Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Min hu responsabbli għat-tindif tas-Sala tas-Saltna?
Sala tas-Saltna li hi nadifa u attraenti tirrifletti b’mod favorevoli fuq il-messaġġ li aħna nippridkaw. (Qabbel l-1 Pietru 2:12.) Li nżommu s-sala nadifa u pulita hu essenzjali, u kulħadd jistaʼ jkollu sehem fil-manutenzjoni tagħha. M’għandniex nistennew li erbgħa min-nies jerfgħu t-tagħbija kollha. Normalment, it-tindif jiġi rranġat skond il-gruppi taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni, billi dak li jikkonduċi l-istudju jew l-assistent tiegħu jieħu t-tmexxija f’idejh. Fi swali fejn jiltaqgħu iktar minn kongregazzjoni waħda, l-anzjani għandhom jorganizzaw l-affarijiet sabiex il-kongregazzjonijiet kollha jieħdu sehem fil-manutenzjoni.
Kif nistgħu nieħdu ħsieb din ir-responsabbiltà bl-aħjar mod? Is-Sala tas-Saltna għandha titnaddaf skond skeda regulari. Għandu jkun hemm provvisti u tagħmir għall-użu tat-tindif. Lista taʼ l-affarijiet li għandhom bżonn isiru għandha titpoġġa f’post fejn dawk li se jieħdu sehem ikunu jistgħu jaraw x’għandhom jagħmlu. Jistaʼ jkun hemm żewġ listi differenti, waħda għal tindifa ħafifa wara kull laqgħa u l-oħra għal tindifa sew kull ġimgħa. Dak li jikkonduċi l-Istudju tal-Ktieb għandu jagħmel skeda bil-ġurnata u l-ħin li huma konvenjenti għal dawk kollha inkarigati biex issir it-tindifa l-kbira. Għandha tingħata wkoll attenzjoni regulari lill-fjuri u l-pjanti. Il-bankini u l-wisaʼ għall-parking għandhom jinżammu nodfa. Kull sena għandha ssir tindifa ġenerali, forsi eżatt qabel il-Mafkar. Dan jistaʼ jinkludi l-ħasil tal-ħġieġ u tal-ħajt, u t-tindif tat-tapiti u l-purtieri.
M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna nistgħu nħaffu t-tagħbija billi ma narmux xi chewing gum jew ħmieġ ġewwa jew barra s-sala. Nistgħu nnaddfu t-tojlit wara kull darba li nużawh, biex b’hekk inħalluh nadif għall-persuna li tiġi warajna. Oqgħod attent li ma tkissirx xi tagħmir jew tirrovina xi għamara. Agħti kas għal xi tbajjaʼ fit-tapiti, dannu fis-siġġijiet, problemi fil-kanen taʼ l-ilma, bozoz maħruqin, u affarijiet oħra, u rrapporta dawn il-kwistjonijiet minnufih lill-ħu inkarigat mill-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna.
Ejja lkoll kemm aħna nkunu lesti li nagħmlu l-parti tagħna. Dan jikkontribwixxi għal dar pjaċevoli taʼ qima u jiddistingwina bħala poplu nadif li jonora lil Alla Jehovah.—1 Pt. 1:16.