Nipproklamaw Il-Verità Kuljum Billi Nimitaw Lil Ġesù
1 Ġesù kellu xogħol speċifiku xi jwettaq meta ġie fuq l-art. Kien fil-fatt sempliċi: ‘Biex jagħti xiehda għall-verità.’ (Ġwann 18:37) Hu pproklama l-verità dwar il-kwalitajiet u l-iskopijiet meraviljużi taʼ Missieru. Dan ix-xogħol kien bħal ikel għalih; ħajtu kollha kienet imsawra madwaru. (Ġwann 4:34) Luqa rrapporta li Ġesù baqaʼ “jgħallem kuljum fit-tempju.” (Luqa 19:47) Ġesù għamel użu sħiħ mill-ħin għad-dispożizzjoni tiegħu. (Ġwann 9:4) Ftit qabel mewtu, setaʼ jiddikjara lil Missieru: “Jien igglorifikajtek fuq l-art, billi temmejt ix-xogħol li tajtni biex nagħmel.”—Ġwann 17:4.
2 Meta qlubna huma mimlijin b’apprezzament għal dak kollu li Jehovah għamel, bl-istess mod inħossuna mġegħlin li nitkellmu dwaru kuljum. Insiru sewwa sew bħad-dixxipli taʼ Ġesù li bi qlubija ddikjaraw: “Ma nistgħux nieqfu milli nitkellmu dwar l-affarijiet li rajna u smajna.” (Atti 4:20) Huma kienu jitkellmu dwar Jehovah b’mod kontinwu, għax ir-rakkont jistqarr li “kuljum . . . komplew bla heda.” (Atti 5:42) Aħna għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien imitatur taʼ l-Għalliem tiegħi, Ġesù?’
3 Nippridkaw B’Urġenza: Ġesù bassar li meta l-messaġġ tas-Saltna jkun ġie ddikjarat fid-dinja kollha, “[i]mbagħad se jiġi t-tmiem.” (Matt. 24:14) Dan għandu jimpressjona fuqna l-importanza u l-urġenza tax-xogħol tagħna. Billi hemm litteralment miljuni taʼ ħajjiet involuti, ma nistgħu nsibu xejn iktar importanti u taʼ benefiċċju x’nagħmlu. Ladarba din is-sistema t’affarijiet qed toqrob lejn tmiemha, iż-żmien li fadal biex jitlesta dan ix-xogħol huwa mnaqqas!
4 Rapporti juru li Jehovah qiegħed jgħaġġel il-ġbir taʼ wħud bħal ngħaġ. (Isa. 60:22) F’ħafna partijiet tad-dinja, in-nies qegħdin litteralment jinġemgħu lejn il-verità u, effettivament, jiddikjaraw mimlijin ferħ: “Aħna se mmorru magħkom, għax smajna li Alla qiegħed magħkom”! (Żakk. 8:23) Iżjed minn qatt qabel fil-passat, il-kliem taʼ Ġesù huwa veru: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. . . . Ittallbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu.” (Matt. 9:37, 38) Ma jispiraniex dan biex inkunu żelużi bħad-dixxipli taʼ Ġesù li “kienu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla”?—Luqa 24:53.
5 Nagħmlu L-Verità Magħrufa Kuljum: Kull ġurnata, għandna nfittxu modi biex naqsmu l-verità m’oħrajn. L-opportunitajiet qegħdin hemm. Tistaʼ tieħu ftit minuti biex iċċempel lil xi ħabib jew ħabiba jew lil xi qarib li int tħoss li se joqgħod jismaʼ? Jew xi ngħidu jekk tikteb ittra lil xi ħadd li ma rnexxilekx issibu d-dar? Għaddielek minn moħħok li tħalli fuljett maʼ sid il-ħanut meta tmur tixtri? X’aktarx li int tistaʼ taħseb f’ħafna iżjed opportunitajiet li għandek kuljum biex taqsam it-tama tiegħek m’oħrajn. Jekk tagħmel l-isforz u turi ftit qlubija, Jehovah se jgħinek.—1 Tess. 2:2.
6 Mela, hekk kif nibdew l-attivitajiet taʼ kull ġurnata, għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Se nieħu l-inizjattiva li naqsam it-tama tiegħi maʼ xi ħadd jekk tqum l-opportunità llum?’ Imita l-attitudni taʼ Ġesù, li spjega għala ġie mibgħut fid-dinja: “Irrid niddikjara l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.” (Luqa 4:43) Jekk irridu nkunu bħall-Għalliem tagħna, se nagħmlu l-istess.—Luqa 6:40.