LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 6/8 pp. 7-10
  • Ipproteġi Lilek Innifsek u lill-Maħbubin Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ipproteġi Lilek Innifsek u lill-Maħbubin Tiegħek
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jekk Trid Teħles Minnha
  • Kif Nistaʼ Nevita l-Pornografija?
    Stenbaħ!—2008
  • Il-Pornografija—Hija l-Pornografija Perikoluża?
    It-Torri tal-Għassa: Il-Pornografija—Hija l-Pornografija Perikoluża?
  • Il-Ħsara li Tikkaġuna l-Pornografija
    Stenbaħ!—2003
  • Għala għandek twarrab il-pornografija?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 6/8 pp. 7-10

Ipproteġi Lilek Innifsek u lill-​Maħbubin Tiegħek

L-​INTERNET jistaʼ jkun għodda utli. Imma bħal ħafna għodod oħrajn, tistaʼ tintuża ħażin. U l-​pornografija on-line—il-​pornografija fuq l-​Internet—hija eżempju wieħed taʼ dan.

Billi l-​ġenituri jafu kemm stampa tagħmel effett qawwi, huma għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex ma jħallux lit-​tfal jidħlu f’sites taʼ l-​Internet li jkunu offensivi. Il-​ktejjeb Teen Safety on the Information Highway jipprovdi tagħrif li jistaʼ jkun t’għajnuna dwar dan is-​suġġett. Dan jgħid: “Issa hemm servizzi li jiċċensuraw il-​web sites skond il-​kontenut tagħhom kif ukoll programmi u browsers li jiffiltraw [il-kontenut tas-​sites] u bihom il-​ġenituri jkunu jistgħu jimblokkaw it-​tipi taʼ sites li huma jikkunsidrawhom mhux xierqa. Dawn il-​programmi jaħdmu b’diversi modi. Ftit minnhom jimblokkaw is-​sites li huma magħrufa li jkun fihom materjal oġġezzjonabbli. Ftit minnhom ma jħallux lil min ikun qed jużahom idaħħal ċertu tip taʼ informazzjoni bħal per eżempju l-​isem u l-​indirizz. Programmi oħrajn iżommu lit-​tfal tiegħek ’il bogħod miċ-​chat rooms jew jillimitaw l-​abbiltà tagħhom li jibagħtu jew jaqraw l-​E-mail. Ġeneralment dawn il-​programmi jistgħu jiġu ssettjati minn wieħed mill-​ġenituri biex jimblokka biss it-​tipi taʼ sites li hu jidhirlu li huma oġġezzjonabbli.”—Ara wkoll il-​kaxxa “Kif Tipproteġi lit-​Tfal mill-​Pornografija.”

Madankollu, irridu nammettu li l-​ġenituri jistgħu biss jagħmlu tant biex ineħħu s-​sites mhux mixtiqin li uliedhom għandhom mnejn jaraw. Huma ma jistgħux joqogħdu għassa taʼ wliedhom kull sekonda. U tifel jew żagħżugħ li ma jarax pornografija d-​dar għandu mnejn ikun jistaʼ jaraha, kważi mingħajr ebda limitu, fuq xi kompjuter fl-​iskola jew fid-​dar taʼ xi sieħeb taʼ l-​iskola. Għalhekk, barra li jagħmlu kulma jistgħu biex iżommu lit-​tfal milli jaraw il-​pornografija, il-​ġenituri jridu jgħinuhom jiżviluppaw kuxjenza sensittiva li se tqanqalhom jitbegħdu mill-​pornografija mingħajr ma joqgħod jgħidilhom ħadd.

Inkunu żbaljati jekk nikkonkludu li l-​adulti huma iktar preparati biex jaraw il-​pornografija milli huma t-​tfal. Bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel, il-​pornografija m’hi tajba għal ħadd!

Iżda, nagħmlu mod li int ilek tara l-​pornografija għal ftit taż-​żmien. Int tirrealizza li dak li qed tagħmel ma jogħġobx lil Alla, u trid taqtgħu dan il-​vizzju. Tistaʼ tagħmlu dan? Iva, tistaʼ. Kuljum ikun hemm xi ħadd li jaqtaʼ xi vizzju. Jekk trid tassew taqtaʼ l-​pornografija, tistaʼ tagħmel dan.

Jekk Trid Teħles Minnha

L-​ewwel pass li trid tieħu hu li tieqaf tara l-​pornografija—minnufih! Iktar ma ddum taħsibha, iktar se ssibha diffiċli biex tieqaf. Madankollu, li tieqaf jistaʼ jkun iktar diffiċli milli taħseb. Il-​Bibbja b’mod realistiku tiġbed l-​attenzjoni għall-​fatt li d-​dnub jistaʼ jkun taʼ pjaċir għal ftit taż-​żmien. (Lhud 11:25) Imma d-​dnub jistaʼ jwassal ukoll għall-​mewt. (Rumani 6:23) Għall-​ewwel, tistaʼ ssib ruħek tivvinta kull skuża biex tara l-​pornografija għal darb’oħra biss. Tismax minnek innifsek! U ċċedix għat-​tentazzjoni biex tkompli tara!

Bħalma semmejna qabel f’din is-​serje, ħajtek tistaʼ tiġi effettwata serjament jekk tkompli tħares lejn il-​pornografija. Ħares ħarsa sew u bl-​onestà kollha lejn il-​mod kif dan il-​vizzju qed jeffettwa r-​relazzjoni tiegħek mal-​familja u l-​ħbieb. Int raġel miżżewweġ u missier? X’aktarx li martek u wliedek indunaw b’xi bidliet fl-​imġiba tiegħek. Minn mindu bdejt tara l-​pornografija, sirt iktar tbati bil-​burdati, tkun bil-​geddum, taʼ ftit kliem, jew tħobb toqgħod għalik waħdek—forsi mingħajr lanqas biss taf. Forsi xi kultant tinfexx tgħajjat mal-​membri tal-​familja bla ebda raġuni. Jekk qed tara materjal pornografiku, l-​imġiba tiegħek għandha mnejn qed tikxfek. Il-​ħbieb u tal-​familja indunaw li ġralek xi ħaġa. Biss ma jafux xiex—s’issa!

Jekk issib li darba wara l-​oħra tħossok li trid tara l-​pornografija, tipprovax tiġġildilha waħdek. Fittex l-​għajnuna. Iftaħ qalbek maʼ ħabib taʼ l-​esperjenza. Veru, trid tkun kuraġġuż biex tammetti li għandek problema bil-​pornografija, imma ħabib matur x’aktarx se jammirak talli tkun ħadt l-​inizjattiva li tieqaf.

Ċertament li l-​iktar raġuni qawwija biex tiġġieled lill-​pornografija hija xewqa kbira li togħġob lil Alla. Meta naġixxu kif jixraq, inferrħu qalb Alla. (Proverbji 27:11) Meta naġixxu ħażin, inġagħluh ‘isewwed qalbu.’ (Ġenesi 6:6) Jekk int Kristjan, bla dubju jimpurtak minn kif iħossu Alla. Għandu jimpurtak ukoll mill-​mod kif tuża moħħok u qalbek, li huma dedikati lil Alla u għandhom jinżammu nodfa għas-​servizz tiegħu. (Eżekjel 44:23) Il-​Bibbja tħeġġeġ lill-​Kristjani biex inaddfu lilhom infushom minn ‘kull tidnis tal-​ġisem u tar-​ruħ, u jtemmu l-​qdusija tagħhom fil-​biżaʼ taʼ Alla.’ (2 Korintin 7:1) Iva, biżaʼ bnin li ma togħġobx lil Alla, li jara kollox, jistaʼ jqanqlek biex teħles mill-​pornografija.

Però, ejja ngħidu li waqt li tkun qed tissara biex teħles minnha, int b’kumbinazzjoni tiftaħ Web site li jkun fiha l-​pornografija. Oħroġ mis-​site immedjatament! Jekk ikun hemm bżonn, agħlaq il-​browser taʼ l-​Internet! Jekk qed tħossok ittantat biex terġaʼ tidħol, avviċina lil Alla permezz taʼ talb ħerqan, u ssupplikah biex jgħinek tirreżisti t-​tentazzjoni. Il-​Bibbja tgħid: “Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn.” Jekk issib ruħek li ma tistax teħles minn ħsibijiet ħżiena, ibqaʼ itlob sakemm teħles minnhom. Imbagħad ‘is-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommlok qalbek u moħħok.’ (Filippin 4:6, 7) M’għandniex xi ngħidu, int se jkollok bżonn li flok bi ħsibijiet ħżiena timla’ moħħok bi ħsibijiet ‘veri, xierqa, ġusti, safjin, li jiġbdu l-​imħabba, u li jistħoqqilhom il-​ġieħ.’—Filippin 4:8.

Għandek mnejn issibha t’għajnuna li titgħallem bl-​amment xi versi mill-​Bibbja u timmedita fuqhom. Dawn huma xi eżempji.

“Iħobb il-​Mulej lil min jobgħod il-​ħażen.”—Salm 97:10.

“Ngħakkes bl-​aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippridkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat.”—1 Korintin 9:27.

“Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu taʼ l-​art: żína, faħx, ġibdiet.”—Kolossin 3:5.

“Kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-​qdusija u l-​ġieħ, u ma jħallix il-​passjoni tegħelbu.”—1 Tessalonikin 4:4, 5.

“Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mattew 5:28.

‘L-​irġiel għandhom iħobbu n-​nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu.’—Efesin 5:28.

Hemm ħafna raġunijiet għala għandek tevita l-​pornografija. Din tistaʼ teffettwa serjament il-​kwalità taʼ ħajtek, tistaʼ tbiddillek il-​mod kif taħseb, tħassar ir-​relazzjoni tiegħek m’oħrajn u, fuq kollox, tirrovinalek ir-​relazzjoni tiegħek m’Alla. Jekk ma waqajtx fil-​vizzju li tara l-​pornografija, tibdiex issa. Jekk bdejt, ieqaf immedjatament! Sew jekk tkun fi ktieb jew f’rivista jew inkella fuq l-​Internet, il-​pornografija m’hijiex tajba għall-​Kristjani. Evitaha akkost taʼ kollox!

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

Kif Tipproteġi lit-​Tfal mill-​Pornografija

Is-​suġġerimenti li ġejjin jistgħu jgħinuk tipproteġi lil uliedek mill-​perikli tal-​­pornografija fuq l-​Internet.

● Tħallix lil ibnek [jew bintek] jidħol fl-​Internet mill-​kamra tas-​sodda tiegħu. Poġġi l-​kompjuters li huma mqabbdin maʼ l-​Internet f’kamra li l-​membri kollha tal-​familja jistgħu jidħlu fiha ­faċilment.

● Sir af il-​programmi tal-​kompjuter li juża ibnek.

● Iċċekkja jekk it-​tifel ħoloqx xi Web site għalih innifsu mingħajr ma qallek. Biex tagħmel dan, ipprova fittex ismu fuq search engines (programmi li jfittxu għal kliem speċifiku) li jgħinuk tgħarrex fl-​Internet kollu. Niżżel ismu kollu bejn l-​inverted commas biex tevita li tiftaħ sites ħżiena.

● Tħallix lil ibnek jiftiehem biex jiltaqaʼ wiċċ imbwiċċ maʼ xi ħaddieħor li jkun qed juża l-​kompjuter u li int ma tafux.—Ara l-​kaxxa “Iktar minn Sempliċi Tpaċpiċ.”

● Qatt twieġeb għal messaġġi jew affarijiet fuq il-​bulletin board (sistema li tippermetti lil min ikun qed juża l-​kompjuter biex jibgħat u jaqra messaġġi li huma taʼ interess ġenerali u li ma jkunux indirizzati lil xi individwu partikulari)

li jkunu indiċenti, oxxeni, aggressivi jew li jhedduk.

● Wissi lil uliedek biex ma jarawx materjal fuq l-​Internet li ma jkunx xieraq. Għallimhom jagħmlu ċ-​ċensura ­għalihom infushom meta ma jkunx hemm int. Ftakar li l-​kompjuters taʼ l-​iskola jew taʼ xi ħabib jistaʼ ma jkollhomx ċensura għat-​tfal kontra l-​pornografija.

[Sors]

Ftit mill-​materjal huwa bbażat fuq il-​browxer Child Safety on the Information Highway u ­artiklu fil-​Los Angeles Times, 5 taʼ Lulju, 1999.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]

Iktar minn Sempliċi Tpaċpiċ

Wieħed irid joqgħod b’sebaʼ għajnejn meta jkun qed juża chat room taʼ kompjuter. Permezz taʼ chat room, dawk li jużaw ­l-Internet ikunu jistgħu jikkomunikaw flimkien. M’għandniex xi ngħidu, ħafna nies jikkomunikaw maʼ ħbieb kbar tagħhom permezz taʼ l-​E-mail. Xi wħud li jgħixu ’l bogħod minn tal-​familja jistgħu jibqgħu f’kuntatt magħhom regolarment b’dan il-​mod. Imma hemm differenza bejn li tibgħat E-mail lil xi ħadd li taf għal li toqgħod tpaċpaċ maʼ xi ħadd li ma tafux. Qatt jiġik f’moħħok li ċċempel numru tat-​telefon bl-​addoċċ u mbagħad tagħmel ħbieb maʼ min jaqbad it-​telefon, ikun min ikun? U żgur li le! Allura għala tiżviluppa ħbiberija on-line maʼ xi ħadd li assolutament ma tafux?

Problema waħda li tqum meta tikkomunika maʼ xi ħadd li ma tafux hi li forsi ma jkunx dak li taħseb li hu. Per eżempju, jistaʼ jkun xi pedofilu li jkun qed jittama li jieħu vantaġġ minn xi tifel jew żagħżugħ li ma jkun qed jissuspetta b’xejn.

Parry Aftab, avukata li tispeċjalizza f’każi li jinvolvu ­l-Internet spjegat kemm dan jistaʼ jkun faċli. Hi osservat: “Normalment it-​tfal jidħlu fiċ-​chat rooms. Il-​pedofili jinnotawh dan, isegwu l-​konversazzjonijiet u joqogħdu attenti għal tfal li jħossuhom ­waħedhom. Xi tifel jistaʼ jibgħat messaġġi bħal ‘Il-​ġenituri tiegħi se jiddivorzjaw . . . Nobgħodha lil ommi, qatt ma tixtrili l-​logħba tal-​kompjuter li nkun irrid jien.’ . . . Il-​pedofilu jidħol [fiċ-chat room] u jwieġeb ‘Il-​ġenituri tiegħi se jiddivorzjaw . . . Nobgħodha lil ommi . . . Qatt ma jistaʼ jkolli l-​logħba li nkun irrid, sakemm imbagħad jixtrihieli z-​ziju Timmy. . . . Kulma trid tagħmel hu li tmur saċ-​ċentru tal-​ħwienet u tiltaqaʼ maz-​ziju Timmy.’” “Iz-​ziju Timmy” ma jkun ħadd ħlief il-​pedofilu li jkun qed jgħarrex għal xi vittma.

Minħabba f’hekk, il-​ġenituri għandhom dejjem ikollhom relazzjoni b’saħħitha maʼ wliedhom u juruhom ħafna affezzjoni. Ħu ħsieb li dejjem tagħmilha faċli biex tikkomunikaw flimkien sabiex iż-​żgħar ma jħossux il-​bżonn li jfittxu l-​appoġġ emozzjonali għand min mhux suppost.

L-​adulti li jħossuhom waħedhom jew li m’humiex ferħanin fiż-​żwieġ tagħhom m’għandhomx ifittxu l-​appoġġ emozzjonali fiċ-​chat rooms tal-​kompjuter. Huwa perikoluż li tfittex nies li ma tafhomx. Xi adulti ħallew lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tagħhom biex imorru maʼ xi ħadd li jkunu “ltaqgħu” miegħu fuq l-​Internet.a

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar tagħrif dwar iċ-​chat rooms tal-​kompjuter, jekk jogħġbok ara l-​artiklu ­“Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ ­Nevita l-​Perikli taʼ fuq l-​Internet?” fil-​ħarġa taʼ ­Stenbaħ! tat-​8 taʼ Frar, 2000.

[Stampa f’paġna 8]

It-​talb jistaʼ jgħin lil dak li jkun biex jirreżisti t-​tentazzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja