Fatturi Essenzjali għall-Hena fil-Familja
Żomm l-Impenn fiż-Żwieġ Tiegħek
Hi tgħid: “Innotajt li għal xi żmien żewġi Michael tbiegħed minni emozzjonalment u kien qed jittratta lil uliedna b’ċerta bruda.a L-imġiba tiegħu nbidlet ftit wara li ġibna aċċess għall-Internet, u jien issuspettajt li kien qed jara l-pornografija fuq il-kompjuter. Lejl wieħed, wara li t-tfal daħlu jorqdu, jien iffaċċjajtu u ġegħeltu jkellimni dwar is-sitwazzjoni u hu ammetta li kien qed jidħol f’“Web sites” pornografiċi. Ħassejtni veru mweġġaʼ u diżappuntata. Ma ridtx nemmen li dan kien qed jiġri lili. Tlift il-fiduċja kollha tiegħi fih. U biex tkompli tgħaxxaqha, sieħbi taʼ fuq ix-xogħol kien għadu kif beda juri interess romantiku fija.”
Hu jgħid: “Ftit taż-żmien ilu, marti Maria, skopriet stampa li kont erfajt fil-kompjuter tagħna u ffaċċjatni biha. Meta ammettejt li kont qed inżur regolarment siti pornografiċi, hi rrabjat ħafna. Jien ħassejtni imbarazzat bl-ikrah u ħassejtni tassew ħati. Ħsibt li ż-żwieġ tagħna kien se jispiċċa.”
X’TAĦSEB li ġara lir-relazzjoni taʼ Michael u Maria? Għandek mnejn taħseb li l-problema prinċipali taʼ Michael kienet li qed jara l-pornografija. Imma Michael irrealizza li l-vizzju tiegħu fil-fatt kien sinjal taʼ problema iktar serja fiż-żwieġ tagħhom—nuqqas taʼ impenn fiż-żwieġ.b Meta Michael u Maria żżewġu, huma ħarsu ’l quddiem lejn ħajja li fiha setgħu jħobbu lil xulxin u jkollhom esperjenzi pjaċevoli flimkien. Però, bħal ħafna koppji, l-impenn fiż-żwieġ tagħhom ma baqax daqshekk b’saħħtu, u donnhom bdew jitbiegħdu minn xulxin.
Tħoss int li r-rabta bejnek u bejn żewġek jew martek iddgħajfet hekk kif bdew igerbu s-snin? Tixtieq terġaʼ ssaħħaħ dik ir-rabta? Jekk iva, għandek bżonn tkun taf it-tweġibiet għal tliet mistoqsijiet: Xi jfisser li żżomm l-impenn fiż-żwieġ tiegħek? Liema affarijiet jistgħu jdgħajfu dan l-impenn? U x’tistaʼ tagħmel biex issaħħaħ l-impenn tiegħek lejn is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek?
X’Inhu l-Impenn?
Kif tispjegah l-impenn fiż-żwieġ? Ħafna jgħidu li dan huwa mqanqal minn sens t’obbligu. Per eżempju, koppja għandha mnejn tibqaʼ marbuta flimkien fiż-żwieġ minħabba t-tfal jew minħabba li tħoss sens t’obbligu lejn Alla, l-Oriġinatur taż-żwieġ. (Ġenesi 2:22-24) Huwa minnu li dawn il-motivi huma taʼ min jammirahom u se jgħinu biex żwieġ jibqaʼ sħiħ minkejja żminijiet diffiċli. Imma biex ikunu henjin, l-imseħbin fiż-żwieġ għandhom bżonn iħossu iktar minn sempliċi sens t’obbligu lejn xulxin.
Alla Ġeħova ddisinja ż-żwieġ biex iġib ferħ u kuntentizza ġenwini lill-koppja. Hu ried li raġel ‘jifraħ b’martu’ u li l-mara tħobb lil żewġha u tħoss li żewġha jħobbha bħal ġismu stess. (Proverbji 5:18; Efesin 5:28) Koppja trid titgħallem tafda lil xulxin biex toħloq dan it-tip taʼ rabta. Hija daqstant importanti l-ħtieġa li jiżviluppaw ħbiberija tul ħajjithom kollha. Meta raġel u mara jiksbu l-fiduċja taʼ xulxin u jaħdmu biex isiru l-aqwa ħbieb taʼ xulxin, l-impenn tagħhom fiż-żwieġ jikber. Huma se jifformaw rabta li l-Bibbja tiddeskriviha bħala li hi tant qrib daqslikieku tnejn min-nies kienu “ġisem wieħed.”—Mattew 19:5.
Għalhekk, l-impenn jistaʼ jitqabbel mal-konkos li jwaħħal il-ġebel flimkien f’dar mibnija b’mod sod. Il-konkos huwa magħmul minn taħlita t’affarijiet inkluż trab, siment, u ilma. B’mod simili, l-impenn huwa fformat minn taħlita taʼ fatturi bħall-obbligu, il-fiduċja, u l-ħbiberija. X’jistaʼ jdgħajjef din ir-rabta?
X’Inhuma l-Isfidi?
L-impenn jeħtieġ ħidma iebsa u sagrifiċċju persunali. Jitlob minnek li tkun lest li tiċċaħħad minn preferenzi persunali stess biex togħġob lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek. Però, il-konċett li ċċedi għax-xewqat taʼ ħaddieħor—li tagħti mingħajr ma tistaqsi, ‘X’nistaʼ nikseb minn dan?’—ma tantx hu popolari maʼ ħafna u saħansitra joffendi lil xi wħud. Imma staqsi lilek innifsek, ‘Kemm naf nies egoisti li għandhom żwieġ hieni?’ X’aktarx li t-tweġiba hi li ftit hemm nies bħal dawn jekk hemm. Għala? Individwu egoist x’aktarx li mhux se jżomm l-impenn fiż-żwieġ meta jkun meħtieġ sagrifiċċju persunali, speċjalment jekk ma jkollux benefiċċju immedjat talli jċedi. Mingħajr impenn, ir-relazzjoni tibred minkejja kemm kienu qawwijin is-sentimenti romantiċi li l-koppja kellhom fil-bidu meta saru jħobbu lil xulxin.
Il-Bibbja tirrikonoxxi b’mod realistiku li ż-żwieġ jeħtieġ ħidma iebsa. Din tgħid li “r-raġel miżżewweġ hu ansjuż għal dak li hu tad-dinja, kif jikseb l-approvazzjoni taʼ martu,” u li “l-mara miżżewġa hi ansjuża għal dak li hu tad-dinja, kif tikseb l-approvazzjoni taʼ żewġha.” (1 Korintin 7:33, 34) Sfortunatament, anki mseħbin fiż-żwieġ li normalment ma jkunux egoisti mhux dejjem jirrikonoxxu l-ansjetajiet taʼ xulxin jew il-valur tas-sagrifiċċji li l-imseħbin tagħhom jagħmlu għalihom. Meta koppja jonqsu milli juru apprezzament lejn xulxin, iż-żwieġ tagħhom x’aktarx li jikkaġunalhom iktar “tribulazzjoni f’laħamhom” milli kieku kienu juru l-apprezzament.—1 Korintin 7:28.
Jekk trid li ż-żwieġ tiegħek jgħaddi mill-mumenti diffiċli b’wiċċ il-ġid u jiffjorixxi fi żminijiet tajbin, għandek bżonn tibda tħares lejn ir-relazzjoni bħala waħda dejjiema. Kif tistaʼ tiżviluppa attitudni bħal din, u kif tistaʼ tinkuraġġixxi s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek biex tibqaʼ żżomm l-impenn tagħha lejk?
Kif Issaħħaħ l-Impenn
Fattur importanti hu li b’umiltà tapplika l-pariri tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Meta tagħmel dan, se jiswa “għall-ġid tiegħek” u tas-sieħeb jew tas-sieħba tiegħek. (Isaija 48:17) Ikkunsidra żewġ passi prattiċi li tistaʼ tieħu.
1. Agħti prijorità liż-żwieġ tiegħek.
“[Aċċertaw] ruħkom minn dak li hu iktar importanti,” kiteb l-appostlu Pawlu. (Filippin 1:10) Fil-ħarsa t’Alla, il-mod kif raġel u martu jittrattaw lil xulxin huwa importanti ħafna. Raġel li jonora lil martu se jiġi onorat minn Alla. Mara li tirrispetta lil żewġha għandha “valur kbir f’għajnejn Alla.”—1 Pietru 3:1-4, 7.
Kemm hu importanti ż-żwieġ tiegħek għalik? Ġeneralment, iktar ma xi ħaġa tkun importanti, iktar tqattaʼ ħin fuqha. Staqsi lilek innifsek: ‘Ix-xahar li għadda, kemm warrabt ħin biex inqattgħu mas-sieħeb jew mas-sieħba tiegħi biss? X’affarijiet speċifiċi għamilt biex niżgura lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħi li għadna ħbieb tajbin?’ Jekk investejt ftit ħin jew xejn biex tieħu ħsieb lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek, mela din mill-banda l-oħra għandha mnejn issibha diffiċli biex temmen li int iżżomm l-impenn fiż-żwieġ tagħkom.
Iħoss is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek li int iżżomm l-impenn fiż-żwieġ? Kif tistaʼ tkun taf?
IPPROVA DAN: Ikteb fuq biċċa karta l-ħames kategoriji li ġejjin: flus, xogħol, żwieġ, divertiment, u ħbieb. Issa poġġi numru ħdejn kull waħda biex tifforma lista taʼ dawk li tħoss li huma l-prijoritajiet tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. Staqsi lilu jew lilha biex tagħmel l-istess għalik. Meta tlestu, agħtu l-lista lil xulxin. Jekk is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek tħoss li m’intix qed tinvesti biżżejjed ħin u enerġija fiż-żwieġ tagħkom, iddiskutu l-bidliet li forsi għandkom bżonn tagħmlu biex issaħħu l-impenn tagħkom lejn xulxin. Ukoll, staqsi lilek innifsek, ‘X’nistaʼ nagħmel biex nieħu iktar interess fl-affarijiet li huma importanti għas-sieħeb jew is-sieħba tiegħi?’
2. Evita kull tip taʼ infedeltà.
Ġesù Kristu qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Meta individwu jkollu x’jaqsam sesswalment barra ż-żwieġ, hu jew hi tkun qed tkisser ir-rabta, u l-Bibbja tgħid li dan il-fatt hu bażi għal divorzju. (Mattew 5:32) Madankollu, kliem Ġesù li ġie kwotat qabel juri li xewqa żbaljata tistaʼ tkun fil-qalb ħafna qabel ma individwu fil-fatt jieħu sehem fl-att fiżiku taʼ l-adulterju. Il-fatt li wieħed joqgħod jaħseb fuq xewqa ħażina bħal din, fih innifsu hu forma taʼ tradiment.
Biex iżżomm l-impenn fiż-żwieġ tiegħek, agħmel wegħda solenni miegħek innifsek li ma tarax pornografija. Minkejja dak li jistgħu jgħidu ħafna, il-pornografija hi velenu għaż-żwieġ. Innota l-mod kif waħda mara miżżewġa tesprimi s-sentimenti tagħha dwar il-vizzju tar-raġel tagħha li jara l-pornografija: “Żewġi jgħid li l-ħajja romantika tagħna hija iktar eċċitanti minħabba li jara l-pornografija. Imma dan sempliċement iġegħelni nħossni ma niswa xejn, li m’iniex biżżejjed għalih. Meta jaraha, jien nibqaʼ nibki sakemm norqod.” Tħoss li dan ir-raġel qed isaħħaħ l-impenn fiż-żwieġ tiegħu, jew taħseb li qed jagħmillu l-ħsara? Taħseb li qed jagħmilha iktar faċli għal martu biex tibqaʼ żżomm l-impenn tagħha fiż-żwieġ? Qiegħed hu jittrattaha bħala l-aqwa ħabiba tiegħu?
Ir-raġel leali Ġob wera l-impenn tiegħu fiż-żwieġ u lejn Alla tiegħu billi għamel ‘patt m’għajnejh.’ Hu kien determinat li ‘ma jkunx moħħu f’xi verġni.’ (Ġob 31:1) Kif tistaʼ timita lil Ġob?
Minbarra li tevita l-pornografija, hemm bżonn li tgħasses lil qalbek milli tifforma ġibda mhix xierqa lejn membru tas-sess oppost. Huwa minnu li ħafna jħossu li min jitkessaħ maʼ membru tas-sess oppost ma jkunx qed jagħmel ħsara liż-żwieġ. Imma l-Kelma t’Alla twissina: “Il-qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Qarrqet bik qalbek? Staqsi lilek innifsek: ‘Lil min nagħti l-iktar attenzjoni—lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħi jew lil xi membru ieħor tas-sess oppost? Maʼ min naqsam aħbar tajba l-ewwel—mas-sieħeb jew mas-sieħba tiegħi, jew maʼ xi ħadd ieħor? Jekk marti jew żewġi jitlobni biex nillimita l-kuntatt tiegħi maʼ ħabib tas-sess oppost, kieku jien kif nirreaġixxi? Se nirrabja, jew se nkun kuntent li nagħmel il-bidla mitluba?
IPPROVA DAN: Jekk tħossok miġbud lejn xi ħadd li m’huwiex żewġek jew martek, illimita l-kuntatt maʼ dan l-individwu għal dak li hu neċessarju biss u żomm kull kuntatt fuq bażi professjonali biss. Toqgħodx tiffoka fuq modi kif dan l-individwu taħseb li huwa aħjar minn żewġek jew martek. Minflok, iffoka fuq il-kwalitajiet pożittivi taʼ żewġek jew martek. (Proverbji 31:29) Ftakar f’raġunijiet għala sirt tħobb lil martek jew żewġek. Staqsi lilek innifsek, ‘Marti jew żewġi tassew tilef dawn il-kwalitajiet, jew jien qed nagħlaq għajnejja għalihom?’
Ħu l-Inizjattiva
Michael u Maria, li ġew kwotati fil-bidu, iddeċidew li jitolbu l-għajnuna dwar kif jistgħu jsolvu l-problemi tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, il-fatt li fittxew l-għajnuna huwa biss l-ewwel pass. Imma minħabba li kienu lesti li jiffaċċjaw il-problemi u jfittxu l-għajnuna, kemm Michael u kemm Maria wrew sinjal ċar li huma kkommettew ruħhom fiż-żwieġ tagħhom u li huma lesti biex jaħdmu iebes ħalli ż-żwieġ jirnexxi.
Kemm jekk iż-żwieġ tiegħek huwa stabbli u kemm jekk le, martek jew żewġek għandu bżonn ikun jaf li int ikkommettejt ruħek biex tagħmel iż-żwieġ wieħed li jirnexxi. Ħu kwalunkwe pass xieraq u meħtieġ biex tikkonvinċi lil martek jew żewġek dwar dan il-fatt. Lest int li tagħmel hekk?
a L-ismijiet ġew mibdulin.
b Waqt li l-eżempju hawnhekk hu dwar raġel li kien jara l-pornografija, mara li tagħmel l-istess ħaġa tkun daqstant ieħor qed turi nuqqas taʼ impenn fiż-żwieġ.
STAQSI LILEK INNIFSEK . . .
Liema attivitajiet nistaʼ nneħħi biex ikolli iktar ħin maʼ marti jew żewġi?
X’nistaʼ nagħmel biex nuri lil marti jew żewġi li jien inżomm l-impenn fiż-żwieġ tagħna?