Ipprepara L-Preżentazzjoni Tiegħek Stess Bir-Rivisti
1 Aħna napprezzaw ir-rivisti taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake! għall-artikli f’waqthom u informattivi li fihom, li jkopru kollox minn kwistjonijiet fix-xena dinjija sa “l-affarijiet fondi t’Alla.” (1 Kor. 2:10) Ilkoll kemm aħna niftakru ħafna affarijiet ġodda u li jibnuna li qrajna f’dawn il-ġurnali, u li Jehovah qiegħed juża biex jirrivela b’mod progressiv il-verità. (Prov. 4:18) Għandna nkunu ħerqanin biex inqassmuhom f’kemm jistaʼ jkun postijiet.
2 Analizza T-Territorju Tiegħek: X’tip taʼ nies jgħixu fl-inħawi tiegħek? Jekk għandhom ħajja mgħaġġla, forsi jkollok bżonn tipprepara preżentazzjoni li hija qasira u li tmur f’ras il-għajn. Jekk għandek territorju fejn in-nies m’humiex daqshekk imħabbtin, forsi tkun tistaʼ tgħid xi ħaġa iktar. Jekk il-biċċa l-kbira taʼ l-inkwilini jaħdmu matul il-ġurnata, x’aktarx li jkollok iktar suċċess jekk iżżurhom tard wara nofs in-nhar jew kmieni fil-għaxija. Tistaʼ tikkuntattja lil xi wħud matul il-ġurnata permezz taʼ l-għoti taʼ xiehda fit-toroq jew minn ħanut għal ieħor. Xi pubblikaturi jiksbu riżultati tajbin billi javviċinaw lin-nies b’mod informali f’inħawi fejn jipparkjaw il-karozzi u f’ġonna pubbliċi.
3 Sir Midħla Tar-Rivisti: Aqra kull ħarġa hekk kif tirċeviha. Agħżel dawk l-artikli li tħoss li jistgħu jappellaw għan-nies fit-territorju tiegħek. Liema suġġetti jikkonċernawhom? Fittex xi punt speċifiku li tistaʼ tikkwota mill-artiklu li bi ħsiebek turi. Aħseb dwar xi mistoqsija li tistaʼ tqajjem biex tqanqal l-interess. Agħżel skrittura f’waqtha biex taqraha lill-inkwilin jekk tqum l-opportunità. Aħseb dwar x’tistaʼ tgħid biex issemmi l-arranġament tad-donazzjoni u kif tistaʼ tqiegħed il-pedament għal żjara lura.
4 Ipprepara L-Kliem Tiegħek Tal-Ftuħ: Agħżel bil-għaqal il-kliem li bi ħsiebek tuża biex tintroduċi lilek innifsek u biex tibda konversazzjoni. Xi wħud kellhom suċċess b’dan il-kumment tal-ftuħ: “Qrajt artiklu mill-isbaħ f’din ir-rivista, u nixtieq naqsmu m’oħrajn.” Ħafna jibdew b’mistoqsija li tiffoka fuq il-punt li bi ħsiebhom jużaw biex jitkellmu fuqu. Per eżempju:
5 Jekk se titkellem fuq artiklu dwar il-prevalenza tal-kriminalità, tistaʼ tistaqsi:
◼ “X’hemm bżonn biex aħna nkunu nistgħu norqdu bil-lejl mingħajr il-biżaʼ li niġu misruqin jew attakkati?” Spjega li għandek xi informazzjoni dwar soluzzjoni għal din il-problema. Is-soluzzjoni dalwaqt se tneħħi min-nofs ukoll kull tip ieħor taʼ diżordni soċjali. Irreferi għal xi ħaġa fir-rivista li toffri tama bħal din. Meta terġaʼ tmur, tistaʼ tiġbed l-attenzjoni taʼ l-inkwilin lejn kapitlu 1 tal-ktieb Għarfien.
6 Meta tkun se toffri artiklu fuq il-ħajja tal-familja, tistaʼ tgħid hekk:
◼ “Il-biċċa l-kbira tal-ġenituri jsibuha verament sfida biex irabbu familja f’dan iż-żmien. Inkitbu ħafna kotba fuq is-suġġett, imma saħansitra l-esperti ma jaqblux. Hemm xi ħadd li jistaʼ jipprovdi gwida taʼ min joqgħod fuqha?” Aqsam xi kumment speċifiku mir-rivista li juri l-parir għaqli misjub fil-Bibbja. Meta tagħmel iż-żjara lura, iddiskuti l-ħsibijiet Skritturali fuq kif trabbi t-tfal li hemm fil-ktieb Għarfien, paġni 145-8.
7 Meta toffri artiklu fuq xi problema soċjali, tistaʼ tgħid:
◼ “Ħafna nies iħossuhom taħt pressjoni minħabba ż-żminijiet stressanti li ngħixu fihom. Taħseb int li Alla ried li ngħixu b’dan il-mod?” Ipponta lejn artiklu li juri kif inkampaw mal-problemi tal-lum jew li jagħti raġuni għalfejn inħarsu ’l quddiem lejn futur li se jkun ħieles mill-anzjetà. Fiż-żjara tiegħek li jmiss, iddiskuti l-istampa u l-kliem miktub fuqha f’paġni 4-5 tal-ktieb Għarfien, u mbagħad idħol direttament għal studju tal-Bibbja fid-dar.
8 Addatta Skond L-Inkwilin: Se tiltaqaʼ maʼ nies li għandhom interessi u trobbija differenti. Ipprepara preżentazzjoni bażika li tistaʼ tirranġa skond kull inkwilin. Żomm f’moħħok kif tistaʼ taddatta dak li tgħid lil raġel, lil mara, lil persuna anzjana, jew lil xi żagħżugħ. M’hemm l-ebda regoli fissi dwar xi trid tgħid. Uża dak li tħossok komdu bih u li jikseb riżultati. Madankollu, kun entużjast, tkellem mill-qalb, u kun semmiegħ tajjeb. Dawk li huma “disposti sewwa” se jagħrfu s-sinċerità tiegħek u se jirreaġixxu b’mod favorevoli.—Atti 13:48.
9 Għinu Lil Xulxin: Billi naqsmu ideat maʼ xulxin, aħna nitgħallmu modi ġodda kif nesprimu lilna nfusna. Li nipprattikaw il-preżentazzjonijiet tagħna flimkien jagħtina l-esperjenza u l-kunfidenza. (Prov. 27:17) Jekk tipprattika dak li se tgħid, se tħossok iktar kalm fuq il-bieb. Huwa vitali li l-ġenituri jieħdu l-ħin biex jgħinu lit-tfal tagħhom ħalli jippreparaw, jagħtu widen hekk kif jipprattikaw il-preżentazzjoni tagħhom, u joffru suġġerimenti għal titjib. Uħud ġodda jistgħu jibbenefikaw billi jaħdmu maʼ pubblikaturi b’iktar esperjenza.
10 M’għandux għalfejn ikun diffiċli li tipprepara l-preżentazzjoni tiegħek stess bir-rivisti. Hija sempliċement kwistjoni taʼ li żżomm xi ħaġa speċifika f’moħħok xi tgħid u mbagħad tesprimiha b’mod li jappella. Bi ftit inizjattiva u ħsieb minn qabel, tistaʼ toħloq preżentazzjoni mill-aqwa li jkollha rispons tajjeb.
11 It-tqassim tar-rivisti huwa wieħed mill-modi ewlenin taʼ kif inxerrdu l-messaġġ tas-Saltna mad-dinja kollha. Jekk tistaʼ tpoġġi fl-idejn taʼ wħud sinċieri It-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake!, ir-rivisti jistgħu jitkellmu għalihom infushom. Ftakar dejjem fil-valur tagħhom u kif il-messaġġ tagħhom jistaʼ jsalva l-ħajjiet. Dan it-tip taʼ xogħol li ‘nagħmlu l-ġid u naqsmu l-affarijiet maʼ ħaddieħor’ huwa dak li jogħġob ferm lil Jehovah.—Ebr. 13:16.