Se Nerġgħu Nagħmluh?—Appell Ieħor għal Pijunieri Awżiljarji
1 X’se nerġgħu nagħmlu? Se nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju matul l-istaġun tal-Mafkar? L-insert taʼ Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Frar 1997 ġibed l-attenzjoni tagħna bit-titlu kbir: “Hemm Bżonn—55 Pijunier Awżiljarju.” Konna fiduċjużi li intom kontu se tieħdu dan l-appell bis-serjetà. Meta nġabar ir-rapport tas-servizz għal Marzu 1997, tgħaxxaqna meta sirna nafu li 68 ħadu sehem fis-servizz taʼ pijunier awżiljarju! Jekk inżidu maʼ dak in-numru t-33 pijunier regulari, is-6 pijunieri speċjali u 6 missjunarji li rrapportaw f’dak ix-xahar, insibu li ’l fuq minn 20 fil-mija tal-pubblikaturi kollha li rrapportaw kienu fis-servizz taʼ pijunier. Se nerġgħu nagħmlu hekk f’dan l-istaġun tal-Mafkar?
2 Aħna mill-qalb ngħidu prosit lil dawk kollha li għamlu sforz speċjali biex iżidu l-attività tagħhom tas-servizz taʼ l-għalqa fir-rebbiegħa li għaddiet. Biċ-ċar, ilkoll kemm intom ġejtu mmotivati mill-imħabba mhix egoista għal Alla Jehovah u għall-proxxmu tagħkom. (Lq. 10:27; 2 Pt. 1:5-8) Pubblikaturi b’ċirkostanzi tal-ħajja differenti għamlu wisaʼ għax-xogħol taʼ pijunier awżiljarju. F’kongregazzjoni waħda ġewwa l-Istati Uniti, 51 pubblikatur qdew flimkien bħala pijunieri matul l-istess xahar, inklużi ħafna mill-anzjani, omm b’tifla taʼ 15-il xahar, oħt li ħalliet ix-xogħol tagħha u sabet xogħol part-time biex jgħinha tkun pijuniera, u oħt ixjeħ li qatt ma kienet għamlet ix-xogħol taʼ pijunier. L-indokratur tas-circuit kiteb: “Għaddej sforz tremend fix-xogħol taʼ l-ippridkar. . . . Dan mhux biss qiegħed ikollu impatt fuq it-territorju imma wkoll il-kongregazzjonijiet qed ibaqbqu bl-entużjażmu. L-aħwa qed jieħdu pjaċir isiru jafu lil xulxin iktar u kif ukoll jaraw riżultati mill-aħjar fil-ministeru.”
3 Iż-żgħażagħ ma tħallewx barra fir-rebbiegħa li għaddiet. Pubblikatriċi mhux mgħammda taʼ 13-il sena kienet qed tħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta setgħet tissimbolizza d-dedikazzjoni tagħha lil Jehovah. Wara li tgħammdet fi Frar, hi kitbet dwar ix-xewqa tagħha li tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju f’Marzu: “Issa ma kelli xejn xi jżommni, u għalhekk tfajt l-applikazzjoni tiegħi. . . . Il-ħafna esperjenzi taʼ l-għaġeb li gawdejna qatt ma setgħu jkunu realtà li kieku ma kienx għall-istedina tagħkom b’imħabba biex nagħmel ix-xogħol taʼ pijunier. Jiena grata lejn Jehovah li kelli dan il-privileġġ li nkun fost dawk li wieġbu.” Hi poġġiet il-mira li terġaʼ tagħmlu.
4 Forsi int kont fost dawk it-68 li ħadu sehem fl-attività taʼ pijunier awżiljarju f’Marzu li għadda, jew it-38 f’April, jew il-35 f’Mejju. Se terġaʼ tagħmlu din is-sena? Jekk ma stajtx tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier fir-rebbiegħa li għaddiet, tistaʼ tagħmlu din is-sena? Nistgħu naqbżu it-73, in-numru taʼ wħud li għamlu x-xogħol taʼ pijunier f’April 1989? Dak kien l-akbar numru taʼ pijunieri awżiljarji fi kwalunkwe xahar f’Malta.
5 Ikkonċentra fuq April u Mejju: Din is-sena, il-Mafkar jaħbat is-Sibt, 11 taʼ April, u dan jagħmel lil April xahar eċċellenti għal iżjed attività fil-ministeru. (2 Kor. 5:14, 15) Matul l-ewwel 11-il jum tax-xahar, se nikkonċentraw fuq li nistiednu kemm jistaʼ jkun uħud interessati biex jattendu għall-Mafkar. Jekk qed tippjana li tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju, jekk jogħġbok agħti l-applikazzjoni tiegħek ħafna qabel id-data li tixtieq tibda.—1 Kor. 14:40.
6 Ladarba Mejju għandu ħames Sibtijiet u Ħdud, pubblikaturi li jattendu l-iskola jew li għandhom xogħol sekulari full-time jistgħu jsibuha iktar faċli li jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju f’dak ix-xahar. Billi tippjana 10 sigħat fis-servizz taʼ l-għalqa f’kull tmiem il-ġimgħa minnhom, int ikollok tippjana għal għaxar sigħat oħra biss fix-xahar biex tilħaq is-60 siegħa meħtieġa.
7 Kemm f’April u kemm f’Mejju, se nippreżentaw kopji individwali taʼ It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! bħala l-offerta tal-letteratura. Dan għandu jinkuraġġixxi lil iktar uħud minna biex jirsistu u jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier. Għala ngħidu hekk? Ir-rivisti huma faċli li tippreżentahom u tieħu pjaċir taħdem bihom fil-ministeru. Jistgħu jintużaw b’mod addattat fl-aspetti kollha tas-servizz—fuq ix-xogħol minn dar għal dar u minn ħanut għal ħanut, kif ukoll meta navviċinaw lin-nies fit-toroq, fil-postijiet taʼ l-ipparkjar, u f’ġonna jew f’okkażjonijiet informali oħrajn. L-iktar importanti, It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! jappoġġjaw il-veritajiet tas-Saltna. Huma jiġbdu l-attenzjoni lejn it-twettiq tal-profezija tal-Bibbja, billi jagħtu prova li s-Saltna taʼ Alla qiegħda taħkem. Dawn jeffettwaw ukoll il-ħajjiet tal-qarrejja billi jittrattaw il-bżonnijiet reali tan-nies. Jekk naħsbu dwar kemm ħajjitna ġiet effettwata minn dawn ir-rivisti prezzjużi, se nkunu mmotivati li nieħdu sehem f’li nqassmu kemm jistaʼ jkun minnhom f’April u f’Mejju.
8 Bi preparazzjoni għal din l-attività intensifikata bir-rivisti, int se tibbenefika billi tirrevedi dawn l-artikli: “The Watchtower u l-Awake!—Rivisti f’Waqthom taʼ Verità” (It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Jannar, 1994), “Make the Best Use of Our Magazines” (L-Our Kingdom Ministry taʼ Settembru 1995), u “Ipprepara L-Preżentazzjoni Tiegħek Stess Bir-Rivisti” (Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Ottubru 1996).
9 L-Anzjani Jieħdu l-Inizjattiva: Għall-konvenjenza tal-ħafna pubblikaturi li kienu qed jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier fir-rebbiegħa li għaddiet, l-anzjani taʼ ċerta kongregazzjoni għażlu Sibt wieħed fix-xahar bħala jum speċjali taʼ attività taʼ servizz għall-kongregazzjoni kollha kemm hi. Saru arranġamenti biex jiltaqgħu f’għadd taʼ postijiet differenti matul il-ġurnata, billi taw l-opportunità lil kulħadd fil-kongregazzjoni biex jieħu sehem fil-forom varji taʼ għoti taʼ xiehda. Dawn inkludew li jinħadmu postijiet tan-negozju, tingħata xiehda fit-toroq, isiru żjajjar minn dar għal dar, isiru żjajjar lura, jinkitbu xi ittri, u tingħata xiehda bit-telefon. Ir-reazzjoni kienet taʼ l-għaġeb, b’117-il pubblikatur li pparteċipaw fis-servizz taʼ l-għalqa tul il-korsa tal-ġurnata. Dawn laħqu total taʼ 521 siegħa mqattgħin fil-ministeru u qassmu 617-il rivista, brochure, u ktieb! L-eċċitament taʼ dak is-Sibt baqaʼ sejjer sal-Ħadd, għax l-attendenza għal-Laqgħa Pubblika u l-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa kważi laħqet ir-rekord.
10 F’kull Laqgħa tas-Servizz f’April u f’Mejju, il-kongregazzjoni għandha tiġi mfakkra meta u fejn se jsiru l-laqgħat tas-servizz taʼ l-għalqa matul il-ġimgħa taʼ wara, speċjalment jekk isiru iżjed arranġamenti minbarra dawk li normalment ikunu ppjanati. Il-pijunieri regulari kif ukoll il-pubblikaturi li m’humiex pijunieri awżiljarji huma inkuraġġiti li jappoġġjaw dawn l-arranġamenti tal-gruppi skond ma jippermettulhom iċ-ċirkostanzi.
11 L-indokratur tas-servizz se jkollu bżonn jiltaqaʼ mal-ħu li jassenja t-territorji biex isiru arranġamenti ħalli jinħadmu dawk li ma jiġux koperti taʼ spiss. Iżjed attenzjoni tistaʼ tingħata fejn ma nsibux nies id-dar u fl-għoti taʼ xiehda fit-toroq u minn ħanut għal ħanut. Jistaʼ jiġi enfasizzat l-għoti taʼ xiehda fil-għaxija, speċjalment fejn il-ħin ikun bis-siegħa ’l quddiem fl-ewwel tmiem il-ġimgħa taʼ April. Provvisti suffiċjenti taʼ rivisti għandhom jiġu ordnati kemm għal April u kemm għal Mejju b’antiċipazzjoni għall-attività miżjuda.
12 Ħafna Pubblikaturi Jistgħu Jikkwalifikaw: L-ewwel sentenza fl-applikazzjoni għax-xogħol taʼ pijunier awżiljarju tistqarr: “Minħabba l-imħabba tiegħi għal Jehovah u x-xewqa tiegħi li ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu taʼ mħabba, nixtieq inżid is-sehem tiegħi fis-servizz taʼ l-għalqa billi nagħmel ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju.” L-imħabba għal Jehovah u r-rieda li ngħinu lil oħrajn spiritwalment huma fundamentali għad-dedikazzjoni tagħna. (1 Tim. 4:8, 10) Biex jikkwalifika għal pijunier awżiljarju, wieħed irid ikun mgħammed, ikollu waqfa morali tajba, u jkun f’pożizzjoni li jiddedika 60 siegħa għall-ministeru matul ix-xahar. Waqt li lkoll kemm aħna nikkunsidraw iċ-ċirkostanzi tagħna, jistgħu xi wħud minna li qatt ma għamlu x-xogħol taʼ pijunier jagħmlu dan f’April u f’Mejju taʼ din is-sena?
13 Bosta fil-kongregazzjonijiet għandhom mnejn jirrealizzaw li huma wkoll jistgħu jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier meta jaraw lil oħrajn li għandhom ċirkostanzi simili għal tagħhom jidħlu għal dan ix-xogħol. Tfal taʼ l-iskola, xjuħ, ħaddiema sekulari full-time, inklużi anzjani u qaddejja ministerjali, u oħrajn għamlu x-xogħol taʼ pijunier b’suċċess. Mara tad-dar u omm taʼ żewġt itfal li għandha impjieg full-time laħqet is-60 siegħa, qassmet 108 rivisti, u bdiet 3 studji tal-Bibbja f’xahar wieħed bħala pijuniera awżiljarja. Kif għamlitu dan? Hi wżat is-siegħa break mix-xogħol biex tagħti xiehda fit-territorju fil-qrib, tat xiehda billi kitbet xi ittri, u ħadet sehem fl-għoti taʼ xiehda fil-postijiet taʼ l-ipparkjar u fit-toroq. Hi wkoll użat tajjeb il-ġurnata fil-ġimgħa li fiha ma taħdimx biex tieħu sehem mal-kongregazzjoni fis-servizz taʼ l-għalqa. Għalkemm għall-ewwel ħasbet illi li tkun pijuniera awżiljarja kienet mira li ma tintlaħaqx, b’inkuraġġiment minn oħrajn u bi skeda prattika, l-ostakli ġew megħlubin.
14 Ġesù żgura lid-dixxipli tiegħu: “Il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.” (Mt. 11:30) Dak kien it-titlu taʼ artiklu inkuraġġanti fit-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Awissu, 1995. Jgħidilna dwar oħt li kellha impjieg sekulari full-time li kien ipoġġi pressjoni kbira fuqha. Ħasbet hi li qatt ma setgħet tkun pijuniera awżiljarja? Le. Fil-fatt, irnexxielha tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju kull xahar. Għala? Għaliex hi ħasset li x-xogħol taʼ pijunier attwalment għenha żżomm il-bilanċ. L-akbar sors taʼ ferħ fil-ħajja mgħaġġla tagħha kien li tgħin lin-nies jitgħallmu l-verità tal-Bibbja u tarahom ibiddlu ħajjithom biex jiksbu l-approvazzjoni taʼ Alla.—Prov. 10:22.
15 Il-barkiet gawduti jisbqu bil-kbir kwalunkwe sagrifiċċji u aġġustamenti persunali li wieħed irid jagħmel sabiex ikun pijunier. Waħda oħt kitbet dwar l-esperjenza tagħha bħala pijuniera awżiljarja: “Lili għeni biex ma naħsibx biss fija nnifsi u biex niffoka iktar fuq li ngħin lil oħrajn. . . . Nirrikkmandah lil kulmin jistaʼ jagħmlu.”
16 Jinvolvi Skeda Tajba: Fl-aħħar paġna taʼ dan l-insert, aħna erġajna pproduċejna l-iskedi mogħtijin bħala eżempju li dehru f’Il-Ministeru tas-Saltna taʼ Frar 1997. Jistaʼ jkun li waħda minnhom hija tajba għaċ-ċirkostanzi tiegħek. Waqt li tirrevedihom, ikkunsidra r-rutina normali tiegħek taʼ attività fix-xahar. Liema proġetti fid-dar jistgħu jsiru qabel ma tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier jew jistgħu temporanjament jitħallew għal wara? Jistaʼ jiġi eliminat xi ftit mill-ħin li tqattaʼ fid-divertiment, fir-rikreazzjoni, jew f’xi għamliet oħrajn taʼ attività fil-ħin liberu? Minflok ma tħares lejn it-total taʼ 60 siegħa li hu meħtieġ, ippjana l-iskeda tiegħek għal kull jum jew għal kull ġimgħa. Sagħtejn biss kuljum jew 15-il siegħa fil-ġimgħa huma meħtiġin għax-xogħol taʼ pijunier awżiljarju. Ħares lejn l-iskedi mogħtijin bħala eżempju u b’lapes f’idek, ara x’tistaʼ tirranġa rigward skeda persunali taʼ servizz li l-iktar tgħodd għalik u għall-familja tiegħek.
17 Ir-reazzjoni mill-aħjar u l-appoġġ miżjud tal-kongregazzjoni li ntwerew fil-ministeru fir-rebbiegħa li għaddiet saħħew l-entużjażmu taʼ pijuniera regulari li kitbet: “Grazzi ħafna għall-inkuraġġiment tagħkom taʼ mħabba biex isir iktar sforz ħalli jiġi appoġġjat ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju. . . . L-iskedi suġġeriti tagħkom għenu lil ħafna li qatt ma kienu għamlu x-xogħol taʼ pijunier biex jirrealizzaw li huma setgħu jagħmluh. . . . Ferħana ħafna li jien parti mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah u li nsegwi t-tmexxija taʼ mħabba taʼ l-irsir leali u diskret.”
18 Proverbji 21:5 jiżgurana: “Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu.” Proverbji 16:3 jinkuraġġina: “Ħalli f’idejn il-Mulej il-ħidma tiegħek, u jseħħu ħsibijietek.” Iva, billi bit-talb ninkludu lil Jehovah fid-deċiżjoni tagħna u b’mod sod nistrieħu fuqu biex jgħinna nirnexxu, nistgħu nkunu pożittivi dwar il-pjanijiet tagħna biex nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju. Jistaʼ jkun li wara li naraw kemm l-iskeda tagħna ħadmet sewwa għal xahar jew tnejn bħala pijunieri awżiljarji, inkunu nistgħu nimmarkaw il-kaxxa fl-applikazzjoni għal pijunier awżiljarju li taqra: “Immarka hawn jekk tixtieq taqdi b’mod kontinwu bħala pijunier awżiljarju sa ma tinformana mod ieħor.” Fi kwalunkwe każ, nistgħu nħarsu ’l quddiem biex nerġgħu nagħmlu x-xogħol taʼ pijunier f’Awissu, meta se jkun hemm ħames Sibtijiet u Ħdud. Waqt li nikkonkludu s-sena taʼ servizz f’Awissu, se jsir sforz unit biex kulħadd jipparteċipa bis-sħiħ kemm jistaʼ jkun fil-ministeru.
19 Ġesù pprofetizza: “Min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel.” (Ġw. 14:12) Huwa privileġġ taʼ ferħ għalina li naqdu bħala ħaddiema sħab maʼ Alla meta din il-profezija qed ikollha t-twettiq grandjuż tagħha. Issa hu l-waqt li nippridkaw l-aħbar tajba bl-akbar intensità, billi nixtru l-ħin opportun biex nagħmlu dan ix-xogħol. (1 Kor. 3:9; Kol. 4:5) Li nieħdu sehem kemm jistaʼ jkun possibbli fis-servizz bħala pijunieri awżiljarji huwa mod eċċellenti taʼ kif nagħtu sehemna bħala proklamaturi tas-Saltna. Aħna nistennew ħerqanin biex naraw kemm l-għanja taʼ tifħir mill-pijunieri awżiljarji se tkun kbira f’dan l-istaġun tal-Mafkar. (Salm 27:6) Meta naħsbu dwar ir-riżultati tar-rebbiegħa li għaddiet, insaqsu lilna nfusna, ‘Se nerġgħu nagħmluh?’ Aħna fiduċjużi li hekk se nagħmlu!
[Kaxxa f’paġna 3]
Tistaʼ Tagħmel ix-Xogħol taʼ Pijunier Awżiljarju?
“Huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi persunali tiegħek, jekk int mgħammed, għandek waqfa morali nadifa, tistaʼ tirranġa biex tilħaq il-ħtieġa taʼ li tqattaʼ 60 siegħa fix-xahar fis-servizz taʼ l-għalqa u tħoss li tistaʼ taqdi bħala pijunier awżiljarju għal xahar jew iktar, l-anzjani tal-kongregazzjoni se jieħdu pjaċir jikkunsidraw l-applikazzjoni tiegħek għal dan il-privileġġ taʼ servizz.”—Organized to Accomplish Our Ministry, paġna 114.
[Kaxxa f’paġna 6]
Skedi għax-Xogħol taʼ Pijunier Awżiljarju
Eżempji taʼ Skedi biex Isiru 15-il Siegħa taʼ Servizz taʼ l-Għalqa kull Ġimgħa
Fil-Għodu—Mit-Tnejn sas-Sibt
Il-Ħadd jistaʼ jieħu post kwalunkwe jum ieħor
Jum Perijodu Sigħat
It-Tnejn Fil-Għodu 21⁄2
It-Tlieta Fil-Għodu 21⁄2
L-Erbgħa Fil-Għodu 21⁄2
Il-Ħamis Fil-Għodu 21⁄2
Il-Ġimgħa Fil-Għodu 21⁄2
Is-Sibt Fil-Għodu 21⁄2
Total taʼ Sigħat: 15
Jumejn Sħaħ
Jistgħu jintgħażlu kwalunkwe jumejn mill-ġimgħa
Jum Perijodu Sigħat
L-Erbgħa Ġurnata Sħiħa 71⁄2
Is-Sibt Ġurnata Sħiħa 71⁄2
Total taʼ Sigħat: 15
Darbtejn fil-Għaxija u Tmiem il-Ġimgħa
Jistgħu jintgħażlu kwalunkwe darbtejn fil-għaxija mill-ġimgħa
Jum Perijodu Sigħat
It-Tnejn Fil-Għaxija 11⁄2
L-Erbgħa Fil-Għaxija 11⁄2
Is-Sibt Ġurnata Sħiħa 8
Il-Ħadd Nofs taʼ Nhar 4
Total taʼ Sigħat: 15
Wara Nofs in-Nhar fost il-Ġimgħa u s-Sibt
Il-Ħadd jistaʼ jieħu post kwalunkwe jum ieħor
Jum Perijodu Sigħat
It-Tnejn Wara Nofs in-Nhar 2
It-Tlieta Wara Nofs in-Nhar 2
L-Erbgħa Wara Nofs in-Nhar 2
Il-Ħamis Wara Nofs in-Nhar 2
Il-Ġimgħa Wara Nofs in-Nhar 2
Is-Sibt Ġurnata Sħiħa 5
Total taʼ Sigħat: 15
L-Iskeda Persunali Tiegħi tas-Servizz
Iddeċiedi kemm se tqattaʼ sigħat f’kull perijodu
Jum Perijodu Sigħat
It-Tnejn
It-Tlieta
L-Erbgħa
Il-Ħamis
Il-Ġimgħa
Is-Sibt
Il-Ħadd
Total taʼ Sigħat: 15