Ħu Sehem Fix-Xogħol Li Qatt Ma Se Jerġaʼ Jseħħ
1 F’diversi żminijiet matul l-istorja taʼ l-umanità, kien hemm il-bżonn li Jehovah jesegwixxi ġudizzju fuq l-għedewwa tiegħu. Madankollu, minħabba l-ħniena tiegħu, hu pprovda lil uħud b’qalb sinċiera opportunità għal salvazzjoni. (Salm 103:3) Il-mod kif aġixxew iddetermina d-destin tagħhom.
2 Biex nagħtu eżempju, qabel id-Dilluvju, fis-sena 2370 Q.E.K., Noè kien “predikatur tat-tjieba.” Dawk li għebu kienu dawk li ma tawx kas tat-twissija divina. (2 Piet. 2:5; Ebr. 11:7) Qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K., Ġesù wera biċ-ċar l-azzjoni li wieħed kellu jieħu sabiex jeħlisha mill-qerda li kellha ġġarrab il-belt. Dawk kollha li ċaħdu l-messaġġ tiegħu taʼ twissija batew konsegwenzi koroh. (Luqa 21:20-24) Twissijiet u ġudizzji divini bħal dawn ġew ripetuti ħafna drabi matul l-istorja.
3 Xogħol Taʼ Twissija Fi Żmienna: Ħafna żmien ilu Jehovah iddikjara li hu kien se jiżvoga r-rabja tiegħu kontra s-sistema mill-agħar tal-lum u li l-ġwejdin biss kellhom isalvaw. (Sof. 2:2, 3; 3:8) Iż-żmien biex inxandru dan il-messaġġ taʼ twissija wasal biex jispiċċa! It-“tribulazzjoni l-kbira” tinsab wara l-kantuniera, u wħud ġwejdin qegħdin issa jinġabru. Tabilħaqq, l-“għelieqi” huma “bojod għall-ħsad.” Għalhekk, l-ebda xogħol ieħor ma jistaʼ jitqabbel maʼ dan inkwantu għall-importanza u l-urġenza.—Matt. 24:14, 21, 22; Ġwn. 4:35.
4 Irridu nieħdu sehem f’li nsemmgħu lil oħrajn it-twissija taʼ żmienna, “kemm jekk jisimgħu u kemm jekk ma jisimgħux.” Dan hu inkarigu mogħti mingħand Alla li ma nazzardawx ninjorawh. (Eżek. 2:4, 5; 3:17, 18) Li nieħdu sehem sħiħ f’dan ix-xogħol jipprovdi turija konvinċenti taʼ l-imħabba profonda tagħna lejn Alla, tat-tħassib ġenwin tagħna fil-ġirien tagħna, u tal-fidi tagħna li ma titħarrikx fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.
5 Issa Hu Ż-Żmien Li Naġixxu: Wara ġudizzji li wettaq Jehovah fl-imgħoddi, il-ħażen dejjem reġaʼ nibet mill-ġdid għax Satana u d-demonji tiegħu kienu għadhom attivi. Madankollu, din id-darba se tkun xi ħaġa differenti. L-influwenza satanika se tiġi eliminata. Ma se jkun hemm bżonn qatt iktar taʼ twissija globali dwar “tribulazzjoni kbira” li ġejja dalwaqt. (Riv. 7:14; Rum. 16:20) Aħna għandna l-privileġġ speċjali li nagħmlu parti minn xogħol li qatt ma se jirrepeti ruħu. Issa hu ż-żmien li napprofittaw ruħna kemm jistaʼ jkun minn din l-opportunità.
6 Rigward l-attività tiegħu taʼ l-ippridkar, l-appostlu Pawlu, b’konvinzjoni kbira, stqarr: “Jien nadif mid-demm tal-bnedmin kollha.” (Atti 20:26) Hu ma ħassux ħati taʼ demm minħabba li naqas li jsemmaʼ t-twissija. Għala le? Għaliex hu setaʼ jgħid dwar il-ministeru tiegħu: “Għal dan l-għan jien qiegħed tabilħaqq naħdem iebes, nistinka ruħi.” (Kol. 1:29) Ejjew ingawdu l-istess sodisfazzjon taʼ li nieħdu sehem sa l-iktar punt possibbli fix-xogħol li qatt ma se jerġaʼ jsir!—2 Tim. 2:15.