Xi Ngħidu Għal Qrabatek?
1 Il-biċċa l-kbira minna għandna bosta qraba li m’humiex fil-verità. Kemm nixtiequ li wħud maħbubin bħal dawn jingħaqdu magħna fit-triq għall-ħajja! It-tħassib tagħna dwar il-futur dejjiemi tagħhom jistaʼ jkun akbar meta dawn ikunu membri tad-dar tagħna stess. Għalkemm ilna nipprovaw għal snin sħaħ biex ninteressawhom fil-verità, m’għandniex nikkonkludu li m’hemm l-ebda tama.
2 Meta Ġesù wettaq l-ippridkar tiegħu, “ħutu, fil-fatt, ma kinux qegħdin jeżerċitaw fidi fih.” (Ġwn. 7:5) Darba minnhom, qrabatu ħasbuh li kien tilef moħħu. (Mark 3:21) Madankollu, Ġesù ma qatax qalbu minnhom. Maż-żmien, ħutu aċċettaw il-verità. (Atti 1:14) Ġakbu, ħuh mill-omm, sar pilastru fil-kongregazzjoni Kristjana. (Gal. 1:18, 19; 2:9) Jekk int tixtieq li jkollok il-ferħ li tara lil qrabatek iħaddnu l-verità, tiqafx tipprova li twasslilhom l-aħbar tajba tas-Saltna.
3 Kun Rifreskanti, u Mhux Tesaġera: Meta Ġesù ppriedka lil oħrajn, is-semmiegħa tiegħu ħassewhom irrifreskati, u mhux imħawdin. (Matt. 11:28, 29) Ma mlilhomx moħħhom b’tagħlim li ma setgħux jifhmuh. Biex int taħji lil qrabatek bl-ilmijiet tal-verità, agħtihom kikkra kull darba, u mhux barmil! Wieħed indokratur li jivvjaġġa osserva: “L-aħjar riżultati jinkisbu minn dawk li jqajmu l-kurżità fi qrabathom billi jagħtuhom xiehda naqra naqra.” B’dan il-mod, anki dawk li jopponu jistgħu jibdew jistaqsu xi mistoqsijiet u eventwalment jiżviluppaw għatx għall-verità.—1 Piet. 2:2; qabbel 1 Korintin 3:1, 2.
4 Ħafna Kristjani miżżewġin taw xiehda b’mod effettiv lill-imseħbin tagħhom mhux kredenti billi ħallew xi letteratura miftuħa f’ċertu suġġett li jistaʼ jinteressahom. Waħda oħt li għamlet dan kienet tikkonduċi wkoll studju maʼ wliedha f’post fejn ikun jistaʼ jismagħha żewġha, billi tagħti spjegazzjonijiet li jkunu taʼ benefiċċju għalih. Xi kultant kienet tistaqsih: “Tgħallimt hekk u hekk illum fl-istudju tiegħi. X’taħseb dwaru?” Ir-raġel tagħha fl-aħħar aċċetta l-verità.
5 Uri Rispett, u Mhux Nuqqas Taʼ Paċenzja: Waħda pubblikatriċi qalet li “anki l-qraba għandhom dritt għall-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom stess.” Mela rridu nuru rispett meta dawn jgħidu kif jaħsbuha jew meta jitolbuna b’mod speċifiku biex ma nkellmuhomx dwar il-verità. (Ekkl. 3:7; 1 Piet. 3:15) Billi nkunu paċenzjużi u kollna mħabba u billi nkunu semmiegħa tajbin, nistgħu nfittxu opportunitajiet xierqa biex nagħtu xiehda bit-tattika. Paċenzja bħal din tistaʼ tkun premjanti, kif ġara fil-każ taʼ raġel Kristjan li għal 20 sena ssaporta bil-paċenzja l-maltrattament taʼ martu mhix kredenta. Malli hi bdiet tinbidel, hu qal: “Kemm jien grat lejn Jehovah li għenni nikkultiva s-sabar fit-tul, għax issa nistaʼ nara r-riżultat: Marti bdiet timxi fil-mogħdija tal-ħajja!”
6 Xi ngħidu għal qrabatek? Jistaʼ jkun li permezz tal-kondotta Kristjana tajba tiegħek u tat-talb tiegħek li toffri għalihom, “għandek mnejn tirbaħhom għal Jehovah.”—1 Piet. 3:1, 2, nota taʼ taħt.