Ħarsa Lejn Id-dinja
Programm Taʼ Qari Jgħin Fit-Tnaqqis Tal-Kriminalità
Fi Bradford, ġewwa l-Ingilterra, programm imħallas mill-fondi tal-gvern u li hu ddisinjat biex itejjeb il-kapaċità tat-tfal biex jaqraw, qiegħed ikollu riżultati drammatiċi, tirrapporta l-gazzetta Britannika The Independent. Mhux talli l-programm taʼ qari għen biex jittejbu l-kapaċitajiet tal-qari imma dan irċieva wkoll kredtu talli għen biex titnaqqas il-kriminalità! “Aħna rajna konnessjoni diretta bejn in-numru taʼ żgħażagħ li jiżgassaw id-djar u r-rata taʼ skartar mill-iskejjel,” jgħid John Watson, il-kap tal-Better Reading Partnership. “Jekk it-tfal ikunu kapaċi jaqraw iktar hemm ċans li jkunu interessati f’dak kollu li jiġri fl-iskola u inqas ikun hemm ċans li jiskartaw. Għar-raġuni li ma jkunux jiġġerrew fit-toroq inqas ikun hemm possibbiltà li jmorru jiżgassaw id-djar.”
L-Olimpijadi u L-Faqar
“L-għadd taʼ medalji mirbuħin minn xi pajjiżi fl-Olimpijadi u l-ammont taʼ flus investiti fuq faċilitajiet u sponsorships minn kumpaniji kummerċjali f’dawn il-logħbiet iqajmu mistoqsijiet dwar kemm id-dinja bi ħsiebha ttemm il-faqar,” jirrapporta l-ENI Bulletin, taʼ l-Isvizzera. “B’dan ma rridux ngħidu li m’għandniex niċċelebraw l-eċċellenza jew nagħtu l-applawsi tagħna lil atti taʼ ħila umana u taʼ ssapportar,” jgħid Greg Foot, mill-aġenzija World Vision taʼ l-Awstralja. “Imma,” jżid hu, “irridu taʼ bilfors nistaqsu jekk aħniex nibbilanċjaw l-affarijiet sewwa meta nonfqu tant flus fl-ipperfezzjonar tad-dieta taʼ l-aqwa atleti tagħna meta miljuni mill-ġirien tagħna bil-kemm għandhom ikel biżżejjed biex ikunu kapaċi jimxu.” Huwa stmat li matul il-ġimgħatejn li fihom saru l-Olimpijadi f’Atlanta, 490,000 tifel u tifla madwar id-dinja mietu kaġun tal-ġuħ u mard li jistaʼ jiġi skansat.
Allerġija Għall-Wirdien
Skond il-University of California at Berkeley Wellness Letter, huwa stmat li bejn 10 miljun u 15-il miljun ruħ fl-Istati Uniti huma allerġiċi għall-wirdien. Meta tiġi esposta għall-wirdien, persuna allerġika tistaʼ tesperjenza “irritazzjoni tal-ġilda, flissjoni, jew sintomi t’ażżma.” In-newsletter innotat li “sa 80% mit-tfal ażżmatiċi kollha huma sensittivi għall-wirdien.” Il-wirdien ma jfissrux neċessarjament li kċina tkun maħmuġa. Anki “fl-iktar kċina nadifa tistaʼ ssibhom,” issostni l-Wellness Letter. Ġie stmat li għal kull wirdiena li tfeġġ, jistaʼ jkun hemm madwar 1,000 moħbijin jiġġerrew mad-dar kollha. Par wirdien jistgħu jipproduċu madwar 100,000 dixxendent f’sena waħda biss.
Iktar Perikoluż Mit-Tipjip?
Skond Statistics Canada, “stil taʼ ħajja fejn wieħed iqattaʼ ħafna ħin bil-qiegħda, joħloq iktar mid-doppju tar-riskju li jiġi mit-tipjip tas-sigaretti,” tirrapporta The Medical Post. Fil-waqt li madwar sebaʼ miljun Kanadiż huma suxxettibbli li jesperjenzaw problemi serji taʼ saħħa u mewt bikrija minħabba tipjip taʼ tabakk, bejn 14-il miljun u 17-il miljun qegħdin jiffaċċjaw riskji simili għal saħħithom minħabba nuqqas t’eżerċizzju. Nuqqas taʼ ħin, enerġija, u motivazzjoni jissemmew bħala fatturi ewlenin li jostakolaw lill-eżerċizzju regulari. Nies li jqattgħu ħafna ħin bil-qiegħda għandhom iktar tendenza li jikkonsmaw iktar xaħmijiet u inqas frott u ħxejjex. “Il-mira kurrenti biex jinkisbu l-aħjar benefiċċji għall-qalb hi li n-nies jiġu mħajrin jagħmlu eżerċizzju . . . għal taʼ l-inqas 30 minuta b-intensità moderata jew ogħla,” tgħid il-Post.
Il-Papa Jafferma Mill-Ġdid L-Evoluzzjoni
Il-Papa Ġwanni Pawlu II dan l-aħħar ħareġ stqarrija fuq l-evoluzzjoni tal-bniedem, fejn iċċita r-“riżultati akkumulati” minn riċerka indipendenti bħala “argument sinjifikanti favur din it-teorija.” Għalkemm m’approvax għalkollox dan it-tagħlim, Ġwanni Pawlu II rrepeta l-enċiklika taʼ Papa Piju XII, maħruġa fl-1950, li “kkunsidrat id-duttrina taʼ l-‘evoluzzjoniżmu’ bħala ipotesi serja li kienet tistħoqq investigazzjoni,” skond L’Osservatore Romano. Biex jipprova ma jħallix lil Alla barra mill-istampa, il-papa rrikorra għat-tagħlim Platoniku li l-bnedmin għandhom ruħ immortali. Billi għal darb’oħra silet mill-enċiklika taʼ Piju XII, hu qal: “Jekk il-ġisem uman jieħu l-oriġini tiegħu minn materja ħajja li kienet teżisti minn qabel, ir-ruħ spiritwali hija maħluqa immedjatament minn Alla.”
Eżerċti Taʼ Tfal
Kwart taʼ miljun tifel u tifla, xi wħud minnhom anki taʼ sebaʼ snin, qegħdin iservu fil-forzi armati madwar id-dinja, skond riċerka li saret f’26 pajjiż u rrapportata fil-Guardian Weekly taʼ Manchester, fl-Ingilterra. Ir-rapport, parti minn studju li sar mill-Ġnus Magħquda u li ħa sentejn biex sar, irrivela li r-rekluti tfal infushom kienu ġew brutalizzati, taʼ spiss billi kienu jiġu sforzati jixhdu t-tortura u l-mewt taʼ qrabathom. Wara dan, jintużaw bħala esekuturi, assassini, u spiji. F’pajjiż wieħed, “il-biċċa l-kbira taʼ suldati tfal ġew ikkmandati jittorturaw, jimmankaw jew joqtlu tfal jew adulti li jkunu qegħdin jipprovaw jaħarbu.” Tfal li taʼ spiss kienu jingħataw drogi jew alkoħol qabel jiġġieldu, intwerew jiġru għall-battalja “qishom kienu immortali jew ma jistgħux jinqatlu jew jiġu feruti.”
Parir Għall-Papa
Il-ġurnalista Kattoliku Taljan Vittorio Messori jemmen li membri tal-ġerarkija tal-Knisja Kattolika moderna jgħidu wisq. Hu jissuġġerixxi li għandhom ‘jissimplifikaw u jqassru’ l-messaġġi tagħhom. F’intervista rrapportata mill-aġenzija taʼ l-aħbarijiet Kattolika Adista, hu qal: “Kalkolu taʼ malajr jirrivela li l-knisja fil-livelli kollha pproduċiet iktar kliem f’dawn l-aħħar 20 sena milli fl-20 seklu taʼ qabel. Iktar ma wieħed jitkellem, inqas ma jiġi mogħti widen. Jien ipproponejt sabat taʼ sebaʼ snin li matulu l-knisja għandha tibqaʼ siekta, mill-assistent tal-kappillan sal-Papa. . . . Din il-geġwiġija taʼ diskorsi u ittri enċiklikali . . . jien qrajthom, imma kemm hemm oħrajn li jaqrawhom? Għandna nagħmlu s-sagrifiċċju li mmorru lura għad-drawwa tal-papiet taʼ ftit għaxriet taʼ snin ilu. Dawn l-iżjed li kienu joħorġu kienu tliet enċikliki.”
Għoti Taʼ Nifs Lit-Tewm
Il-gvern taʼ Tajwan dan l-aħħar ħa passi innovattivi biex jgħin fit-tnaqqis taʼ provista żejda taʼ tewm. Amministraturi ħeġġew lill-pubbliku biex “jiekol iktar tewm,” tgħid is-South China Morning Post. Uffiċjal Tajwaniż li hu fil-Kunsill taʼ l-Agrikoltura, Mr. Ku Te-yeh, spjega: “Huwa sempliċement każ taʼ taħwil żejjed taʼ tewm din is-sena.” Fi sforz biex tingħata spinta lill-konsum, il-gvern qiegħed jippubblika ktejjeb bir-riċetti tat-tewm. Mr. Ku ammetta, madankollu, li l-“pubbliku ma jistax jiġi mistenni li jiblaʼ l-problema kollha hu,” tgħid il-gazzetta.
Il-Marki Tas-Swabaʼ Tal-Koalas Jixbhu Lil Tal-Bnedmin
Il-marki tas-swabaʼ taʼ l-idejn u tas-saqajn taʼ koala huma simili b’mod straordinarju għal dawk taʼ bniedem, jgħid wieħed xjenzat Awstraljan. Il-Professur Maciej Henneberg, bijologu u espert tal-forensika fl-Università t’Adelaide, jgħid: “Saħansitra l-mikroskopju li jifli permezz taʼ l-elettroni ma jistax jiddistingwi d-differenza.” Ix-xebh m’huwiex fil-forma ġenerali taʼ jdejn u saqajn il-koala imma fid-dermatoglifiki tiegħu—id-disinn tal-ħotob, ix-xfar, u ċ-ċrieki fuq il-ġewwieni taʼ jdejh u saqajh. Barra minn hekk, il-marki tas-swabaʼ taʼ l-idejn u s-saqajn huma uniċi għal koalas individwalment, sewwa sew bħalma huma għall-bnedmin.
Apoloġija Wara 500 Sena
Fl-1496, ir-Re Manuel tal-Portugall ħareġ digriet lil-Lhud li kienu jgħixu fit-territorju tiegħu: Ikkonvertu għall-Kattoliċiżmu Ruman, jew itilqu. Madwar 500 sena wara, fl-1988, il-Portugall offra apoloġija uffiċjali. Riċentement, waqt kommemorazzjonijiet solenni, il-Portugall offra r-rikonċiljazzjoni. Skond rapport taʼ l-Associated Press, il-president tal-Portugall, Jorge Sampaio, qal f’indirizz li għamel quddiem il-Parlament li t-tkeċċija kienet “att infami b’konsegwenzi profondi u diżastrużi.” Il-Ministru tal-Ġustizzja José Eduardo Vera Jardim sejjaħ lit-tkeċċija “perijodu iswed taʼ l-istorja tagħna.” Hu żied jgħid li l-istat għandu jagħti lil-Lhud “apoloġija morali” għal sekli sħaħ taʼ “persekuzzjoni brutali.” Waqt li llum il-popolazzjoni tal-Portugall tlaħħaq madwar 10 miljun ruħ, hemm biss madwar 1,000 Lhudi prattikant jgħix hemmhekk.
Arloġġi Li Mhux Il-Ħin Biss Juruk
F’Rio de Janeiro, 77 student ġew skwalifikati wara li nstabu li kellhom arloġġi diġitali intenzjonati biex iqarrqu waqt eżami taʼ dħul fl-università, tirrapporta l-gazzetta O Globo. L-arloġġi kienu jiffunzjonaw pjuttost bħal djarju tat-telefon; imma minflok ma jirċievu numri tat-telefon, dawn kienu jipprovdu t-tweġibiet tajbin għall-mistoqsijiet taʼ l-eżami. Il-gazzetta tgħid li l-istudenti ħallsu sa $14,000 Amerikan kull wieħed għall-arloġġi. Taʼ interess huwa l-fatt li, sa mill-1987 ’l hawn, kumitati taʼ eżaminaturi taʼ l-iskejjel fl-Ingilterra u Wales wissew lill-għalliema biex joqogħdu għassa għal uħud qarrieqa li jkunu qegħdin jużaw arloġġi kompjuterizzati.