla “jitgħaxxaq bil-qalb tajba bl-imħabba.” F’Mikea 6:8 (NW), jintqalilna biex mhux sempliċement nuru qalb tajba imma biex inħobbu dik il-kwalità. X’nitgħallmu minn dawn l-Iskritturi? Nitgħallmu li l-qalb tajba bl-imħabba nuruha minn rajna u f’kollox għaliex aħna rridu nuruha. Bħal Jehovah, nieħdu pjaċir, jew hija l-għaxqa tagħna, li nuru qalb tajba bl-imħabba lejn kulmin hu fil-bżonn.
15 Illum, qalb tajba bl-imħabba bħal din hija l-marka li tidentifika lill-poplu t’Alla. Ikkunsidra sempliċement eżempju wieħed. F’Ġunju tas-sena 2001, tempesta tropikali kkaġunat għargħar kbir f’Texas, l-Istati Uniti, tant li saret ħsara lil eluf taʼ djar, inkluż mijiet taʼ djar taʼ Xhieda taʼ Jehovah. Biex jgħinu lil ħuthom il-Kristjani fil-bżonn, maʼ l-10,000 Xhud offrew il-ħin u l-enerġija tagħhom minn rajhom u b’idejhom miftuħa. Għal iktar minn sitt xhur, dawn il-volontieri ħadmu bla waqfien, lejl u nhar, bis-Sibt u l-Ħadd b’kollox, biex jibnu mill-ġdid 8 Swali tas-Saltna u iktar minn 700 dar għal ħuthom il-Kristjani. Dawk li ma setgħux jagħmlu dan ix-xogħol taw ikel, provvisti, u flus. Dawn l-eluf taʼ Xhieda kollha għala ġew biex jgħinu lil ħuthom? Għax ‘iħobbu l-qalb tajba.’ U kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li opri taʼ qalb tajba bl-imħabba bħal dawn isiru minn ħutna mad-dinja kollha! Iva, hija xi ħaġa taʼ ferħ, u mhux taʼ piż, li wieħed ‘iħobb il-qalb tajba’!
Kun Modest fil-Mod Kif Timxi m’Alla Tiegħek
16. Liema eżempju jgħin biex jenfasizza l-bżonn li aħna nimxu m’Alla?
16 It-tielet ħtieġa li nsibu f’Mikea 6:8 (NW) hi “li tkun modest f’li timxi m’Alla tiegħek.” Dan ifisser li nagħrfu l-limitazzjonijiet tagħna u niddependu minn Alla. Biex nagħtu eżempju: Immaġina għal mument tifla żgħira tiggranfa maʼ id missierha waqt li t-tnejn mexjin fil-maltemp. It-tifla taf tajjeb li s-saħħa li għandha hija limitata, imma hi għandha fiduċja f’missierha. Aħna wkoll irridu nkunu nafu l-limitazzjonijiet tagħna imma fl-istess ħin irridu nuru fiduċja f’Missierna tas-sema. Din il-fiduċja kif nistgħu nżommuha sħiħa? L-ewwelnett, billi nżommu f’moħħna għala hu għaqli li nibqgħu qrib Jehovah. Mikea jfakkarna fi tliet raġunijiet: Jehovah hu l-Ħellies, il-Gwida, u l-Protettur tagħna.
17. Jehovah kif ħeles, iggwida, u pproteġa lill-poplu tiegħu taʼ żmien il-qedem?
17 Skond Mikea 6:4, 5, Alla jgħid: “Jien tellajtek mill-art taʼ l-Eġittu.” Iva, Jehovah kien il-Ħellies taʼ Iżrael. Jehovah jgħid ukoll: “Jien bgħatt quddiemek ’il Mosè, lil Aron u ’l Mirjam.” Mosè u Aron kienu mdorrijin jiggwidaw lill-ġens, u Mirjam iggwidat lin-nisa taʼ Iżrael f’żifna tar-rebħa. (Eżodu 7:1, 2; 15:1, 19-21; Dewteronomju 34:10) Jehovah ipprovda gwida permezz tal-qaddejja tiegħu. Fil-vers 5, Jehovah ifakkar lill-ġens taʼ Iżrael li hu pproteġiehom kontra Balak u Balgħam, u li tahom protezzjoni matul l-aħħar fażi tal-vjaġġ tagħhom minn Sittim fl-art taʼ Mowab sa Gilgal ġewwa l-Art Imwiegħda.
18. Alla kif jaġixxi bħala l-Ħellies, il-Gwida, u lProtettur tagħna llum?
18 Hekk kif aħna nimxu m’Alla, hu jeħlisna mid-dinja taʼ Satana, jiggwidana permezz tal-Kelma u taʼ l-organizzazzjoni Tiegħu, u bħala grupp jipproteġina mill-attakki taʼ l-avversarji tagħna. B’hekk, aħna għandna raġuni biżżejjed għalxiex naqbdu sew maʼ id Missierna tas-sema hekk kif nimxu miegħu matul l-aħħar fażi tempestuża tal-vjaġġ tagħna lejn xi ħaġa ferm aqwa mill-Art Imwiegħda tal-qedem—id-dinja l-ġdida u ġusta t’Alla.
19. Il-modestja kif inhi relatata mal-limitazzjonijiet tagħna?
19 Il-fatt li nkunu modesti waqt li nimxu m’Alla se jgħinna wkoll biex ikollna ħarsa realistika taċ-ċirkustanzi tagħna. Dan hu minħabba li l-modestja tinkludi li nkunu konxji tal-limitazzjonijiet tagħna. L-età avanzata jew in-nuqqas taʼ saħħa forsi jistgħu jillimitawna f’dak li nistgħu nagħmlu fis-servizz taʼ Jehovah. Madankollu, minflok ma nħallu dan jaqtgħalna qalbna tajjeb li niftakru li Alla jaċċetta l-isforzi u s-sagrifiċċji tagħna ‘skond ma għandna, u mhux skond li ma għandniex.’ (2 Korintin 8:12) Tabilħaqq, Jehovah jistenna minna li naqduh b’ruħna kollha, skond ma jippermettulna ċ-ċirkustanzi. (Kolossin 3:23) Meta nagħmlu kulma nistgħu fis-servizz tiegħu biż-żelu u bis-serjetà, Alla jberikna bil-kbir.—Proverbji 10:22.
Attitudni taʼ Stennija Ġġib Barkiet
20. Li nkunu konxji taʼ liema fatt se jgħinna nuru attitudni taʼ stennija bħal dik taʼ Mikea?
20 Meta nesperjenzaw il-barka taʼ Jehovah inħossuna mqanqlin biex nimitaw l-attitudni taʼ Mikea. Hu jiddikjara: “Nistenna ’l Alla tas-salvazzjoni tiegħi.” (Mikea 7:7) Dan il-kliem kif inhu relatat maʼ li aħna nimxu m’Alla bil-modestja? Il-fatt li jkollna attitudni taʼ stennija, jew sabar, jgħinna nevitaw li nħossuna diżappuntati li l-jum taʼ Jehovah għadu ma wasalx. (Proverbji 13:12) Ngħiduha kif inhi, ilkoll kemm aħna mxennqin għat-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar. Madankollu, kull ġimgħa hemm eluf taʼ nies li qed jibdew jimxu m’Alla. Il-fatt li nkunu nafu dan jagħtina raġuni għalxiex nuru attitudni taʼ stennija. F’konnessjoni maʼ dan, wieħed Xhud li ilu jaqdi għal bosta snin qal: “Meta nħares lura lejn il-55 sena li qattajt fix-xogħol taʼ l-ippridkar, jien konvint li ma tlift xejn minħabba li qgħadt nistenna lil Jehovah. Anzi, ġejt skansat minn ħafna wġigħ taʼ qalb.” Hekk tħossok int?
21, 22. Mikea 7:14 kif qed jitwettaq fi żmienna?
21 Bla ebda dubju, il-fatt li nimxu maʼ Jehovah ikun taʼ benefiċċju għalina. Hekk kif naqraw Mikea 7:14, naraw li hu qed iqabbel lill-poplu t’Alla maʼ nagħaġ li qed jgħammru fis-sigurtà mar-ragħaj tagħhom. Illum, fit-twettiq akbar taʼ din il-profezija, il-fdal taʼ Iżrael spiritwali u magħhom in-“nagħaġ oħra” jsibu s-sigurtà maʼ Jehovah, ir-Ragħaj tagħhom li tant hu taʼ min jafdah. Huma jgħammru bħala merħla “maqtugħa għaliha ġol-foresta, fil-qalba taʼ ġnejna sabiħa,” mifrudin spiritwalment minn din id-dinja li fiha l-inkwiet u l-perikli qegħdin dejjem jiżdiedu.—Ġwanni 10:16; Dewteronomju 33:28; Ġeremija 49:31; Galatin 6:16.
22 In-nies t’Alla jgawdu l-prosperità, bħalma bassar ukoll Mikea 7:14. B’referenza għannagħaġ, jew in-nies, t’Alla, Mikea jistqarr: ‘Jalla jirgħu f’Basan u f’Gilgħad.’ Sewwasew bħalma n-nagħaġ f’Basan u f’Gilgħad kienu jirgħu f’mergħat kollhom ħdura u bdew imorru ’l quddiem, hekk in-nies t’Alla llum igawdu prosperità spiritwali—jerġaʼ barka oħra għal dawk li jimxu m’Alla bil-modestja.—Numri 32:1; Dewteronomju 32:14.
23. Liema lezzjoni nistgħu nisiltu meta nikkunsidraw Mikea 7:18, 19?
23 F’Mikea 7:18, 19, il-profeta jenfasizza x-xewqa taʼ Jehovah li jaħfer lil dawk li jindmu. Il-vers 18 jistqarr li Jehovah qed “jaħfer id-dnub” u “jneħħi l-ħażen.” U skond vers 19, hu se “jarmi ħtijietna kollha f’qiegħ il-baħar.” Liema lezzjoni nistgħu nisiltu minn dan? Nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex nimitaw lil Jehovah f’dan ir-rigward. Naħfruhom aħna l-iżbalji li oħrajn jagħmlu kontrina? Meta dawn jindmu u jipprovaw jirmedjaw, żgur li se nkunu rridu nimitaw lil Jehovah u nuru li aħna lesti li naħfru għalkollox u b’mod permanenti bħalma jagħmel hu.
24. Int kif ibbenefikajt mill-profezija taʼ Mikea?
24 Kif ibbenefikajna billi kkunsidrajna lprofezija taʼ Mikea? Ġejna mfakkrin li Jehovah jipprovdi tama vera għal dawk li jinġibdu lejh. (Mikea 2:1-13) Ġejna inkuraġġiti nagħmlu kulma nistgħu biex nippromwovu l-qima vera sabiex inkunu nistgħu nimxu f’isem Alla għal dejjem. (Mikea 4:1-4) U ġejna aċċertati li, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, ilkoll kemm aħna nistgħu nwettqu dak li Jehovah jeħtieġ minna. Iva, il-profezija taʼ Mikea tassew tqawwina biex nimxu f’isem Jehovah.
Int Kif Twieġeb?
• Skond Mikea 6:8 (NW), Jehovah x’jeħtieġ minna?
• X’hemm bżonn li nagħmlu jekk irridu ‘neżerċitaw il-ġustizzja’?
• Kif nistgħu nuru li ‘nħobbu l-qalb tajba’?
• X’hemm involut f’li ‘nkunu modesti f’li nimxu m’Alla’?
[Stampi f’paġna 21]
Minkejja l-kundizzjonijiet ħżiena li kienu jeżistu fi żmienu, Mikea għex fi qbil mal-ħtiġijiet taʼ Jehovah. Anki int tistaʼ tagħmel dan
[Stampa f’paġna 23]
Eżerċita l-ġustizzja billi tagħti xiehda lil nies minn kull qasam tal-ħajja
[Stampi f’paġna 23]
Uri li tħobb il-qalb tajba billi tara x’għandu bżonn ħaddieħor
[Stampa f’paġna 23]
Agħmel kulma tistaʼ filwaqt li bil-modestja tagħraf il-limitazzjonijiet tiegħek