Nagħtu Xiehda Lil Nies Taʼ Kull Lingwa U Reliġjon
1 Fl-ewwel seklu l-Kristjani taw xiehda żeluża lil nies li kienu jitkellmu b’lingwi oħrajn u li kellhom reliġjonijiet differenti. B’riżultat taʼ dan, “sas-sena 100 x’aktarx li kull provinċja li kienet tmiss mal-Mediterran kien fiha komunità Kristjana.”—History of the Middle Ages.
2 Hawn Malta, ħafna nies jitkellmu lingwi oħrajn minbarra l-Malti. Hawn ħafna negozjanti, ħaddiema u turisti barranin. Xi wħud li jipprattikaw diversi reliġjonijiet mhux Kristjani immigraw hawnhekk, inklużi xi wħud li huma Buddisti, Ħindu, Lhud u Musulmani. Minħabba din il-varjetà taʼ lingwi u reliġjonijiet, hija taʼ sfida mhux ħażin li nkunu nafu nkellmu u nagħtu xiehda lil dawn in-nies kollha meta niltaqgħu magħhom. Fil-fatt, jistaʼ jkollna territorju missjunarju fil-lokalità tagħna stess. Kif nistgħu nsegwu l-kmandi taʼ Ġesù ‘biex inxandru lill-poplu u nixhdu’ bir-reqqa lil nies taʼ kull lingwa u reliġjon?—Atti 10:42.
Nagħtu Xiehda lil Nies li Jitkellmu b’Lingwa Oħra
3 Żjieda kbira fil-pubblikaturi ġodda ġejja minn fost il-popolazzjoni li titkellem b’lingwi barranin f’ħafna pajjiżi tad-dinja. Fil-Gran Britannja ġew stabbiliti kongregazzjonijiet f’16-il lingwa barranija, u hemm gruppi f’7 lingwi oħrajn. Madankollu, għadu jistaʼ jitwettaq iktar kemm fil-Gran Britannja u kemm f’Malta.
4 Nissuperaw l-Ostaklu tal-Lingwa: Ma hemm l-ebda dubju li ħafna nies jitgħallmu ħafna iktar malajr u jifhmu iktar fil-fond meta jiġu mgħallmin f’ilsien pajjiżhom. “Minħabba l-Evanġelju” u sabiex huma ‘jkollhom sehem minnu’ maʼ oħrajn, ħafna aħwa rġiel u nisa tgħallmu lingwa oħra. (1 Kor. 9:23) Għalkemm waħda oħt li titkellem bl-Ingliż kienet ilha għal snin sħaħ tagħti r-rivisti lil waħda mara li titkellem biċ-Ċiniż, din irrifjutat li tistudja l-Bibbja sakemm waħda oħt oħra, li kienet qiegħda titgħallem iċ-Ċiniż, offritilha ktieb f’dik il-lingwa. Mill-ewwel ġie aċċettat flimkien maʼ studju. Dak li għamel differenza kien l-isforz tat-tieni oħt biex titkellem ftit kliem fil-lingwa tal-mara stess.—Qabbel Atti 22:2.
5 Kien għal din ir-raġuni tajba li It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Frar, 1993, jagħmel dan il-kumment: “It-tagħlim taʼ lingwa barranija . . . mhux biss jiżviluppa l-kapaċità mentali taż-żgħażagħ imma wkoll jagħmilhom iktar utli għall-organizzazzjoni taʼ Jehovah.” Ħafna membri tal-familja Betel daħlu għall-isfida li jitgħallmu lingwa ġdida. B’dan il-mod, aħwa rġiel kienu taʼ għajnuna partikulari f’kongregazzjonijiet fejn huma meħtiġin biex jieħdu t-tmexxija. Jekk taf xi lingwa oħra jew jekk int lest li titgħallem, int ukoll għandek mnejn tkun tistaʼ tagħti għajnuna lil xi kongregazzjoni jew grupp taʼ lingwa barranija.—Mt. 9:37, 38.
6 Wieħed ħu fi Florida li tgħallem il-Vjetnamiż qabel ma daħal fil-verità, issa qed isib ferħ kbir f’li jaqsam l-aħbar tajba maʼ nies li jitkellmu l-Vjetnamiż. Biex jagħmel lilu nnifsu iktar disponibbli li juża l-għarfien tiegħu taʼ dik il-lingwa għall-għoti taʼ xiehda, flimkien mal-familja tiegħu vvjaġġa n-naħa l-oħra tal-pajjiż lejn fejn il-bżonn huwa akbar fil-qasam Vjetnamiż. Minn mindu mar joqgħod hemm, qiegħed ikollu suċċess kbir f’li jistudja l-Bibbja maʼ ħafna nies mill-Vjetnam.
7 Waħda pijuniera f’Kalifornja kienet tiltaqaʼ maʼ diversi nies torox fit-territorju tagħha. Hija talbet lil Jehovah biex jgħinha ssib lil xi ħadd li jkun jistaʼ jgħallimha tikkomunika bis-sinjali sabiex tkun tistaʼ tgħallimhom il-verità. Darba waħda waqt li kienet qiegħda tixtri f’supermarket fil-viċin, waħda żagħżugħa truxa resqet lejha u kitbet nota li fiha staqsietha biex tgħinha ssib prodott. Wara li għenitha ssibu, il-pijuniera kitbet nota li fiha esprimiet ix-xewqa tagħha li titgħallem tikkomunika bis-sinjali sabiex tgħin lit-torox f’dawk l-inħawi. Imbagħad il-mara truxa kitbet din il-mistoqsija, “Għala trid tgħin lit-torox?” L-oħt kitbet lura: “Jien waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, u rrid ngħin lit-torox jifhmu l-Bibbja. Jien lesta li ngħallmek il-Bibbja jekk int tgħallimni nikkomunika bis-sinjali.” L-oħt tgħid: “Ma tistax timmaġina x’ferħ ħassejt meta hi qalet ‘Orrajt.’” L-oħt kienet tmur għand il-mara kull fil-għaxija għal sitt ġimgħat. Hi tgħallmet tikkomunika bis-sinjali, u l-mara truxa tgħallmet il-verità u tgħammdet! Dan ġara ’l fuq minn 30 sena ilu, u l-oħt pijuniera għadha tagħti xiehda lit-torox u qiegħda issa tissieħeb maʼ kongregazzjoni li tikkomunika bis-sinjali.
8 Nużaw l-Għodda li Hija Pprovduta: Il-letteratura tagħna hija disponibbli f’ħafna lingwi barranin. Ikun tajjeb li ġġorr fuljetti—jew jekk l-ebda kongregazzjoni taʼ lingwa barranija m’hi qiegħda taħdem l-istess territorju, il-brochure X’Jirrikjedi—fil-lingwi li huma mitkellma fit-territorju tiegħek. Jekk ikun ovvju li l-Ingliż m’huwiex il-lingwa ewlenija taʼ dak li jkun, staqsih b’liema lingwa jaqra. Dan jistaʼ jżidlek l-għażliet dwar liema letteratura tistaʼ toffri. Per eżempju, wieħed li jitkellem bl-Urdu jistaʼ wkoll ikun kapaċi jaqra l-Għarbi.
9 Saħansitra jekk ma titkellimx il-lingwa taʼ l-individwu li tiltaqaʼ miegħu fl-attività taʼ l-għoti taʼ xiehda, int xorta tistaʼ tippreżentalu l-aħbar tajba. Kif? Billi tuża l-ktejjeb Good News for All Nations. Dan fih messaġġ stampat fil-qosor f’59 lingwa. Bħalma jispjegaw l-istruzzjonijiet f’paġna 2 tal-ktejjeb, wara li tkun iddeterminajt il-lingwa taʼ l-inkwilin, ħallih jaqra l-informazzjoni stampata fil-paġna fil-ktejjeb li tapplika għalih. Wara li jaqraha, urih pubblikazzjoni bil-lingwa tiegħu. Jekk m’għandekx fuqek, urih il-pubblikazzjoni bl-Ingliż. Indika li se tipprova tmur lura b’kopja bil-lingwa tiegħu. Staqsih l-isem, u iktbu flimkien maʼ l-indirizz.
Nagħtu Xiehda lil Nies taʼ Reliġjonijiet Mhux Kristjani
10 Ftit għarfien dwar l-isfond reliġjuż taʼ persuna jgħinna nagħtu xiehda effettiva dwar is-Saltna taʼ Alla. Il-ktieb Mankind’s Search for God jagħtina dehen rigward ir-reliġjonijiet prinċipali tad-dinja sabiex inkunu nistgħu nifhmu t-twemmin tan-nies tajjeb biżżejjed biex ngħinuhom jaslu għall-għarfien tal-verità.
11 Il-kaxxa fl-aħħar paġna taʼ dan l-insert tagħti lista kurrenti tal-pubblikazzjonijiet li l-organizzazzjoni taʼ Jehovah pprovdiet għall-użu waqt għoti taʼ xiehda lil nies mhux Kristjani. Billi naqraw dawn il-pubblikazzjonijiet, aħna nifhmu kif navviċinaw lin-nies bl-aħbar tajba. M’għandniex ninsew li l-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja huwa għodda utli. Paġni 13-16 taʼ dak il-ktejjeb jipprovdu suġġerimenti prattiċi fuq kif tirrispondi lil Buddisti, Ħindu, Lhud, u Musulmani.
12 Noqogħdu Attenti X’Ngħidu: Irridu noqogħdu attenti li ma nqisux lin-nies taʼ ċerta reliġjon kollha bl-istess mod billi nikkonkludu li t-twemmin persunali tagħhom huwa neċessarjament l-istess bħal taʼ dawk bl-istess fidi. Minflok, stinka biex tifhem kif jaħsibha l-individwu li qed titkellem miegħu. (Atti 10:24-35) Bħala Musulman, Salimoon ġie mrobbi bit-twemmin li l-Koran huwa l-kelma taʼ Alla. Imma qatt ma setaʼ jaċċetta kompletament it-tagħlim Musulman li Alla kollu ħniena kien se jittortura lin-nies f’infern jaqbad. Darba waħda, ix-Xhieda taʼ Jehovah stednuh biex jattendi laqgħa. Mill-ewwel għaraf il-verità, u issa qiegħed jaqdi ferħan bħala anzjan fil-kongregazzjoni Kristjana.
13 Meta nagħtu xiehda lil dawk bi twemmin mhux Kristjan, irridu noqogħdu attenti li l-mod kif navviċinaw lil persuna ma jtellifniex l-opportunità li niddiskutu magħhom dwar l-aħbar tajba. (Atti 24:16) Xi segwaċi taʼ xi reliġjonijiet huma sensittivi ħafna għal kwalunkwe attentat biex tikkonvertihom mill-fidi tagħhom. Għalhekk, oqgħod b’sebaʼ għajnejn biex issib punti li t-tnejn li intom taqblu fihom sabiex tħajjarhom lejn il-verità sħiħa tal-Kelma taʼ Alla. Uħud bħal nagħaġ se jirrispondu għal preżentazzjoni b’qalb tajba u ċara tal-verità.
14 Huwa importanti wkoll li nikkunsidraw xi kliem nużaw, li ma mmorrux bla bżonn inbiegħdu lin-nies mill-messaġġ tagħna. Per eżempju, jekk immedjatament tidentifika lilek innifsek bħala Kristjan, is-semmiegħ tiegħek awtomatikament għandu mnejn jassoċjak mal-knejjes tal-Kristjaneżmu, u dan jistaʼ joħloq ostaklu. Jistaʼ wkoll ikun taʼ vantaġġ li tirreferi għall-Bibbja bħala “l-Iskrittura” jew il-“Kotba Mqaddsa.”—Mt. 21:42; 2 Tim. 3:15.
15 Jekk tiltaqaʼ maʼ xi ħadd taʼ reliġjon mhux Kristjana u ma tħossokx ippreparat biżżejjed biex tagħtih xiehda dak il-ħin, uża l-opportunità biex sempliċement issir tafu, tħalli fuljett, u tgħidu lil xulxin x’jisimkom. Imbagħad mur lura wara ġurnata jew tnejn, wara li tkun ippreparajt biżżejjed biex tagħtih xiehda.—1 Tim. 4:16; 2 Tim. 3:17.
16 Nagħtu Xiehda lill-Buddisti: (Ara kapitlu 6 fil-ktieb Mankind’s Search for God.) Twemmin Buddist ivarja ħafna minn segwaċi għal ieħor. Minflok ma jappoġġja l-eżistenza taʼ Ħallieq persunali, il-Buddiżmu jqis lir-raġel Indjan Budda Gautama, tas-sitt seklu Q.E.K., bħala xempju reliġjuż. Meta għall-ewwel darba ra raġel marid, raġel xiħ, u raġel mejjet, Gautama ssara biex jifhem it-tifsir tal-ħajja. ‘Kienu l-bnedmin imwelldin sempliċement biex ibatu, jixjieħu, u jmutu?’ tħasseb hu. M’għandniex xi ngħidu, aħna nistgħu nwieġbu dawk il-mistoqsijiet għal Buddisti sinċieri li jridu jkunu jafu t-tweġibiet.
17 Meta tkellem lill-Buddisti, żomm mal-messaġġ pożittiv u l-veritajiet ċari misjubin fl-aqwa ktieb qaddis, il-Bibbja. Bħal ħafna nies oħrajn, il-Buddisti huma interessati b’mod ħerqan fil-paċi, il-moralità, u l-ħajja tal-familja, u taʼ spiss huma jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn is-suġġetti. Dan jistaʼ jwasslek biex tenfasizza s-Saltna bħala s-soluzzjoni vera għall-problemi taʼ l-umanità.
18 Fi snin reċenti kien hemm influss taʼ Ċiniżi li jemmnu fil-Buddiżmu u filosofiji Orjentali oħrajn. Meta waħda oħt f’Montana rat raġel Ċiniż f’ħanut tal-merċa, hi tatu fuljett bil-lingwa tiegħu u offrietlu studju tal-Bibbja. Hu qal: “Trid tgħid il-Bibbja Mqaddsa? Ili nfittex dan ħajti kollha!” Hu beda jistudja dik il-ġimgħa u beda jattendi l-laqgħat kollha.
19 Pijuniera fin-Nevada ilha tgħallem il-verità lil studenti Ċiniżi għal iktar minn għaxar snin. Meta kienet qed taħdem fi blokk taʼ tmien appartamenti okkupati minn dawn l-istudenti, hi talbet lil Jehovah jgħinha tibda studju f’kull appartament. Fi żmien ġimgħatejn kienet qed tistudja maʼ taʼ l-inqas student wieħed f’kull appartament. Introduzzjoni effettiva għaliha hija li tgħid, illi hi sabet tħassib komuni fost l-istudenti—kollha jridu paċi u ferħ. Imbagħad issaqsihom jekk dan kienx it-tħassib tagħhom ukoll. Huma dejjem jaqblu. Hi tidderieġi l-attenzjoni tagħhom lejn il-brochure Lasting Peace and Happiness—How to Find Them, li huwa mfassal għan-nies Ċiniżi. Wara biss ħames sessjonijiet taʼ studju, wieħed mill-istudenti qalilha li kien ilu jfittex il-verità għal żmien twil u li issa sabha.
20 Nagħtu Xiehda lill-Ħindu: (Ara kapitlu 5 fil-ktieb Mankind’s Search for God.) Il-Ħinduiżmu m’għandu l-ebda twemmin definit. Il-filosofija tiegħu hija kumplessa ħafna. Il-Ħindu għandhom il-kunċett trinitarjan taʼ l-alla prinċipali tagħhom Brahmin (Brahma l-Ħallieq, Vixnu l-Preservatur, u Siva l-Qerried). Twemmin f’ruħ immortali huwa essenzjali fit-tagħlim tagħhom taʼ rinkarnazzjoni, li għandha l-ħabta tagħti l-Ħindu ħarsa fatali tal-ħajja. (Ara l-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja, paġna 14, u The Watchtower, tal-15 taʼ Mejju, 1997, paġni 3-8.) Il-Ħinduiżmu jgħallem it-tolleranza, li r-reliġjonijiet kollha jwasslu għall-istess verità.
21 Meta tkun qed tagħti xiehda lil Ħindu tistaʼ tibda billi tispjega dwar it-tama tagħna bbażata fuq il-Bibbja li ngħixu għal dejjem f’perfezzjoni umana fuq l-art kif ukoll dwar it-tweġibiet sodisfaċenti li tagħti l-Bibbja għall-mistoqsijiet importanti li jiffaċċjaw lill-umanità kollha.
22 Nagħtu Xiehda lil-Lhud: (Ara kapitlu 9 fil-ktieb Mankind’s Search for God.) Kuntrarju għal reliġjonijiet mhux Kristjani oħrajn, il-Ġudaiżmu huwa bbażat fuq l-istorja, mhux il-mitoloġija. Permezz taʼ l-Iskrittura Ebrajka ispirata, konnessjoni essenzjali hija pprovduta fit-tfittxija taʼ l-umanità għall-veru Alla. U madankollu, kuntrarju għall-Kelma taʼ Alla, tagħlim bażiku modern tal-Ġudaiżmu huwa t-twemmin f’ruħ umana immortali. Nistgħu nistabbilixxu bażi komuni billi nikkonfermaw li aħna nqimu lil dak Alla taʼ Abraham u billi nirrikonoxxu li kollha kemm aħna niffaċċjaw l-istess diffikultajiet fid-dinja tal-lum.
23 Jekk tiltaqaʼ maʼ Lhudi li nieqes mill-fidi f’Alla, li ssaqsih jekk dejjem kienx iħossu hekk jistaʼ jgħinek tagħraf x’se jolqtu l-iktar. Per eżempju, hu forsi qatt ma semaʼ spjegazzjoni sodisfaċenti dwar għala Alla jippermetti s-sofferenzi. Lhud sinċieri jistgħu jiġu inkuraġġiti jeżaminaw mill-ġdid l-identità taʼ Ġesù bħala l-Messija, mhux permezz tar-rappreżentazzjonijiet ħżiena tal-Kristjaneżmu dwaru, imma bil-mod kif jippreżentawh il-kittieba Lhud taʼ l-Iskrittura Griega.
24 Nagħtu Xiehda lill-Musulmani: (Ara kapitlu 12 fil-ktieb Mankind’s Search for God.) Il-Musulmani (jew, Misilmin) huma segwaċi taʼ l-Islam (jew, Mawmettaniżmu), li jinkludi t-twemmin f’Allah bħala d-divinità unika tagħhom u f’Mawmettu (570-632 E.K.) bħala l-aħħar u l-iktar profeta importanti tiegħu. Minħabba li ma jemmnux li Alla kellu Iben, il-Musulmani jirrikonoxxu lil Ġesù Kristu bħala profeta inqas importanti taʼ Alla, imma xejn iktar. Il-Koran, li għandu inqas minn 1,400 sena, jirreferi kemm għall-Iskrittura Ebrajka kif ukoll għall-Iskrittura Griega. Similaritajiet kbar jeżistu bejn l-Islam u l-Kattoliċiżmu. Iż-żewġ reliġjonijiet jgħallmu l-immortalità tar-ruħ umana, l-istat taʼ turment temporanju, u l-eżistenza taʼ l-infern jaqbad.
25 Bażi komuni ovvja hija t-twemmin tagħna li hemm biss Alla wieħed veru u li l-Bibbja ġiet ispirata minnu. Qarrej attent tal-Koran ra referenzi għat-Tora, is-Salmi, u l-Vanġeli bħala li huma il-Kelma taʼ Alla u qara li dawn għandhom jitqiesu hekk u li għandhom jiġu obduti. Għaldaqstant, tistaʼ toffri li tistudja dawn maʼ l-individwu.
26 Din il-preżentazzjoni tistaʼ tkun effettiva maʼ xi ħadd li jidentifika ruħu bħala Musulman: “Ma tantx tkellimt maʼ Musulmani, imma qrajt xi ħaġa dwar xi tagħlim tar-reliġjon tiegħek f’dan il-ktieb żgħir. [Mur lejn paġni 15-16 fil-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja.] Dan jgħid li intom temmnu li Ġesù kien profeta imma li Mawmettu kien l-aħħar u l-iktar profeta importanti. Temmen ukoll li Mosè kien profeta veru? [Agħti ċans għal tweġiba.] Nistaʼ nurik dak li Mosè tgħallem mingħand Alla dwar l-isem persunali Tiegħu?” Imbagħad aqra Eżodu 6:2, 3. Meta terġaʼ tmur, tistaʼ tiddiskuti s-sottitlu “One God, One Religion (Alla Wieħed, Reliġjon Waħda),” f’paġna 13 fil-ktejjeb The Time for True Submission to God.
27 Illum, ħafna qegħdin jaġixxu f’armonija mal-kliem taʼ Isaija 55:6, li jaqra: “Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejjħulu sakemm hu fil-qrib!” Dan japplika għall-uħud kollha taʼ qalb onesta, tkun xi tkun il-lingwa li jitkellmu jew l-isfond reliġjuż tagħhom. Nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jbierek l-isforzi tagħna waqt li nagħmlu ħilitna f’li ‘nagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.’—Mt. 28:19.
[Kaxxa f’Paġna 6]
LETTERATURA MFASSLA GĦAL NIES MHUX KRISTJANI
Buddisti
In Search of a Father (Ktejjeb)
“Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda” (Brochure)
Ċiniżi
Lasting Peace and Happiness—How to Find Them (Brochure)
Ħindu
From Kurukshetra to Armageddon—And Your Survival (Ktejjeb)
Our Problems—Who Will Help Us Solve Them? (Brochure)
The Path of Divine Truth Leading to Liberation (Ktejjeb)
Victory Over Death—Is It Possible for You? (Ktejjeb)
Why Should We Worship God in Love and Truth? (Brochure)
Lhud
A Peaceful New World—Will It Come? (Fuljett Nru. 17)
Jehovah’s Witnesses—What Do They Believe? (Fuljett Nru. 18)
Will There Ever Be a World Without War? (Brochure)
Musulmani
How to Find the Road to Paradise (Fuljett)
The Time for True Submission to God (Ktejjeb)