“Uru Li Intom Grati”
1 Il-biċċa l-kbira minna ġejna mħarrġin fit-tfulija biex ngħidu “jekk jogħġbok” u “grazzi” meta xi ħadd kien ikun dħuli jew juri qalb tajba magħna. Pawlu jwiddibna biex dejjem ‘nuru li aħna grati,’ u rridu nkunu grati speċjalment lejn Jehovah. (Kol. 3:15, 16) Imma kif nistgħu nesprimu l-gratitudni tagħna lejn il-Ħallieq Grandjuż tagħna? U liema raġunijiet speċjali għandna biex inkunu grati lejh?
2 L-appostlu Pawlu kiteb: “Niżżu ħajr lil Alla, għax hu jagħtina r-rebħa permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu!” (1 Kor. 15:57) Kull sena fi żmien il-Mafkar, niġu mfakkrin dwar l-imħabba bla limiti li wrew kemm Alla u kemm Kristu billi pprovdew ir-rahan li jagħtina t-tama taʼ ħajja eterna. (Ġwn. 3:16) Peress li kważi lkoll kemm aħna mitilna xi ħadd maħbub, kemm aħna grati għall-wegħda li għamel Ġesù dwar l-irxoxt! Qlubna jfuru bil-gratitudni meta naħsbu fuq il-prospett taʼ li nsalvaw fit-tmiem taʼ din is-sistema mingħajr ma qatt xi darba mmutu. (Ġwn. 11:25, 26) Huwa diffiċli li nsibu l-kliem biex nesprimu l-gratitudni għall-barkiet meraviljużi kollha li għad irridu nesperjenzaw b’dak li se jagħmel Jehovah fil-Ġenna taʼ l-art li ġejja. (Riv. 21:4) X’raġunijiet aħjar jistaʼ wieħed ikollu biex ‘juri li hu grat’ lejn Alla?
3 Kif Nesprimu L-Gratitudni Lejn Alla: Huwa dejjem xieraq li nesprimu l-gratitudni tagħna fit-talb lil Jehovah għal tjubitu. (Salm 136:1-3) Niġu mqanqlin, ukoll, li nuru l-gratitudni tagħna lejh b’modi pożittivi oħrajn. Per eżempju, ċertament li se nattendu l-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu nhar il-Ħadd, 23 taʼ Marzu. Aħna bil-ferħ ‘nonoraw lil Jehovah bl-affarijiet taʼ valur tagħna’ biex nieħdu ħsieb il-bżonnijiet materjali tal-kongregazzjoni lokali u tax-xogħol madwar id-dinja. (Prov. 3:9) Nappoġġjaw bis-sħiħ lill-anzjani u nimxu id f’id magħhom, u b’hekk nuru l-gratitudni tagħna lejn Jehovah taʼ l-għajnuna li jipprovdilna permezz tagħhom. (1 Tess. 5:12, 13) Kuljum, nistinkaw biex inżommu kondotta nadifa li tigglorifika l-isem t’Alla. (1 Piet. 2:12) Jehovah jifraħ b’dawn l-evidenzi kollha tal-gratitudni tagħna.—1 Tess. 5:18.
4 L-Aħjar Espressjoni Taʼ Gratitudni Tagħna: Li jkollna sehem b’ruħ sħiħa fix-xogħol tax-xandir tas-Saltna, li nonoraw isem Jehovah, li nesprimu l-gratitudni fit-talb, u li niddefendu lealment il-verità huma fost l-aħjar espressjonijiet taʼ gratitudni mill-qalb li nistgħu nagħtu lill-Ħallieq tagħna għal dak kollu li għamel għalina. Jehovah jitgħaxxaq jarana nagħtuh atti taʼ servizz sagru fi qbil mar-rieda tiegħu “li kull xorta taʼ bnedmin għandhom jiġu salvati.” (1 Tim. 2:3, 4) Dan hu għaliex ħafna pubblikaturi li sabuha possibbli qegħdin iwieġbu għas-sejħa li dehret f’Il-Ministeru Tas-Saltna taʼ Frar biex jieħdu sehem bħala pijunieri awżiljarji matul wieħed jew iktar mix-xhur taʼ Marzu, April, u Mejju. Li nagħmlu sforz iktar mis-soltu fil-ministeru huwa mod mill-aħjar kif ‘nuru li aħna grati’ lejn Alla. Se tkun tistaʼ tingħaqad maʼ l-armata tal-pijunieri f’April? f’Mejju?
5 Aħna ġejna mogħtijin tama żgura li se ngħixu għal dejjem. Meta naraw dan iseħħ, se jkollna iktar raġunijiet kbar kuljum għalfejn inkomplu nuru l-gratitudni tagħna mimlija ferħ lejn Jehovah.—Salm 79:13.