Qiegħed Int Timmaniġġa L-Kelma T’Alla Sewwa?
1 Ġesù Kristu kien l-aqwa għalliem li qatt għex fuq l-art. Hu tkellem b’mod li kien jilħaq il-qlub tan-nies, iqanqal l-emozzjonijiet tagħhom, u jimmotivahom biex jipprattikaw xogħlijiet tajbin. (Matt. 7:28, 29) Kien dejjem juża l-Kelma t’Alla bħala l-bażi għat-tagħlim tiegħu. (Luqa 24:44, 45) Hu ta l-kredtu lil Alla Jehovah taʼ dak kollu li kien jaf u li kien kapaċi jgħallem. (Ġwn. 7:16) Ġesù ħalla eżempju eċċellenti għas-segwaċi tiegħu billi mmaniġġa l-Kelma t’Alla sewwa.—2 Tim. 2:15.
2 L-appostlu Pawlu wkoll serva t’eżempju mill-aqwa billi mmaniġġa b’mod effettiv il-Kelma t’Alla. Hu għamel iktar milli sempliċement qara l-Iskrittura lil oħrajn; hu spjega u rraġuna fuq dak li qara, billi ppreżenta evidenza mill-Kelma t’Alla li Ġesù kien il-Kristu. (Atti 17:2-4) Bl-istess mod, id-dixxiplu elokwenti Apollo kien “midħla sewwa taʼ l-Iskrittura,” u mmaniġġaha sewwa waqt li għamel preżentazzjoni qawwija tal-verità.—Atti 18:24, 28.
3 Kun Għalliem Tal-Kelma T’Alla: Proklamaturi tas-Saltna fiż-żmien modern gawdew suċċess eċċellenti hekk kif għallmu lil nies taʼ qalb onesta billi rreferew għall-Bibbja u rraġunaw fuqha. F’każ minnhom, wieħed ħu rnexxielu juża Eżekjel 18:4 flimkien maʼ skritturi relatati biex jirraġuna maʼ kappillan u tlieta min-nies tal-parroċċa tiegħu fuq x’se jiġri mill-ħżiena u mit-tajbin. Bħala riżultat, xi membri tal-knisja bdew jistudjaw, u wieħed minnhom eventwalment aċċetta l-verità. F’każ ieħor, waħda oħt ġiet mitluba tispjega għala x-Xhieda taʼ Jehovah ma jiċċelebrawx il-Milied u għeluq is-snin lir-raġel taʼ waħda li kienet turi interess imma li żewġha kien jopponilha. Hekk kif qrat it-tweġibiet Skritturali direttament mill-ktieb Reasoning, ir-raġel esprima l-qbil tiegħu. Martu tant ferħet għax hu aċċetta li qalet: “Se nibdew nattendu l-laqgħat tagħkom.” U r-raġel qabel magħha!
4 Uża L-Għajnuna Li Hija Disponibbli: Il-Ministeru Tas-Saltna u l-programm tal-Laqgħa tas-Servizz joffru direzzjoni mill-aħjar biex jgħinuna nimmaniġġaw il-Kelma t’Alla. Ħafna pubblikaturi esprimew l-apprezzament għall-varjetà taʼ preżentazzjonijiet issuġġeriti li jiġu ppubblikati u murijin għall-benefiċċju tagħna u li wrew li huma f’waqthom u effettivi. Il-ktieb Reasoning From the Scriptures fih abbundanza taʼ ideat fuq kif wieħed jistaʼ jelabora fuq iktar minn 70 suġġett prinċipali li jissemmew fil-Kelma t’Alla. Il-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem jipprovdi ġabra fil-qosor tat-tagħlim fundamentali kollu li hemm fil-Bibbja li wħud ġodda għandhom bżonn jifhmu. L-istudji 24 u 25 tal-ktieb Theocratic Ministry School Guidebook juruna kif għalliema tas-sengħa jintroduċu, jaqraw, u japplikaw l-iskritturi kif suppost. Għandna nagħmlu użu tajjeb minn din l-għajnuna kollha li għandna għad-dispożizzjoni tagħna.
5 Meta nimmaniġġaw il-Kelma t’Alla sewwa, insibu li “hija ħajja u teżerċita qawwa u . . . kapaċi tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb” taʼ dawk li lilhom aħna nippridkaw. (Ebr. 4:12) Is-suċċess li ngawdu permezz tagħha se jqanqalna biex nitkellmu l-verità b’iktar qlubija minn qatt qabel!—Atti 4:31.