Ibbenefika Mill-Iskola Tal-Ministeru Teokratiku Għall-1996—It-2 Parti
1 Ftit wara l-inawgurazzjoni taʼ L-Iskola Tal-Ministeru Teokratiku fl-1943, waħda mill-fergħat tas-Soċjetà rrapportat: “Dan l-arranġament tajjeb ħafna rnexxielu f’qasir żmien jgħin lil ħafna aħwa rġiel li kienu mmaġinaw li qatt ma se jkunu kelliema pubbliċi biex isiru effiċjenti ħafna fuq il-platform u iktar effettivi fl-għalqa.” L-iskola tkompli tipprovdi taħriġ eċċellenti, li lkoll kemm aħna għandna bżonn.
2 Qari Tal-Bibbja: Dawk li jiġu mogħtijin sehem bħala kelliema m’humiex l-uniċi li jibbenefikaw mill-iskola. Attwalment, ilkoll kemm aħna għandna inkarigu—il-qari tal-Bibbja kull ġimgħa. L-iskeda taʼ l-iskola turi liema kapitli tal-Bibbja għandhom jinqraw kull ġimgħa. Hemm ħafna tfakkiriet Skritturali li jenfasizzaw l-importanza tal-qari tal-Bibbja kuljum. (Ġoż. 1:8; Salm. 1:2; Atti 17:11) Il-qari tal-Bibbja huwa essenzjali għal saħħa spiritwali tajba; isostni l-moħħ u l-qalb. Jekk naqraw il-Bibbja minn taʼ l-inqas ħames minuti kuljum, se jirnexxilna nżommu maʼ l-iskeda. Fl-aħħar tas-sena, inkunu qrajna ’l fuq minn 150 kapitlu tal-Kelma t’Alla. Jekk inżommu Bibbja fil-qrib, għandu jirnexxilna naqraw ftit minnha kuljum.
3 Taħdita Taʼ Istruzzjoni: Sabiex iqanqal lill-aħwa għal servizz leali u żeluż, il-kelliemi li jagħti t-taħdita taʼ istruzzjoni jeħtieġ li juża metodi taʼ tagħlim tajbin, li jipprovdi fehma, u li jibni apprezzament lejn Jehovah, lejn il-Kelma tiegħu, u lejn l-organizzazzjoni tiegħu. L-anzjani u l-qaddejja ministerjali jistgħu jwettqu dan billi jippreparaw tajjeb, jibnu t-taħdita tagħhom madwar it-tema, jitkellmu b’konvinzjoni, u jagħmlu l-materjal ħaj. (Eb. 4:12) Huwa importanti li l-kelliemi jżomm mal-ħin mogħti lilu. Il-ktieb “All Scripture” huwa miżgħud b’testi mill-Bibbja u jippreżenta ammont kbir taʼ materjal Skritturali eċċitanti li nistgħu nibbenefikaw minnu spiritwalment. Il-ktieb Proclaimers fih l-istorja taż-żmien modern taʼ l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah u jirrakkonta ġrajjiet fil-ħajjiet taʼ nies li għexu verament u li wrew fidi, żelu, devozzjoni, u mħabba. Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu dwar il-wirt teokratiku tagħna u l-mod kif Jehovah bierek lin-nies tiegħu fiż-żminijiet moderni.
4 Punti Prinċipali Mill-Bibbja: L-aħwa rġiel mogħtijin dan l-inkarigu għandhom jagħżlu versi speċifiċi li jistgħu jiġu applikati b’mod prattiku għall-benefiċċju tal-kongregazzjoni. Dan jirrikjedi li jaqraw il-kapitli mogħtijin, jimmeditaw fuqhom, u jagħmlu tfittxija fuq il-versi magħżulin biex isibu punti li jiċċaraw it-tifsir taʼ dawk l-iskritturi. Fuq wara tal-Watch Tower Publications Index, hemm l-“iScripture Index,” li jistaʼ jkun t’għajnuna biex wieħed isib informazzjoni dwar versi speċifiċi mill-Bibbja. Aħwa rġiel li jkollhom din il-parti għandhom jużaw l-għaqal u jevitaw li jdaħħlu materjal li m’għandux x’jaqsam. M’għandhomx jippreparaw iktar materjal milli jistaʼ jiġi mgħoddi b’mod raġonevoli f’sitt minuti.
5 Ilkoll kemm aħna nistgħu nibbenefikaw mill-Iskola Tal-Ministeru Teokratiku. Tistaʼ tgħinna nitjiebu fl-abbiltà tagħna li nitkellmu u ngħallmu. Li nieħdu vantaġġ sħiħ minn dan il-provvediment żgur se jgħinna nagħmlu ‘l-mixi ’l quddiem tagħna jidher mill-persuni kollha.’—1 Tim. 4:15.