Afda f’Jehovah Għalkollox fi Żmien l-Inkwiet
“Kenn u qawwa hu Alla għalina, għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.”—SALM 46:2 (46:1, NW).
1, 2. (a) Liema eżempju juri li m’huwiex biżżejjed li nistqarru li nafdaw f’Alla? (b) Għala m’huwiex biżżejjed li sempliċement ngħidu li nafdaw f’Jehovah?
MHUX biżżejjed li nistqarru li nafdaw f’Alla. Irridu wkoll nuru dan bl-għemejjel tagħna. Per eżempju, il-frażi “In God We Trust” (F’Alla Nafdaw) ilha żmien tidher fuq il-karti u l-muniti tal-flus taʼ l-Istati Uniti.a Fl-1956, il-Kungress taʼ l-Istati Uniti għadda liġi li ddikjarat din l-espressjoni bħala l-motto nazzjonali taʼ l-Istati Uniti. Ironikament, ħafna nies—mhux biss fl-Istati Uniti imma mad-dinja kollha—jafdaw iktar fil-flus u fil-ġid materjali milli f’Alla.—Luqa 12:16-21.
2 Bħala Kristjani veri, aħna ma rridux sempliċement ngħidu biss li nafdaw f’Jehovah. Sewwasew bħalma ‘fidi mingħajr għemil hija mejta,’ hekk ukoll kwalunkwe stqarrija li aħna nafdaw f’Alla ma tiswa xejn jekk ma nuruhiex bl-għemejjel tagħna. (Ġakbu 2:26) Fl-artiklu taʼ qabel dan, tgħallimna li l-fiduċja tagħna f’Jehovah nuruha meta aħna nersqu lejh bit-talb, meta nfittxu l-gwida tal-Kelma tiegħu, u meta nfittxu l-gwida taʼ l-organizzazzjoni tiegħu. Ejja issa nikkunsidraw kif nistgħu nieħdu dawk it-tliet passi fi żmien l-inkwiet.
Meta Tisfa bla Xogħol jew il-Paga Tkun Miżera
3. Liema pressjonijiet ekonomiċi jiffaċċjaw il-qaddejja taʼ Jehovah f’dan iż-“żmien iebes,” u kif nafu li Alla hu lest li jgħinna?
3 F’dan iż-“żmien iebes,” aħna l-Kristjani niffaċċjaw l-istess pressjonijiet ekonomiċi li jiffaċċjaw in-nies l-oħra. (2 Timotju 3:1) Għaldaqstant, forsi f’daqqa waħda nisfaw bla xogħol. Jew forsi ma jkollniex għażla ħlief li naħdmu ħinijiet twal għal paga miżera. F’ċirkustanzi bħal dawn, għandu mnejn insibuha diffiċli biex ‘nieħdu ħsieb tal-familja tagħna.’ (1 Timotju 5:8) Se jkun Alla l-Iktar Għoli lest li jgħinna fi żminijiet bħal dawn? Bla ebda dubju! M’għandniex xi ngħidu, Jehovah m’huwiex se jiskansana mit-tbatijiet kollha tal-ħajja f’din id-dinja. Madankollu, jekk nafdaw fih, il-kliem taʼ Salm 46:2 (46:1, NW) se jitwettaq fil-każ tagħna: “Kenn u qawwa hu Alla għalina, għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.” Iżda, kif nistgħu nuru li nafdaw kompletament f’Jehovah fiż-żmien meta jkollna problemi finanzjarji?
4. Meta jkollna xi problemi finanzjarji, għalxiex nistgħu nitolbu, u Jehovah kif iwieġbu talb bħal dan?
4 Mod wieħed kif nistgħu nuru li għandna fiduċja f’Jehovah hu billi nersqu lejh bit-talb. Imma għalxiex nistgħu nitolbu? Meta jkollna problemi finanzjarji, forsi jkollna bżonn l-għerf prattiku iktar minn qatt qabel. Mela, allura, itlob lil Alla jagħtihulek! Il-Kelma taʼ Jehovah taċċertana: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu.” (Ġakbu 1:5) Iva, itlob lil Jehovah biex jagħtik l-għerf—l-abbiltà li tuża tajjeb l-għarfien, il-fehma, u d-dehen—sabiex tkun tistaʼ tieħu deċiżjonijiet għaqlin u tagħmel għażliet tajbin. Missierna tas-sema li tant iħobbna jaċċertana li hu se jismaʼ talb bħal dan. Hu dejjem lest li jwitti t-triqat taʼ dawk li jafdaw fih b’qalbhom kollha.—Salm 65:3 (65:2, NW); Proverbji 3:5, 6.
5, 6. (a) Għala għandna nfittxu fil-Kelma t’Alla għall-għajnuna biex inkampaw mal-problemi ekonomiċi? (b) X’nistgħu nagħmlu biex innaqqsu l-ansjetà jekk nisfaw bla xogħol?
5 Mod ieħor kif nuru li qed nafdaw f’Jehovah hu billi nfittxu l-gwida tal-Kelma t’Alla. It-tfakkiriet għaqlin tiegħu li jinsabu fil-Bibbja taw prova kemm huma ferm “taʼ min joqgħod fuqhom.” (Salm 93:5) Għalkemm tlesta iktar minn 1,900 sena ilu, dan il-ktieb ispirat fih pariri taʼ min joqgħod fuqhom u ħsibijiet profondi li jistgħu jgħinuna biex inkampaw aħjar mal-problemi ekonomiċi. Ikkunsidra xi eżempji li juru l-għerf tal-Bibbja.
6 L-għaref Sultan Salamun żmien twil ilu għamel din l-osservazzjoni: “Il-ħaddiem, jiekol ftit jew jiekol wisq, jiġih ħelu l-irqad, imma l-għani x-xabaʼ ma jħallihx jieħu nagħsa.” (Koħèlet 5:11 [5:12, NW]) Jiswielna ħafna ħin u flus biex insewwu, innaddfu, nieħdu ħsieb, u nipproteġu l-affarijiet materjali li jkollna. Għalhekk, jekk nisfaw bla xogħol, nistgħu nieħdu l-opportunità biex neżaminaw mill-ġdid il-mod kif ngħixu, u nipprovaw nagħżlu bejn dak li għandna bżonn u dak li nixtiequ. Biex innaqqsu l-ansjetà, forsi jkun għaqli li nagħmlu xi bidliet. Per eżempju, huwa possibbli li nagħmlu ħajjitna iktar sempliċi, forsi mmorru noqogħdu f’dar iżgħar jew neħilsu minn affarijiet li m’humiex daqshekk bżonnjużi?—Mattew 6:22.
7, 8. (a) Ġesù kif wera li hu kien jaf li l-bnedmin imperfetti għandhom it-tendenza li jinkwetaw iżżejjed dwar l-affarijiet materjali? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.) (b) Liema parir għaqli tana Ġesù dwar kif nevitaw l-ansjetà bla bżonn?
7 Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù wissiena: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu.”b (Mattew 6:25, NW) Ġesù kien jaf li bħala bnedmin imperfetti, aħna ninkwetaw kif se niksbu l-bżonnijiet tal-ħajja. Iżda, kif nistgħu ‘ma nibqgħux ansjużi’ dwar dawn l-affarijiet? Ġesù qalilna: “[“Ibqgħu,” NW] fittxu l-ewwel is-Saltna.” Ikunu xi jkunu l-problemi li jkollna, aħna rridu nibqgħu npoġġu l-qima taʼ Jehovah l-ewwel f’ħajjitna. Jekk nagħmlu hekk, imbagħad il-bżonnijiet tagħna taʼ kuljum se ‘jingħatawlna wkoll’ minn Missierna tas-sema. B’xi mod jew ieħor, hu se jipprovdilna dak li neħtieġu.—Mattew 6:33.
8 Ġesù kompla joffri parir ieħor: “Toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum taʼ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu.” (Mattew 6:34) M’huwiex għaqli li tkun ansjuż bla bżonn dwar dak li forsi jiġri għada. Wieħed studjuż innota: “Il-biżaʼ li jkollna rigward il-futur ġeneralment ma jkollu xejn x’jaqsam maʼ dak li jiġri fir-realtà.” Jekk bl-umiltà naċċettaw il-parir tal-Bibbja biex inżommu l-prijoritajiet tagħna ċari f’moħħna u ngħixu ġurnata b’ġurnata, se nkunu nistgħu nevitaw l-ansjetà bla bżonn.—1 Pietru 5:6, 7.
9. Meta nħabbtu wiċċna maʼ problemi finanzjarji, x’għajnuna nistgħu nsibu fil-pubblikazzjonijiet taʼ “l-ilsir leali u diskret”?
9 Meta nħabbtu wiċċna maʼ problemi finanzjarji, aħna nistgħu nuru wkoll il-fiduċja tagħna f’Jehovah billi nfittxu l-għajnuna fil-pubblikazzjonijiet taʼ “l-ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45, NW) Kultant, fir-rivista Stenbaħ! jidhru xi artikli li jkun fihom suġġerimenti u pariri li jgħinuna nittrattaw xi sfidi ekonomiċi. Fl-artiklu “Out of a Job—What Are the Solutions?” (Bla Xogħol—X’Soluzzjonijiet Hemm?) li deher fil-ħarġa tat-8 t’Awissu, 1991, ġew enfasizzati tmien punti prattiċi li jservu taʼ gwida u dawn kienu ferm t’għajnuna għal ħafna biex iżommu l-istabbilità finanzjarja u emozzjonali meta kienu għaddejjin minn perijodu meta kienu bla xogħol.c M’għandniex xi ngħidu, gwida bħal din trid tkun bilanċjata maʼ ħarsa xierqa lejn l-importanza vera tal-flus. Dan ġie diskuss fl-artiklu “Something More Vital Than Money” (Xi Ħaġa Iktar Vitali mill-Flus), li deher fl-istess ħarġa.—Koħèlet 7:12.
Meta Tkun Imnikket Minħabba Problemi taʼ Saħħa
10. L-eżempju tas-Sultan David kif juri li huwa realistiku li wieħed jafda f’Jehovah meta jkollu xi marda serja?
10 Huwa realistiku li tafda f’Jehovah meta jkollok xi marda serja? Assolutament! Jehovah iħoss ħafna għal dawk mill-poplu tiegħu li jkunu morda. Jerġaʼ iktar minn hekk, hu lest li jgħinna. Per eżempju, ejja nikkunsidraw lis-Sultan David. Jistaʼ jkun li hu nnifsu kien marid serjament meta kiteb dwar kif Alla jittratta lill-bniedem rett li jkun marid. Hu qal: “Il-Mulej jieqaf miegħu fuq is-sodda tal-mard; ifejjqu mill-mard meta jkun mixħut.” (Salm 41:2, 4, 8, 9 [41:1, 3, 7, 8, NW]) Il-fiduċja li David kellu f’Alla baqgħet soda, u sa fl-aħħar is-sultan fieq mill-marda tiegħu. Iżda, kif nistgħu aħna nuru l-fiduċja f’Alla meta nkunu mnikktin minħabba problemi taʼ saħħa?
11. Meta taqbadna xi marda, x’nistgħu nitolbuh lil Missierna tas-sema?
11 Meta taqbadna xi marda, mod wieħed li bih nuru l-fiduċja tagħna f’Jehovah hu billi nitolbuh bil-ħniena biex jgħinna nissaportu. Nistgħu nitolbuh jgħinna nużaw “l-għaqal” sabiex infittxu l-livell taʼ saħħa realistiku skond iċ-ċirkustanzi tagħna. (Proverbji 3:21) Nistgħu wkoll nitolbuh biex ikompli jagħtina l-paċenzja u s-sabar sabiex inkunu nistgħu nkampaw mal-marda li jkollna. Fuq kollox, ikollna bżonn nitolbu lil Jehovah biex jieqaf magħna, jagħtina s-saħħa biex nibqgħu leali lejh u ma nitilfux il-bilanċ, jiġri x’jiġri. (Filippin 4:13) Huwa saħansitra iktar importanti li nżommu l-integrità tagħna lejn Alla milli nippreservaw il-ħajja preżenti tagħna. Jekk inżommu l-integrità tagħna, Dak li jippremjana bil-kbir se jagħtina eternità taʼ ħajja u saħħa perfetta.—Lhud 11:6.
12. Liema prinċipji Skritturali jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin meta niġu biex nagħżlu xi kura medika?
12 Il-fiduċja tagħna f’Jehovah tqanqalna wkoll biex infittxu l-gwida prattika fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Il-prinċipji li jinsabu fl-Iskrittura jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin f’dik li hi kura medika. Per eżempju, peress li nafu li l-Bibbja tikkundanna s-“seħer,” jew l-ispiritiżmu, aħna nevitaw kwalunkwe proċedura dijanjostika jew terapewtika li tinvolvi l-ispiritiżmu. (Galatin 5:19-21; Dewteronomju 18:10-12) Dan hu eżempju ieħor taʼ kemm l-għerf tal-Bibbja hu taʼ min jafdah: “Min nieqes minn moħħu [jew “hu bla esperjenza,” NW] jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” (Proverbji 14:15) Għaldaqstant, meta nkunu qed niddeċiedu x’kura medika se nieħdu, nagħmlu tajjeb jekk infittxu informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha minflok ma ‘nemmnu kollox.’ Jekk ikollna moħħna f’loku nkunu nistgħu niżnu l-għażliet tagħna sew u nieħdu deċiżjoni għaqlija bbażata fuq l-informazzjoni li nkunu ksibna.—Titu 2:12.
13, 14. (a) Liema artikli informattivi dwar kwistjonijiet taʼ saħħa ġew pubblikati fir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!? (Ara l-kaxxa f’paġna 17.) (b) Liema parir dwar kif wieħed jittratta maʼ mard kroniku ġie preżentat fl-Awake! tat-22 taʼ Jannar, 2001?
13 Nistgħu nuru wkoll il-fiduċja tagħna f’Jehovah billi nfittxu fil-pubblikazzjonijiet maħruġin mill-ilsir leali. Ir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! minn żmien għal żmien ikun fihom artikli fuq varjetà kbira taʼ problemi speċifiċi taʼ saħħa u mard.d Xi drabi, dawn ir-rivisti kien fihom artikli miktubin minn individwi li rnexxielhom ikampaw maʼ diversi mard, diżabilitajiet, u nuqqas taʼ saħħa. Barra minn hekk, ċerti artikli offrew suġġerimenti Skritturali kif ukoll pariri prattiċi dwar kif wieħed jistaʼ jgħix b’mard kroniku.
14 Per eżempju, il-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Jannar, 2001, kien fiha serje t’artikli “Comfort for the Sick” (Faraġ għall-Morda). L-artikli ppreżentaw prinċipji Bibliċi t’għajnuna kif ukoll informazzjoni miksuba minn intervisti li saru lil nies li kienu għaddejjin minn mard li ħalliehom diżabilitati għal ħafna snin. L-artiklu “Living Successfully With Your Ailment—How?” (Jirnexxilek Tkampa mal-Marda Tiegħek—Kif?) offra dan il-parir: Sir af kemm tistaʼ dwar il-marda tiegħek. (Proverbji 24:5) Agħmel miri prattiċi, inkluż miri li tgħin lil oħrajn, imma żomm f’moħħok li forsi ma tkunx tistaʼ tilħaq l-istess miri li jilħqu l-oħrajn. (Atti 20:35; Galatin 6:4) Evita li tinqataʼ għalik waħdek. (Proverbji 18:1) Agħmilha faċli u pjaċevoli għal dawk li jiġu jżuruk. (Proverbji 17:22) Fuq kollox, żomm rabta soda maʼ Jehovah u mal-kongregazzjoni. (Naħum 1:7; Rumani 1:11, 12) Ma nħossuniex grati aħna għal din il-gwida taʼ min joqgħod fuqha li jipprovdilna Jehovah permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu?
Meta Dgħjufija tal-Ġisem Tippersisti
15. L-appostlu Pawlu kif setaʼ joħroġ rebbieħ fit-taqbida tiegħu kontra d-dgħjufijiet tal-ġisem imperfett, u liema assiguranza għandna?
15 L-appostlu Pawlu kiteb: “Naf li t-tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f’ġismi.” (Rumani 7:18) Mill-esperjenza tiegħu stess, Pawlu kien jaf kemm jistaʼ jkun diffiċli biex wieħed jiġġieled kontra x-xewqat u d-dgħjufijiet tal-ġisem imperfett. Madankollu, Pawlu kellu wkoll fiduċja li hu setaʼ joħroġ rebbieħ. (1 Korintin 9:26, 27) Kif? Billi jafda għalkollox f’Jehovah. Huwa għalhekk li Pawlu setaʼ jgħid: “Msejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt? Niżżi ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu Sidna!” (Rumani 7:24, 25) Xi ngħidu għalina? Aħna wkoll għandna taqbida kontra d-dgħjufijiet tal-ġisem. Hekk kif nissieltu biex nittrattaw dawn id-dgħjufijiet, huwa faċli li nitilfu l-fiduċja, u nikkonvinċu ruħna li qatt ma nistgħu nirnexxu. Imma Jehovah żgur li se jgħinna jekk aħna, bħal Pawlu, verament nistrieħu fuq Jehovah u mhux fuqna nfusna.
16. Meta xi dgħjufija tal-ġisem tippersisti, għalxiex għandna bżonn nitolbu, u x’għandna nagħmlu jekk nerġgħu naqgħu għall-istess dgħjufija?
16 Meta xi dgħjufija tal-ġisem tippersisti, nistgħu nuru li għandna fiduċja f’Jehovah billi nitolbu lil Jehovah bil-ħerqa. Jeħtieġ li nitolbu, iva saħansitra bil-ħniena, lil Jehovah għall-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis. (Luqa 11:9-13) Nistgħu nitolbu b’mod speċifiku għar-rażna fuqna nfusna, li hija parti mill-frott taʼ l-ispirtu t’Alla. (Galatin 5:22, 23) X’għandna nagħmlu jekk nerġgħu naqgħu għall-istess dgħjufija? Żgur li m’għandniex naqtgħu qalbna. Jalla qatt ma ngħejjew nitolbu bl-umiltà lil Alla tagħna mimli ħniena biex hu jaħfrilna u jgħinna. Jehovah qatt ma se jirrifjuta, jew jabbanduna, qalb li hija “maqsuma u sogħbiena” minħabba t-toqol taʼ kuxjenza ħatja. (Salm 51:19 [51:17, NW]) Jekk nitolbuh bil-ħniena, b’qalb sinċiera u niedma, Jehovah se jgħinna niġġieldu t-tentazzjonijiet.—Filippin 4:6, 7.
17. (a) Għala huwa tajjeb li nirriflettu ftit fuq kif jaħsibha Jehovah dwar xi dgħjufija partikulari li nkunu qed niġġildulha? (b) Liema skritturi nistgħu aħna nitgħallmu bl-amment jekk qed niġġieldu biex nikkontrollaw it-tempra? biex noqogħdu attenti għal ilsienna? biex nirreżistu xi tendenza lejn divertiment dubjuż?
17 Nistgħu nuru wkoll li nafdaw f’Jehovah billi nfittxu l-għajnuna fil-Kelma tiegħu. Jekk nużaw konkordanza tal-Bibbja, jew il-Watch Tower Publications Index, inkunu nistgħu nfittxu t-tweġiba għall-mistoqsija, ‘Jehovah kif iħossu dwar din id-dgħjufija partikulari li qed niġġieled kontriha?’ Il-fatt li nirriflettu dwar kif Jehovah iħossu dwar il-kwistjoni jistaʼ jgħinna nsaħħu x-xewqa tagħna li nogħġbuh. B’hekk, nistgħu nibdew inħossuna kif iħossu hu, nobogħdu dak li jobgħod hu. (Salm 97:10) Xi wħud sabuha t’għajnuna li jitgħallmu bl-amment xi siltiet mill-Bibbja li japplikaw għal dik id-dgħjufija partikulari li jkunu qed jiġġieldu magħha. Qegħdin aħna nissieltu biex nikkontrollaw it-tempra? Mela nistgħu nżommu f’moħħna l-iskritturi li nsibu fi Proverbji 14:17 u Efesin 4:31. Qed insibuha diffiċli li noqogħdu attenti għal ilsienna? Nistgħu nitgħallmu bl-amment skritturi bħal Proverbji 12:18 u Efesin 4:29. Għandna tendenza li jogħġobna divertiment dubjuż? Nistgħu forsi nipprovaw niftakru versi bħalma huma Efesin 5:3 u Kolossin 3:5.
18. Għala m’għandniex inħallu l-mistħija żżommna lura milli nitolbu l-għajnuna taʼ l-anzjani biex inkunu nistgħu negħlbu xi dgħjufijiet li jistaʼ jkollna?
18 Mod ieħor biex nuru li nafdaw f’Jehovah hu billi nfittxu l-għajnuna taʼ l-anzjani tal-kongregazzjoni li ġew maħturin mill-ispirtu. (Atti 20:28) Wara kollox, dawn id-“doni [fi] bnedmin” huma provvediment mingħand Jehovah permezz taʼ Kristu biex jipproteġu u jieħdu ħsieb lin-nagħaġ tiegħu. (Efesin 4:7, 8, 11-14) Irridu nammettu li jistaʼ ma jkunx daqshekk faċli li titlob l-għajnuna biex tiġġieled xi dgħjufija li jistaʼ jkollok. Forsi nibdew nistħu, u nibżgħu li nitilfu r-rispett taʼ l-anzjani. Imma m’hemm ebda dubju li dawn l-irġiel maturi spiritwalment se jirrispettawna iktar talli kellna l-kuraġġ nitolbu l-għajnuna. Barra minn hekk, l-anzjani jagħmlu ħilithom biex jirriflettu l-kwalitajiet taʼ Jehovah meta jittrattaw il-merħla. L-istruzzjoni u l-pariri prattiċi u taʼ faraġ li huma jagħtu mill-Kelma t’Alla għandhom mnejn ikunu dak li jkollna bżonn biex aħna nsaħħu d-determinazzjoni tagħna biżżejjed biex negħlbu d-dgħjufija tagħna.—Ġakbu 5:14-16.
19. (a) Satana b’liema mod jipprova juża l-frugħa tal-ħajja f’din id-dinja? (b) Il-fiduċja x’tinvolvi, u x’għandha tkun id-determinazzjoni soda tagħna?
19 Qatt tinsa li Satana jaf li ftit żmien baqagħlu. (Apokalissi 12:12) Hu jrid juża l-frugħa tal-ħajja f’din id-dinja biex jiskuraġġina u jġagħalna naqtgħu qalbna. Jalla jkollna fiduċja sħiħa f’dak li hemm miktub f’Rumani 8:35-39: “Min se jifridna mill-imħabba taʼ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? . . . Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa taʼ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la taʼ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba taʼ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.” Xi stqarrija taʼ fiduċja f’Jehovah! Madankollu, fiduċja bħal din hija iktar minn sempliċi sentiment. Pjuttost, hija fiduċja li tinvolvi d-deċiżjonijiet maħsubin bil-għaqal li nieħdu fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. Mela ejja nkunu determinati b’mod sod li nafdaw kompletament f’Jehovah fi żmien l-inkwiet.
[Noti taʼ taħt]
a F’ittra indirizzata lill-Istamperija tal-Flus fl-Istati Uniti, li ġġib id-data taʼ l-20 taʼ Novembru, 1861, is-Segretarju tat-Teżor, Salmon P. Chase, kiteb: “L-ebda nazzjon ma jistaʼ jkun b’saħħtu ħlief bil-qawwa t’Alla, jew fis-sigurtà ħlief bil-protezzjoni Tiegħu. Il-fiduċja tan-nies tagħna f’Alla għandha tkun dikjarata fuq il-muniti nazzjonali tagħna.” B’hekk, il-motto “In God We Trust” deher għall-ewwel darba fuq munita taʼ l-Istati Uniti li kienet fiċ-ċirkulazzjoni fl-1864.
b L-ansjetà deskritta hawnhekk hi bħal “biżaʼ minħabba l-inkwiet, li jneħħilek il-gost tal-ħajja.” Xi traduzzjonijiet jgħidu “tinkwetawx” jew “toqogħdux tħabblu raskom.” Imma traduzzjonijiet bħal dawn jimplikaw li m’għandniex nibdew ninkwetaw jew inħabblu rasna. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Il-forma tal-verb fil-Grieg hi l-imperattiv fil-preżent, li jimplika kmand biex wieħed ma jibqax jagħmel azzjoni li diġà jkun qed jagħmel.”
c It-tmien punti huma dawn li ġejjin: (1) Tippanikkjax; (2) kun pożittiv; (3) ikkunsidra l-possibbiltà taʼ tip taʼ xogħol ġdid; (4) għix skond il-mezzi tiegħek—u mhux taʼ ħaddieħor; (5) oqgħod attent mid-dejn; (6) żomm il-familja magħquda; (7) żomm l-istima tiegħek innifsek; u (8) agħmel budget.
d Dawn ir-rivisti bbażati fuq il-Bibbja ma jirrikkmandawx jew jippromwovu xi kura medika partikulari, billi jirrikonoxxu li din hija kwistjoni taʼ deċiżjoni persunali. Pjuttost, l-artikli li jiddiskutu mard jew kundizzjonijiet speċifiċi jsiru bl-intenzjoni li jinformaw lill-qarrejja dwar il-fatti li jkunu magħrufin fil-preżent.
Tiftakar Int?
• Meta nħabbtu wiċċna maʼ problemi ekonomiċi, b’liema modi nistgħu nuru li aħna nafdaw f’Jehovah?
• Kif nistgħu nuru fiduċja f’Alla meta nkunu mnikktin minħabba problemi taʼ saħħa?
• Meta xi dgħjufija tal-ġisem tippersisti, kif nistgħu nuru li aħna verament qed nistrieħu fuq Jehovah?
[Kaxxa f’paġna 17]
Tiftakarhom Dawn l-Artikli?
Meta nkunu mnikktin minħabba problemi taʼ saħħa, huwa taʼ inkuraġġiment li naqraw dwar oħrajn li jkun irnexxielhom ikampaw b’suċċess maʼ diversi tipi taʼ mard, diżabilitajiet, u nuqqas taʼ saħħa. Dawn li ġejjin huma xi artikli li ġew pubblikati fir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!
“Coping With My Weaknesses” (Inkampa mad-Dgħjufijiet Tiegħi) ittratta prinċipalment dwar il-ħsibijiet negattivi u d-dipressjoni.—The Watchtower taʼ l-1 taʼ Mejju, 1990.
“Not Even an Iron Lung Could Stop Her Preaching” (Lanqas Pulmun tal-Ħadid Ma Setaʼ Jwaqqafha Tippriedka).—Awake! tat-22 taʼ Jannar, 1993.
“A Bullet Changed My Life” (Balla Bidlitli Ħajti) iffoka fuq kif wieħed jittratta mal-paralisi.—Awake! tat-22 t’Ottubru, 1995.
“Intom ma Tafux X’Għad Isir Għada” ddiskuta kif wieħed jistaʼ jkampa mal-marda bipolar disorder (marda b’żewġ estremi).—It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Diċembru, 2000.
“Loida’s Journey Out of Silence” (Il-Vjaġġ taʼ Loida mis-Silenzju) iffoka fuq il-paralisi ċerebrali.—Awake! tat-8 taʼ Mejju, 2000.
“My Struggle With Endometriosis” (Il-Battalja Tiegħi maʼ L-Endometrite).—Awake! tat-22 taʼ Lulju, 2000.
“My Fight With Scleroderma” (Il-Ġlieda
Tiegħi maʼ l-Iskleroderma).—Awake! tat-8 t’Awissu, 2001.
“Id-Dipressjoni Wara t-Twelid taʼ Tarbija—Kif Irnexxieli Negħlibha.”—Stenbaħ! tat-8 t’Awissu, 2002.
[Stampa f’paġna 15]
Jekk nisfaw bla xogħol, forsi jkun għaqli li neżaminaw mill-ġdid l-istil taʼ ħajja tagħna
[Stampa f’paġna 16]
L-istorja taʼ Loida turi kif il-fiduċja f’Jehovah tistaʼ tgħin lil dak li jkun jissaporti. (Ara l-kaxxa f’paġna 17)
[Stampa f’paġna 18]
M’għandniex għalfejn nistħu nitolbu l-għajnuna biex negħlbu d-dgħjufijiet tagħna