Ikkwalifikati u Mgħammrin Biex Ngħallmu Lil Oħrajn
1 Meta Mosè ġie maħtur bħala r-rappreżentant taʼ Jehovah, hu ma ħassux ikkwalifikat biex jiddikjara l-kelma t’Alla lil Farawni. (Eżo. 4:10; 6:12) Ġeremija wera li ma kienx kunfidenti li hu kapaċi jaqdi bħala l-profeta taʼ Jehovah, billi qal lil Alla li hu ma kienx jaf jitkellem. (Ġer. 1:6) Għalkemm għall-ewwel it-tnejn li huma ma kinux kunfidenti, dawk iż-żewġ profeti wrew li kienu xhieda bla biżaʼ għal Jehovah. Alla kkwalifikahom b’mod adegwat.
2 Illum, grazzi għal Jehovah, aħna għandna dak li neħtieġu biex inwettqu l-ministeru tagħna b’mod kunfidenti. (2 Kor. 3:4, 5; 2 Tim. 3:17) Bħal mekkanik ikkwalifikat b’sett sħiħ t’għodda, aħna mgħammrin kif jixraq biex inwettqu b’sengħa l-ministeru li ġejna inkarigati bih. F’Jannar sejrin noffru Il-Ktieb Tiegħi Taʼ Stejjer Mill-Bibbja. Dan il-ktieb issodisfa bżonn. Ġenituri li huma interessati f’li jgħallmu lil uliedhom għandhom bżonn ktieb maħsub għal dak l-għan. Meta joffru l-ktieb Stejjer Tal-Bibbja minn bieb għal bieb, ħafna jħossu li, jekk jirnexxilhom ipoġġuh f’idejn l-inkwilin, dan se joffri lilu nnifsu. Il-ktieb huwa sempliċi imma m’huwiex tal-vavi. Il-ħafna stampi li fih jappellaw għall-imħuħ ċkejknin. L-istejjer qosra, irrakkontati b’mod imżewwaq, jiġbdu l-attenzjoni taż-żgħar. It-tfal għandhom bżonn xi ħaġa li tislet il-lezzjonijiet u l-prinċipji minn storja tal-Bibbja u tispjegahom b’mod li mħuħ żgħar jistgħu jifhmuh. Ħafna kbar isibu li l-mod sempliċi u dirett li bih jidħol għall-Bibbja huwa rifreskanti; toqgħodx taħsibha biex toffrihulhom.
3 Is-suġġett taʼ l-edukazzjoni jistaʼ jiġi wżat biex joħloq l-interess. Tistaʼ tibda konversazzjoni billi tgħid:
◼ “Illum insibu enfasi kbira fuq il-bżonn t’edukazzjoni taʼ kwalità. Fl-opinjoni tiegħek, liema xorta t’edukazzjoni għandu wieħed ifittex biex jaċċerta ruħu li jkollu l-akbar hena u suċċess fil-ħajja? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Jistgħu jinkisbu benefiċċji dejjiema minn dawk li jieħdu għarfien dwar Alla. [Aqra Proverbji 9:10, 11.] Dan il-ktieb li jismu Il-Ktieb Tiegħi Taʼ Stejjer Mill-Bibbja ġie miktub biex jiżviluppa l-abbiltà tat-tfal li jaqraw, u fl-istess ħin, jitgħallmu l-affarijiet fundamentali tal-Kelma t’Alla. Per eżempju, storja 58 tenfasizza l-kwalitajiet taʼ li nistrieħu u nafdaw f’Alla meta tirrakkonta dwar kif David iġġieled kontra l-ġgant Filistej Gulija. (1 Sam. 17:45-51) Xi kultant it-tfal jiffaċċjaw ostakli li jkunu jidhru ġganteski għalihom.” Jekk ikun hemm interess ġenwin, ħalli l-ktieb u irranġa għal żjara lura.
4 Meta tmur lura għand inkwilin li miegħu tkun iddiskutejt dwar l-importanza t’edukazzjoni Biblika, tistaʼ tgħid:
◼ “Fl-aħħar żjara tiegħi, iddiskutejna dwar il-Bibbja bħala li hija s-sors t’edukazzjoni li jistaʼ jassigura l-futur dejjiemi tagħna. M’għandniex xi ngħidu, jinvolvi sforz biex nitgħallmu dak li hemm bżonn insiru nafu mill-Iskrittura. [Aqra Proverbji 2:1-5.] Ħafna nies isibuha diffiċli biex jifhmu ċerti siltiet mill-Bibbja u minħabba f’hekk ma jkunux jistgħu jwieġbu xi mistoqsijiet li jistaqsuhom uliedhom. Il-Ktieb Tiegħi Taʼ Stejjer Mill-Bibbja jgħin lill-kbar u liż-żgħar biex jitgħallmu iktar dwar it-tagħlim bażiku tal-Bibbja.” Mur fi storja 98 u spjega kif nafu li Ġesù dalwaqt se jtemm il-ħażen. Jekk l-inkwilin jixtieq li jkollu studju regulari, spjega li se terġaʼ tiġi bil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem li jgħin lil dak li jkun jistudja.
5 Ħafna nies jiddispjaċihom meta jisimgħu bis-sofferenza taʼ miljuni taʼ tfal fid-dinja. Forsi tistaʼ tgħin lill-inkwilin biex jara kif Alla jħares lejn din il-qagħda kerha, billi tgħid:
◼ “Bla dubju int smajt b’rapporti fl-aħbarijiet dwar tfal madwar il-globu li huma bil-ġuħ, morda, u abbandunati. Organizzazzjonijiet ikkonċernati għala ma rnexxilhomx itejbu s-sitwazzjoni? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Alla jixtieq biss l-aqwa għall-bnedmin. Innota x’iwiegħed lit-tfal u lill-kbar, kif iddokumentat fil-Bibbja. [Aqra Rivelazzjoni 21:4.] Dan il-ktieb li jismu Il-Ktieb Tiegħi Taʼ Stejjer Mill-Bibbja jipprovdi iktar dettalji dwar dinja magħmula minn Alla fejn is-sofferenza se tintemm.” Jekk hu possibbli, mur fl-istampa li hemm fi storja 71 li turi l-Ġenna, u tkellem dwarha. Offri l-ktieb, u irranġa għal żjara oħra.
6 Jekk fl-ewwel darba tkellimt dwar is-sofferenza tat-tfal, fiż-żjara li jmiss tistaʼ tkompli d-diskussjoni billi tgħid:
◼ “L-aħħar darba li kont hawn, int urejt tħassib dwar il-qagħda kerha tat-tfal li jsofru minħabba familji mifrudin, ġuħ, mard, u vjolenza. Huwa taʼ faraġ li naqraw fil-Bibbja dwar dinja fejn la t-tfal u lanqas il-kbar m’huma se jsofru l-mard, l-uġigħ, jew il-mewt. Profezija fil-ktieb taʼ Isaija tiddeskrivi ħajja aħjar li se jkun hawn fuq l-art.” Erġaʼ mur fi storja 71 u semmi xi punti prinċipali minn Isaija 11:6-9. Wassal għal studju eventwali tal-Bibbja fil-ktieb Għarfien.
7 Peress li d-drawwa tat-talb hija komuni għal nies reliġjużi, tistaʼ tibda konversazzjoni fuq dan is-suġġett billi tgħid:
◼ “Ħafna nies reliġjużi li nitkellmu magħhom jgħallmu lil uliedhom it-talba tal-Missierna. Taħseb int li l-biċċa l-kbira tat-tfal jifhmuha dik it-talba?” Ħalli ħin għal tweġiba. Aqra Mattew 6:9, 10, fil-waqt li tipponta lejn l-affarijiet ewlenin li jsemmi Ġesù fit-talba mudell tiegħu. Uri storja 91 f’Il-Ktieb Tiegħi Taʼ Stejjer Mill-Bibbja li tispjega t-tifsir tat-talba tal-Missierna fi kliem li huwa faċli biex tispjegah lil tifel jew tifla, u offri l-ktieb.
8 Meta tmur lura biex tkompli diskussjoni li tkun bdejt dwar it-talb, tistaʼ tipprova dan il-mod:
◼ “Ħadt gost bil-konversazzjoni li kellna fuq is-suġġett tat-talb. F’xi perijodu f’ħajjitna, il-biċċa l-kbira minna ġarrabna problemi li qanqluna biex nitolbu lil Alla għall-għajnuna. Madankollu, ħafna jħossu li t-talb tagħhom ma jiġix imwieġeb. Taħseb int li Alla verament jagħti widen għat-talb? Int bla dubju se ssib taʼ gwida tajba l-ħsibijiet taʼ Ġesù dwar dak li għandna nitolbu għalih.” Aqra Mattew 6:9, 10, fil-waqt li tipponta lejn l-affarijiet ewlenin li jsemmi Ġesù fit-talba mudell tiegħu. Uri kapitlu 16, “Kif Tistaʼ Tersaq Qrib Lejn Alla,” fil-ktieb Għarfien, u staqsi jekk tistax turi kif jiġi studjat il-materjal.
9 Nirringrazzjaw lil Jehovah għall-Iskrittura Mqaddsa li permezz tagħha “l-bniedem t’Alla jistaʼ jkun kompetenti għalkollox, mgħammar bis-sħiħ għal kull xogħol tajjeb.” (2 Tim. 3:17) Aħna grati wkoll għal kotba bħalma huwa l-ktieb Stejjer Mill-Bibbja. Napprezzaw il-valur tiegħu u ferħanin li nistgħu noffruh lil oħrajn matul ix-xahar taʼ Jannar.