Nippridkaw l-Aħbar Tajba b’Konvinzjoni Qawwija
1 Kmieni fl-ewwel seklu, Ġesù Kristu inkariga lis-segwaċi tiegħu biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u ‘jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.’ (Mt. 24:14; 28:19, 20) Ix-Xhieda taʼ Jehovah ħadu l-istruzzjoni tiegħu bis-serjetà, u huwa għalhekk li sa tmiem is-seklu 20, il-fratellanza Kristjana tagħna żdiedet għal iktar minn 5,900,000 dixxiplu f’234 art. Kemm huwa tifħir qawwi dan għal Missierna tas-sema!
2 Issa dħalna fis-seklu 21. L-Avversarju tagħna qed jipprova jindaħal bil-moħbi fix-xogħol prinċipali tagħna li nippridkaw is-Saltna u nagħmlu dixxipli. Hu juża pressjonijiet minn din is-sistema t’affarijiet sabiex jipprova jiżvija l-attenzjoni tagħna, jaħlilna l-ħin, u jixorbilna l-enerġiji tagħna b’ħafna ħsibijiet u interessi mhux essenzjali. Minflok ma nħallu lil din is-sistema tgħidilna x’inhu importanti fil-ħajja, aħna nagħtu prova lilna nfusna mill-Kelma t’Alla x’inhi l-aqwa ħaġa—li nagħmlu r-rieda taʼ Jehovah. (Rum. 12:2) Dan ifisser li nobdu t-twissija Skritturali biex ‘inxandru l-kelma f’waqtu u barra minn waqtu u biex naqdu sewwa l-ministeru tagħna.’—2 Tim. 4:2, 5.
3 Żviluppa Konvinzjoni Soda: Il-Kristjani jridu ‘jieqfu sħaħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.’ (Kol. 4:12, NW) Il-kelma “konvinzjoni” hi definita bħala “persważjoni soda jew twemmin sod; l-istat taʼ li tkun konvint.” Bħala Kristjani rridu nkunu konvinti li l-kelma profetika t’Alla hi taʼ min joqgħod fuqha u li issa qegħdin ’il ġewwa sew fiż-żmien taʼ l-aħħar. Irid ikollna twemmin sod sewwa sew bħal dak taʼ l-appostlu Pawlu, li qal li l-aħbar tajba hi “qawwa taʼ Alla għas-salvazzjoni taʼ dawk kollha li jemmnu.”—Rum. 1:16.
4 Sabiex jinfluwenzaw u jqarrqu b’oħrajn, ix-Xitan juża nies mill-agħar u imposturi, li huma stess huma mqarrqin. (2 Tim. 3:13) Billi ġejna mwissijin minn qabel dwar dan, aħna nistgħu nieħdu passi biex insaħħu l-konvinzjoni tagħna li tassew għandna l-verità. Minflok ma nħallu l-ansjetajiet tal-ħajja jmewtulna ż-żelu tagħna, aħna nibqgħu npoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel. (Mt. 6:33, 34) Lanqas ma rridu ninsew l-urġenza taż-żminijiet, forsi billi naħsbu li t-tmiem taʼ din is-sistema għadu ’l bogħod. Dan dejjem qed joqrob iktar. (1 Pt. 4:7) Għalkemm nistgħu naħsbu li t-tixrid taʼ l-aħbar tajba ftit li xejn għandu effett f’xi artijiet minħabba x-xiehda li diġà ngħatat, ix-xogħol taʼ twissija jrid jibqaʼ jsir.—Eżek. 33:7-9.
5 Il-mistoqsijiet fundamentali f’dawn l-aħħar jiem huma: ‘Nieħu jien bis-serjetà l-inkarigu taʼ Ġesù biex nagħmel dixxipli? Meta nippriedka l-aħbar tajba, nuri jien konvinzjoni soda li s-Saltna hija realtà? Determinat jien li nieħu sehem kbir kemm jistaʼ jkun f’dan il-ministeru li jsalva l-ħajja?’ Billi nirrealizzaw kemm wasalna fi stadju avanzat taʼ l-aħħar żminijiet, aħna rridu noqogħdu attenti għalina nfusna u għall-inkarigu tagħna taʼ l-ippridkar u t-tagħlim. Billi nagħmlu hekk se nsalvaw kemm lilna nfusna u kemm lil dawk li jisimgħuna. (1 Tim. 4:16) Kif nistgħu lkoll insaħħu l-konvinzjoni tagħna bħala ministri?
6 Imita lit-Tessalonikin: L-appostlu Pawlu, biex jerġaʼ jfakkar ix-xogħol iebes taʼ l-aħwa ġewwa Tessalonika, qalilhom: “L-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa [“b’konvinzjoni qawwija,” “NW”]; intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom. Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost ħafna taħbit bil-ferħ taʼ l-Ispirtu s-Santu.” (Korsiv tagħna.) (1 Tess. 1:5, 6) Iva, Pawlu faħħar lill-kongregazzjoni tat-Tessalonikin għax minkejja ħafna tribulazzjoni huma ppridkaw b’żelu u b’konvinzjoni qawwija. X’għenhom biex jagħmlu dan? Fil-biċċa l-kbira, iż-żelu u l-konvinzjoni li kienu raw f’Pawlu u f’ħaddiema sħabu kellhom effett pożittiv fuqhom. Kif?
7 Il-ħajjiet infushom taʼ Pawlu u taʼ sħabu li vvjaġġaw miegħu taw prova li huma kellhom l-ispirtu t’Alla fuqhom u li kienu jemmnu b’qalbhom kollha f’dak li kienu jippridkaw. Qabel ma marru ġewwa Tessalonika, Pawlu u Sila kienu ġew trattati b’mod insolenti ġewwa Filippi. Mingħajr m’għaddew xi ġuri, huma ġew imsawtin, mitfugħin il-ħabs, u saqajhom ġew maqfulin fiċ-ċippijiet. Madankollu, din l-esperjenza diffiċli ma mewtitx iż-żelu tagħhom għall-aħbar tajba. Il-ħelsien tagħhom ġie effettwat permezz taʼ intervent divin, li wassal biex il-ħabsi u n-nies taʼ daru jikkonvertu, u għamilha possibbli biex dawn l-aħwa jkomplu bil-ministeru tagħhom.—Atti 16:19-34.
8 Bis-saħħa taʼ l-ispirtu t’Alla, Pawlu wasal ġewwa Tessalonika. Hemmhekk hu ħadem biex jikseb in-neċessitajiet tiegħu stess u mbagħad intefaʼ bis-sħiħ fuq li jgħallem il-verità lit-Tessalonikin. Hu ma żammx lura milli jiddikjara l-aħbar tajba f’kull opportunità. (1 Tess. 2:9) Il-fatt li Pawlu ppriedka b’konvinzjoni qawwija, tant kellu effett qawwi fuq in-nies tal-lokal li xi wħud minnhom abbandunaw il-qima idolatruża li kellhom qabel u saru qaddejja tal-veru Alla, Jehovah.—1 Tess. 1:8-10.
9 Il-persekuzzjoni ma żammitx lill-kredenti ġodda milli jippridkaw l-aħbar tajba. Imqanqlin mill-fidi ġdida li sabu u bil-konvinzjoni sħiħa li se jkollhom barkiet dejjiema, it-Tessalonikin ġew imqanqlin jipproklamaw il-verità li kienu ħaddnu b’entużjażmu kbir. Tant kienet saret attiva dik il-kongregazzjoni, li l-aħbar tal-fidi u taż-żelu tagħhom inxterdet lejn partijiet oħrajn tal-Maċedonja u saħansitra ġewwa l-Akaja. Għaldaqstant, meta Pawlu kiteb l-ewwel ittra tiegħu lit-Tessalonikin, ix-xogħlijiet tajbin tagħhom diġà kienu magħrufin sew. (1 Tess. 1:7) X’eżempju taʼ l-għaġeb!
10 Motivati mill-Imħabba għal Alla u għan-Nies: Kif nistgħu aħna, bħat-Tessalonikin, inżommu konvinzjoni persunali qawwija meta nippridkaw l-aħbar tajba llum? Dwarhom, Pawlu kiteb: “Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom.” (Korsiv tagħna.) (1 Tess. 1:3) Huwa ovvju li dawn kellhom imħabba profonda u sinċiera għal Alla Jehovah u għan-nies li kienu jippridkawlhom. Kienet din l-istess imħabba li qanqlet lil Pawlu u lil sħabu biex jagħtu lit-Tessalonikin ‘mhux biss l-Evanġelju taʼ Alla imma wkoll ħajjithom stess.’—1 Tess. 2:8.
11 B’mod simili, l-imħabba profonda tagħna għal Jehovah u għal bnedmin sħabna tqanqalna li nkunu rridu nipparteċipaw bis-sħiħ fix-xogħol taʼ l-ippridkar li Alla tana biex nagħmlu. B’imħabba bħal din, aħna nirrikonoxxu li hija r-responsabbiltà persunali tagħna mogħtija minn Alla li nxerrdu l-aħbar tajba. Billi nimmeditaw b’mod pożittiv u b’apprezzament fuq dak kollu li Jehovah għamel għalina sabiex jidderiġina lejn “il-ħajja vera,” aħna niġu mqanqlin biex ngħidu lil oħrajn l-istess veritajiet meraviljużi li nemmnuhom b’qalbna kollha.—1 Tim. 6:19.
12 Hekk kif nibqgħu nħabirku fix-xogħol taʼ l-ippridkar, l-imħabba tagħna għal Jehovah u għan-nies għandha tibqaʼ tikber. Jekk isir hekk, aħna se niġu mqanqlin biex inkattru s-sehem tagħna fil-ministeru minn bieb għal bieb u biex insegwu l-modi l-oħrajn kollha taʼ xiehda disponibbli għalina. Aħna se nieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet biex nagħtu xiehda informali lill-qraba, lill-ġirien, u lil dawk kollha li nafu. Għalkemm il-biċċa l-kbira tan-nies għandhom mnejn jiċħdu l-aħbar tajba li noffru u xi wħud jipprovaw itellfuna milli nipproklamaw is-Saltna, aħna nesperjenzaw ferħ ġewwieni. Għala? Għax nafu li għamilna l-aħjar li stajna biex nagħtu xiehda dwar is-Saltna u biex ngħinu lin-nies jiksbu s-salvazzjoni. U Jehovah se jbierek l-isforzi tagħna biex insibu wħud taʼ qalb retta. Saħansitra meta jiġu fuqna l-pressjonijiet tal-ħajja u Satana jipprova jdgħajjef il-ferħ tagħna, aħna nkunu kapaċi nżommu l-konvinzjoni qawwija tagħna u ż-żelu tagħna f’li nagħtu xiehda lil oħrajn. Meta lkoll kemm aħna nagħmlu l-parti tagħna, dan jirriżulta f’kongregazzjonijiet b’saħħithom u żelużi bħal dik ġewwa Tessalonika.
13 Qatt Taqtaʼ Qalbek taħt xi Prova: Il-konvinzjoni hija bżonnjuża wkoll meta niltaqgħu maʼ diversi provi. (1 Pt. 1:6, 7) Ġesù għamilha ċara lid-dixxipli tiegħu li jekk kienu se jsegwuh, il-‘ġnus kollha kienu se jsiru jobogħduhom.’ (Mt. 24:9) Pawlu u Sila esperjenzawh dan meta kienu ġewwa Filippi. Ir-rakkont f’Atti kapitlu 16 jgħid li Pawlu u Sila ġew mitfugħin ’il ġewwanett fil-ħabs u saqajhom ġew maqfulin fiċ-ċippijiet. Ġeneralment, il-ħabs prinċipali kien speċi taʼ bitħa magħluqa bil-ħitan jew intrata kbira li madwarha kien ikun hemm iċ-ċelel li kien fihom ħafna dawl u arja. Madankollu, in-naħa taʼ ġewwanett tal-ħabs ma kienx ikollha dawl u ftit li xejn arja. Pawlu u Sila kellhom jissaportu d-dlam, is-sħana, u l-intiena taʼ dak il-post miżerabbli u iżolat. Tistaʼ timmaġina l-uġigħ li huma setgħu ħassew waqt li kienu maqfulin fiċ-ċippijiet għal sigħat sħaħ b’daharhom misluħ u jnixxi d-demm minħabba l-ifflaġellar?
14 Minkejja dawn il-provi, Pawlu u Sila baqgħu leali. Huma wrew konvinzjoni sinċiera, li saħħithom biex jaqdu lil Jehovah minkejja din il-prova. Il-konvinzjoni tagħhom hi enfasizzata fil-vers 25 taʼ kapitlu 16, fejn jgħid li Pawlu u Sila kienu qegħdin “jitolbu u jfaħħru ’l Alla bl-innijiet.” Fil-fatt, għalkemm kienu ’l ġewwanett fil-ħabs, tant kienu konvinti li kellhom l-approvazzjoni t’Alla li għannew b’leħen għoli biżżejjed li setgħu jisimgħuh il-priġunieri l-oħra! Aħna għandu jkollna konvinzjoni simili llum meta niffaċċjaw provi tal-fidi tagħna.
15 Il-provi li x-Xitan jitfaʼ fuqna huma ħafna. Għal xi wħud tistaʼ tkun persekuzzjoni mill-familja. Ħafna minn ħutna jiffaċċjaw sfidi legali. Nistgħu niltaqgħu m’oppożizzjoni mill-apostati. Hemm l-ispejjeż finanzjarji u l-ansjetà taʼ kif wieħed se jipprovdi l-għajxien. Iż-żgħażagħ jiffaċċjaw pressjoni minn dawk taʼ mparhom fl-iskola. Kif nistgħu niffaċċjaw provi bħal dawn b’suċċess? X’hemm bżonn biex nuru konvinzjoni?
16 Qabel xejn, għandna bżonn inżommu relazzjoni persunali mill-qrib maʼ Jehovah. Meta Pawlu u Sila kienu fin-naħa taʼ ġewwanett tal-ħabs, ma wżawx dak il-ħin biex jilmentaw dwar is-sitwazzjoni tagħhom jew biex iħossuhom dispjaċuti għalihom infushom. Huma mill-ewwel daru lejn Alla bit-talb u faħħruh b’għanja. Għala? Għax kellhom relazzjoni persunali mill-qrib maʼ Missierhom tas-sema. Huma rrealizzaw li kienu qed isofru minħabba t-tjieba u li s-salvazzjoni tagħhom kienet qegħda f’idejn Jehovah.—Salm 3:9 [3:8, NW].
17 Meta llum niffaċċjaw xi provi, aħna wkoll għandna nduru lejn Jehovah. Pawlu jinkuraġġina biex bħala Kristjani ‘nuru lil Alla xi jkollna bżonn, u s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilna qalbna u moħħna sħaħ.’ (Flp. 4:6, 7) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Jehovah mhux se jħallina ngħaddu mill-provi waħedna! (Is. 41:10) Hu dejjem magħna sakemm naqduh b’konvinzjoni vera.—Salm 46:8 [46:7, NW].
18 Għajnuna vitali oħra f’li nuru konvinzjoni hi li nibqgħu nħabirku fis-servizz taʼ Jehovah. (1 Kor. 15:58) Pawlu u Sila ġew mitfugħin il-ħabs għax kienu jħabirku f’li jippridkaw l-aħbar tajba. Waqfu huma milli jippridkaw minħabba l-provi tagħhom? Le, huma baqgħu jippridkaw saħansitra waqt li kienu l-ħabs, u wara li nħelsu, ivvjaġġaw lejn Tessalonika u marru fis-sinagoga tal-Lhud biex ‘jiddiskutu magħhom fuq l-Iskrittura.’ (Atti 17:1-3) Meta jkollna persważjoni qawwija jew nemmnu f’Jehovah u nkunu konvinti li għandna l-verità, xejn ‘ma jistaʼ qatt jifridna mill-imħabba taʼ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.’—Rum. 8:35-39.
19 Eżempji Moderni taʼ Konvinzjoni Qawwija: Hemm ħafna eżempji taʼ l-għaġeb taʼ wħud fi żmienna li, bħal Pawlu u Sila, urew konvinzjoni qawwija. Waħda oħt li baqgħet ħajja mill-kamp tal-konċentrament taʼ Auschwitz tgħid dwar il-fidi u l-konvinzjoni li ma titħarrikx taʼ l-aħwa hemmhekk. Hi tirrakkonta: “Darba waħda waqt interrogazzjoni, wieħed uffiċjal ġie fuqi bil-ponn magħfus sew. ‘X’se naqbdu nagħmlu bikom in-nies?’ hu esklama. ‘Jekk narrestawkom, ma jimpurtakomx. Jekk nibagħtukom il-ħabs, ma jinteressakom xejn. Jekk nibagħtukom fil-kamp tal-konċentrament, ma tinkwetawx. Meta nikkundannawkom għall-mewt, tibqgħu hemm mingħajr ma tħabblu raskom. X’se naqbdu nagħmlu bikom?’” Kemm hi xi ħaġa li ssaħħaħ il-fidi meta tara x’fidi kellhom ħutna taħt ċirkustanzi ħorox bħal dawn! Huma b’mod kostanti daru lejn Jehovah għall-għajnuna biex jissaportu.
20 Żgur li niftakru fil-konvinzjoni taʼ ħafna minn ħutna meta ffaċċjaw il-mibegħda etnika li ntweriet fis-snin reċenti. Minkejja li jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet perikolużi, l-aħwa responsabbli huma determinati li jaraw li ħuthom qed jiġu mitmugħin spiritwalment. Kollha jibqgħu leali bil-konvinzjoni qawwija li ‘ebda arma magħmula kontrihom ma tiswa.’—Is. 54:17.
21 Ħafna minn ħutna li għandhom is-sieħeb jew is-sieħba fiż-żwieġ mhux fil-verità wkoll juru fidi qawwija u sabar. Wieħed ħu fi Gwadalupe ltaqaʼ m’oppożizzjoni qawwija minn martu li ma temminx. Biex tiskuraġġih u tfixklu milli jattendi għal-laqgħat Kristjani, hi ma kinitx tippreparalu l-ikel jew taħsillu, tgħaddilu, u ssewwilu ħwejġu. Għamlet perijodu taʼ żmien twil ma tkellmux. Imma billi wera konvinzjoni sinċiera f’li jaqdi lil Jehovah u billi dar lejh bit-talb għall-għajnuna, dan il-ħu kien kapaċi jissaporti dan kollu. Għal kemm żmien? Għal xi 20 sena—wara li mbagħad martu gradwalment kellha bidla f’qalbha. Eventwalment, hu setaʼ verament jifraħ għax hi aċċettat it-tama tas-Saltna t’Alla.
22 Fl-aħħar, ma rridux ninsew il-konvinzjoni qawwija taʼ ħutna ż-żgħażagħ li jmorru l-iskola kuljum u li jkampaw mal-pressjoni minn dawk taʼ mparhom u maʼ sfidi oħrajn. Rigward il-pressjoni li kellha fl-iskola biex taqbel maʼ dawk taʼ mparha, waħda Xhud żagħżugħa stqarret: “Meta tkun l-iskola, kulħadd jibda jinkuraġġik biex tkun ftit ribelluża. It-tfal jirrispettawk iktar jekk tagħmel xi ħaġa li jkollha tendenza ribelluża.” Xi pressjoni jiffaċċjaw iż-żgħażagħ tagħna! Huma jridu jkunu deċiżi sew f’moħħhom u f’qalbhom sabiex jirreżistu t-tentazzjoni.
23 Ħafna miż-żgħażagħ tagħna sejrin tajjeb f’li jżommu l-integrità tagħhom minkejja xi provi. Eżempju wieħed hu taʼ oħt li tgħix ġewwa Franza. Darba waħda wara l-brejk, xi subien ipprovaw iġagħluha tbushom, imma hi talbet u rreżistiet b’sodizza, u għalhekk is-subien telquha waħedha. Iktar tard, wieħed minnhom reġaʼ mar fuqha u qalilha li ammiraha għall-kuraġġ li kellha. Hi kienet kapaċi tagħtih xiehda tajba dwar is-Saltna, billi spjegatlu l-livelli għoljin li Jehovah poġġa għal dawk kollha li jridu jieħdu sehem mill-barkiet tagħha. Matul is-sena skolastika, hi spjegat ukoll it-twemmin tagħha lill-klassi kollha.
24 Xi privileġġ prezzjuż għandna li nkunu fost dawk li Jehovah jogħġbu juża biex jitkellmu b’konvinzjoni soda dwar ir-rieda tiegħu! (Kol. 4:12) Iżjed minn hekk, aħna għandna l-opportunità meraviljuża li nuru li għandna integrità meta niġu attakkati mill-Avversarju tagħna qisu ljun, Satana x-Xitan. (1 Pt. 5:8, 9) Qatt m’għandna ninsew li Jehovah qed juża l-messaġġ tas-Saltna biex iġib salvazzjoni kemm għalina li nippridkawh u kemm għal dawk li jisimgħuh. Jalla d-deċiżjonijiet li nagħmlu u l-mod taʼ ħajja tagħna taʼ kuljum jagħtu prova li qed inpoġġu s-Saltna l-ewwel. Ejja nibqgħu nippridkaw l-aħbar tajba b’konvinzjoni qawwija!