LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 9/1 pp. 14-15
  • Tħoss li Alla ddiżappuntak?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tħoss li Alla ddiżappuntak?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KELLU ALLA L-​INTENZJONI LI N-​NIES IBATU?
  • GĦALA TEŻISTI T-​TBATIJA?
  • KIF ALLA JIRRANĠA L-​KWISTJONIJIET
  • NEGĦLBU D-​DIŻAPPUNT
  • Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Allat Krudili tal-Bnedmin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Faraġ għal Dawk li Jsofru
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Alla Għala Ppermetta L-Ħażen?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 9/1 pp. 14-15

Tħoss li Alla ddiżappuntak?

“GĦALA JIEN? Għaliex Alla ħallieni ngħaddi minn dan?” Dawn huma mistoqsijiet li ħawdu lil Sidnei, li għandu 24 sena u li hu mill-​Brażil. Wara li kellu aċċident fuq żurżieqa tal-​ilma, hu kellu juża siġġu tar-​roti b’mod permanenti.

Tbatija li tiġi minħabba aċċidenti, mard, mewt taʼ xi ħadd maħbub, diżastri naturali, jew gwerer tistaʼ faċilment iġġiegħel lin-​nies iħossu li Alla ddiżappuntahom. Din mhix xi ħaġa ġdida. Il-​patrijarka Ġob intlaqat minn gwaj wara l-​ieħor. B’mod żbaljat, ta t-​tort lil Alla, u qal: “Ngħajjatlek għall-​għajnuna, imma ma twiġibnix; inqum bil-​wieqfa, biex tagħti kasi. Tinbidel biex issir kiefer miegħi; bil-​qawwa kollha taʼ idek tattakkani.”—Ġob 30:20, 21.

Ġob ma kienx jaf is-​sors tal-​inkwiet tiegħu lanqas għala ġie fuqu jew għala tħalla jiġi fuqu. B’ferħ, il-​Bibbja tagħtina r-​raġuni għala ġrajjiet bħal dawn iseħħu kif ukoll tgħidilna kif għandna nirreaġixxu għalihom.

KELLU ALLA L-​INTENZJONI LI N-​NIES IBATU?

Il-​Bibbja tgħidilna dwar Alla: “Perfett għemilu, għax triqatu kollha huma ġustizzja. Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja; ġust u rett hu.” (Dewteronomju 32:4) Ladarba dan hu l-​każ, huwa dan konsistenti jew saħansitra jistaʼ wieħed jifhem kif Alla li hu “ġust u rett” ikollu l-​intenzjoni li l-​bnedmin ibatu jew li jinqeda bil-​gwaj biex jikkastigahom jew jippurifikahom?

Għall-​kuntrarju, il-​Bibbja tgħidilna: “Meta jkun għaddej minn prova, ħalli ħadd ma jgħid: ‘Alla qed jgħaddini minn prova.’ Għax Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” (Ġakbu 1:13) Fil-​fatt, mill-​Bibbja nitgħallmu li Alla ta bidu perfett lill-​umanità. Lill-​ewwel bnedmin, Adam u Eva, hu tahom dar sabiħa, il-​bżonnijiet kollha tal-​ħajja, u xogħol sodisfaċenti x’jagħmlu. Alla qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-​art u rażżnuha.” Adam u Eva ċertament li ma kellhom ebda raġuni jħossu li Alla ddiżappuntahom.—Ġenesi 1:28.

Imma l-​kundizzjonijiet tal-​ħajja llum huma ’l bogħod minn perfetti. Fil-​fatt, matul l-​istorja, l-​istat imwiegħer tal-​umanità kien u għadu aħrax. Hija minnha d-​deskrizzjoni: “L-​ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-​uġigħ flimkien.” (Rumani 8:22) X’ġara?

GĦALA TEŻISTI T-​TBATIJA?

Biex nifhmu għala teżisti t-​tbatija, irridu mmorru lura għaż-​żmien meta bdiet. Imħajrin minn anġlu ribelluż, li iktar tard issejjaħ Satana x-​Xitan, Adam u Eva ċaħdu l-​livelli t’Alla taʼ x’inhu tajjeb u ħażin kif rappreżentat mill-​kmand lilhom biex ma jiklux “mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin.” Ix-​Xitan qal lil Eva li ma kinux se jmutu jekk ma jobdux lil Alla, u b’hekk akkuża lil Alla li hu giddieb. Satana akkuża wkoll lil Alla li kien qed iżomm lura mis-​sudditi tiegħu d-​dritt li jiddeterminaw x’inhu tajjeb u ħażin. (Ġenesi 2:17; 3:1-​6) Satana tahom x’jifhmu li l-​umanità kienet se tkun aħjar mingħajr it-​tmexxija t’Alla. Dan kollu qajjem kwistjoni taʼ importanza vitali—Kien Alla kapaċi jmexxi?

Ix-​Xitan qajjem jerġaʼ kwistjoni oħra. Hu akkuża lill-​bnedmin li dawn jaqdu lil Alla b’motivi egoistiċi. Dwar il-​leali Ġob, ix-​Xitan qal lil Alla: “Ma bnejtx int innifsek ħajt madwaru dawramejt u madwar daru u madwar kulma għandu? . . . Imma issa midd idek, jekk jogħġbok, u miss kulma għandu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.” (Ġob 1:10, 11) Għalkemm kliem Satana kien dwar Ġob, dak li ried jgħid kien li l-​bnedmin kollha jaqdu lil Alla għal motivi egoistiċi.

KIF ALLA JIRRANĠA L-​KWISTJONIJIET

X’kien se jkun l-​aħjar mod kif dawn il-​kwistjonijiet importanti jiġu rranġati darba għal dejjem? Alla, li għandu għerf infinit, kellu l-​aħjar soluzzjoni—waħda li ma tħalliniex diżappuntati. (Rumani 11:33) Iddeċieda li jippermetti lill-​bnedmin jaħkmu lilhom infushom għal xi żmien u jħalli r-​riżultati jagħtu prova liema tmexxija tkun superjuri.

Il-​kundizzjonijiet miżeri fid-​dinja llum huma evidenza ċara li t-​tmexxija mill-​bniedem falliet għall-​aħħar. Mhux biss il-​gvernijiet tad-​dinja fallew f’li jġibu l-​paċi, is-​sigurtà, u l-​ferħ imma talli wasslu lid-​dinja f’xifer taʼ qerda wkoll. Dan isaħħaħ il-​verità fundamentali tal-​Bibbja: “Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Il-​mod taʼ kif Alla jmexxi biss jistaʼ jiggarantixxi paċi dejjiema, ferħ, u prosperità lill-​bnedmin, għax dan hu l-​iskop t’Alla.—Isaija 45:18.

Mela, Alla kif se jġib il-​kundizzjoni tal-​bniedem fi qbil mal-​iskop tiegħu? Ftakar li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:10) Iva, fiż-​żmien xieraq, permezz tas-​Saltna tiegħu, Alla se jneħħi dak kollu li jikkaġuna t-​tbatija. (Danjel 2:44) Il-​faqar, il-​mard, u l-​mewt se jkunu affarijiet tal-​passat. Rigward il-​foqra, il-​Bibbja tindika li Alla “se jeħles lill-​fqir li jgħajjatlu għall-​għajnuna.” (Salm 72:12-​14) U dwar il-​morda, il-​Bibbja twiegħed: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Saħansitra dwar dawk li qegħdin fil-​memorja t’Alla, Ġesù qal: “Ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) X’wegħdi li jinkuraġġuk!

Raġel li qiegħed f’siġġu tar-roti jqum bilwieqfa u jimxi

Fidi mibnija fuq il-wegħdi t’Alla tgħinna negħlbu kwalunkwe sentiment li Alla ddiżappuntana

NEGĦLBU D-​DIŻAPPUNT

Xi 17-​il sena wara l-​aċċident tiegħu, Sidnei, li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, qal: “Qatt m’għedt li l-​aċċident li kelli kien it-​tort t’Alla Ġeħova, imma jkolli nammetti li għall-​ewwel ħassejtni diżappuntat bih. Ikun hemm ġranet meta tassew inħossni mdejjaq, u nibki meta naħseb fuq id-​diżabilità fiżika tiegħi. Madankollu, permezz tal-​Bibbja wasalt biex nifhem li l-​aċċident ma kienx xi kastig minn Alla. Bħalma tgħid il-​Bibbja, ‘iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.’ It-​talb lil Ġeħova kif ukoll il-​qari taʼ skritturi speċifiċi saħħewni iktar spiritwalment u għenuni nibqaʼ pożittiv.”—Ekkleżjasti 9:11; Salm 145:18; 2 Korintin 4:8, 9, 16.

Li nżommu f’moħħna r-​raġunijiet għala Alla ppermetta t-​tbatija u kif l-​effetti tagħha dalwaqt jitreġġgħu lura jgħinna negħlbu kwalunkwe sentiment li jistaʼ jkollna li Alla ddiżappuntana. Aħna assigurati li Alla “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.” Ħadd minn dawk li jpoġġu l-​fidi fih u f’Ibnu ma jkun diżappuntat.—Ebrej 11:6; Rumani 10:11.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja