X’Nistaʼ Nagħmel Biex Xi Ħadd Jagħti Widen?
1 Fil-belt taʼ Filippi, “ċerta mara jisimha Lidja, bejjiegħa tal-vjola, . . . kienet qiegħda tagħti widen, u Jehovah fetħilha qalbha beraħ biex toqgħod attenta għall-affarijiet li kienu qegħdin jintqalu minn Pawlu.” (Atti 16:14) X’jgħallimna dan ir-rakkont? Meta wieħed jagħti widen ikun qiegħed jiftaħ it-triq għalih biex jitgħallem il-verità. Is-suċċess tagħna f’li naqsmu l-messaġġ tas-Saltna jiddependi primarjament fuq kemm jixtieq jagħti widen l-inkwilin. Ladarba xi ħadd jagħti widen, huwa relattivament faċli li nippreżentaw il-messaġġ tagħna. Imma li nagħmlu lil xi ħadd jagħti widen jistaʼ jkun taʼ sfida. X’nistgħu nagħmlu?
2 Qabel nieħdu sehem fis-servizz, għandna niflu d-dehra tagħna u t-tagħmir li se nkunu sejrin nużaw. Għala? In-nies huma iktar inklinati li jagħtu widen lil xi ħadd li jġib ruħu b’dinjità. Lebsin aħna kif jixraq imma b’modestà? Għalkemm l-iżmattar jistaʼ jkun popolari fid-dinja, aħna nevitaw traskuraġni bħal din għax aħna ministri li nirrappreżentaw lis-Saltna t’Alla. Id-dehra nadifa u pulita tagħna tagħti testimonjanza favorevoli għall-messaġġ tas-Saltna li aħna nxandru.
3 Kun Amikevoli u Rispettabbli: Minkejja l-attitudnijiet li dejjem jinbidlu tal-lum, ħafna nies għad għandhom rispett lejn il-Bibbja u jieħdu pjaċir b’konversazzjoni rispettabbli u amikevoli dwar dak li fiha l-Bibbja. Tbissima kordjali u ġenwina tistaʼ sserraħ moħħ l-inkwilin u tiftaħ it-triq għal diskussjoni sabiħa. Is-sinċerità u l-manjieri tajbin tagħna għandhom jidhru wkoll fil-kliem u fil-kondotta tagħna, li jinkludi li nisimgħu bir-rispett kollu dak li jixtieq jgħid l-inkwilin.
4 L-iskop tagħna huwa li naqsmu t-tama tal-Bibbja m’oħrajn. B’dan f’moħħna, għandna nkunu ċerti li l-kliem tagħna jkun jattira, mhux kuntrarju jew taʼ sfida. M’hemmx għalfejn naħlu ħin nargumentaw maʼ xi ħadd li jidher ċar li jopponi. (2 Tim. 2:23-25) Nistgħu nagħżlu minn varjetà kbira taʼ preżentazzjonijiet inkuraġġanti u f’waqthom ipprovduti lilna f’Il-Ministeru Tas-Saltna u l-ktejjeb “Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Mill-Bibbja.” M’għandniex xi ngħidu, irridu nippreparaw dawn sewwa biex inkunu nistgħu nitkellmu b’manjiera kordjali u konvinċenti.—1 Piet. 3:15.
5 Wara ż-żjara tagħna, ftit inkwilini jirnexxilhom jiftakru eżattament dak li għedna. Madankollu, kważi lkoll kemm huma jistgħu jiftakru l-manjiera li biha tkellimna. Qatt m’għandna nissottovalutaw il-qawwa tat-tjieba u l-qalb tajba. Ċertament li fit-territorju tagħna hemm ħafna nies bħal ngħaġ li se jagħtu widen għall-verità bħalma għamlet Lidja fl-ewwel seklu. Li nagħtu attenzjoni bir-reqqa lejn id-dehra tagħna u lejn il-mod taʼ kif nitkellmu jistaʼ jinkuraġġixxi lil uħud sinċieri biex jagħtu widen għall-Kelma t’Alla u jilqgħuha b’mod favorevoli.—Mark 4:20.