Nissaportu Traġedja li Ma Tistax Tiddeskriviha
KIF RAKKONTAT MINN JAMES GIARRANO
Waħda mill-iktar affarijiet li ġġib ferħ fil-ħajja hi meta ssir nannu jew nanna. Jien u marti Vicki konna qed nistennew b’ħerqa kbira t-twelid taʼ l-ewwel neputi tagħna. It-tifla tagħna, Theresa, u r-raġel tagħha, Jonathan, kienu qed jistennew tarbija fil-bidu t’Ottubru taʼ l-2000. Qatt m’għaddielna minn rasna li dalwaqt konna se niġu wiċċ imbwiċċ maʼ traġedja li ma tistax tiddeskriviha.
NHAR is-Sibt, 23 taʼ Settembru, jien u l-mara, flimkien mat-tifel tagħna u l-mara tiegħu, irħejnielha fuq vaganza. Konna se niltaqgħu maʼ xi membri oħrajn tal-familja tagħna u nqattgħu ġimgħa fil-gżejjer taʼ Outer Banks fin-North Carolina. Theresa u Jonathan kienu ddeċidew li ma jiġux magħna għall-vaganza għax hi kellha disaʼ xhur tqala u konna se nivvjaġġaw distanza twila bil-karozza—madwar 11-il siegħa mid-dar tagħna f’Ohio.
Ridna nħallu l-vaganza għal iktar tard, imma Theresa insistiet li mmorru. Hi żguratna li kollox kien se jmur b’wiċċ il-ġid. Barra minn hekk, it-tabib tagħha ħass li t-tqala x’aktarx li kienet se tkompliha sa l-aħħar, u hi kien għad baqgħalha ġimagħtejn biex jagħlqilha ż-żmien.
Nhar l-Erbgħa, 27 taʼ Settembru, 2000, kienet ġurnata sabiħa li fakkritni għala għal snin sħaħ bħala familja dejjem morna vaganza f’dawn l-inħawi. Fejn konna nafu li sa tmiem il-ġurnata ħajjitna kienet se tinbidel mil-lejl għan-nhar?
“Theresa Ma Tinstab Imkien!”
Dik il-lejla stess jien irċivejt telefonata mingħand ħija li kien f’Ohio. Kien jinstemaʼ nervuż ħafna u ħassejtu qed iġibha fit-tul. Fl-aħħar, qalilna li kellu jgħidilna: “Theresa ma tinstab imkien!” Il-pulizija kienet involuta fil-biċċa tax-xogħol għax l-affarijiet li ġraw qabel u wara li sparixxiet kienu qajmu suspetti. Dakinhar, meta Jonathan wasal id-dar wara nofsinhar, hu sab li l-bieb taʼ barra ma kienx imsakkar. Dak li Theresa kienet qed tiekol fil-għodu kien għadu fuq il-mejda, u anki l-basket kienet ħallietu hemm. Kien hemm xi ħaġa oħra stramba: Iż-żarbun tagħha—l-uniku par li kien jiġiha fid-disaʼ xahar tat-tqala tagħha—kien għadu ħdejn il-bieb.
Jonathan kien ċempel id-dar għall-ħabta tad-9:30 taʼ fil-għodu. Theresa qaltlu li kienet ċemplet waħda mara li riedet tiġi biex tara l-karozza tagħhom li kienet għall-bejgħ. Wara dan, Theresa suppost li kellha toħroġ tagħmel xi qadjiet. Jonathan ċemplilha f’xi nofsinhar, imma ma qabadhiex. Kompla jċempel wara nofsinhar, imma xorta ma sab lil ħadd. Meta wasal id-dar fl-4:15 taʼ wara nofsinhar, innota li l-karozza ma kinitx hemm. Ċempel l-isptar għax ħaseb li forsi Theresa daħlet twelled, imma ma kinitx hemm. Ċempel ukoll lil xi membri tal-familja, imma ħadd ma kien raha. Tatu rasu, u allura ċempel lill-pulizija. F’xi s-6:00 taʼ fil-għaxija, il-pulizija sabet il-karozza mhux daqstant ’il bogħod mid-dar tagħhom. Imma Theresa xorta ma kienet tidher imkien.
Meta waslitilna l-aħbar fin-North Carolina, din ħallietna xxokkjati. Jien u l-mara, flimkien mat-tifel tagħna u l-mara tiegħu, ippakkjajna l-basktijiet u rħejnielha lura lejn id-dar. Kellna vjaġġ twil bil-karozza u kien wieħed emozzjonali. Komplejna nivvjaġġaw matul il-lejl u wasalna lura f’Ohio l-għada fil-għodu.
Żviluppi Ġodda fil-Każ
Sadattant, Jonathan u xi qraba, flimkien maʼ ħbieb tal-qalb u oħrajn kienu qed jgħinu lill-pulizija fit-tfittxija għal Theresa, li baqgħet għaddejja tul il-lejl kollu. It-tfittxija kompliet għal ħamest ijiem taʼ qtigħ il-qalb. Fl-aħħar, nhar it-Tnejn, 2 t’Ottubru, kien hemm żviluppi ġodda fil-każ. Sa dakinhar, il-pulizija kienet skopriet minfejn kienet saret it-telefonata lil Theresa l-Erbgħa fil-għodu. Waħda mara li kienet toqgħod ftit blokkijiet ’il bogħod kienet ċemplet minn telefon ċellulari.
Wara li interrogaw lill-mara, l-uffiċjali tal-pulizija bdew jissuspettaw fiha. Iktar tard fil-għaxija, dawn marru lura d-dar taʼ din il-mara. Imma hekk kif l-uffiċjali tal-pulizija kienu resqin lejn id-dar semgħu sparatura. Daħlu fid-dar, u sabu l-mara mejta. Kienet sparat lilha nfisha. B’għaġeb kbir, sabu tarbija tifel tat-twelid f’kamra fit-tieni sular. Il-ħaġa taʼ l-iskantament kienet li kien raqad tul dan il-ġenn kollu!
Imma xorta waħda Theresa kienet għadha ma nstabitx. Fis-sigħat taʼ wara, l-uffiċjali tal-pulizija komplew ifittxu fid-dar għal xi evidenza li turi jekk kinitx marret hemm. It-tfittxija ntemmet it-Tlieta fil-għodu kmieni ġewwa l-garaxx. Hemmhekk, f’qabar mhux fond ħafna, sabu l-ġisem taʼ Theresa. Iktar tard, l-uffiċjal inkarigat wasal għall-konklużjoni li kienet qalgħet daqqa li tilfitha minn sensiha, u li mbagħad sparawlha f’darha. Theresa mietet mill-ewwel, u mbagħad it-tarbija ittiħditilha minn ġol-ġuf tagħha. Meta nħarsu lura lejn dak li ġara, il-ħsieb li għallinqas ma batietx iserraħna ftit.
It-tifel tat-twelid ittieħed l-isptar, u sabu li kien b’saħħtu ferm—lanqas girfa waħda ma kellu! Kellu jsir bilfors test tad-DNA u dan ikkonferma li tassew huwa n-neputi tagħna. Jonathan semmieh kif hu u Theresa kienu ddeċidew—Oscar Gavin. Wara li dam ftit biss l-isptar, it-tifel li kien jiżen 3.9 kilogrammi, intbagħat id-dar fi ħdan missieru nhar il-Ħamis 5 t’Ottubru. Konna ferħanin li issa kellna n-neputi tagħna magħna, imma ma nistgħux niddeskrivu bil-kliem l-uġigħ li ħassejna għall-fatt li Theresa ma kinitx hemm biex iżżommu.
Ir-Reazzjoni fil-Komunità
Jien u l-familja tiegħi tant tqanqalna mill-appoġġ kbir li rċivejna—f’ħafna każi minn nies li qatt ma ltqajna magħhom. Matul il-jiem li Theresa ma setgħetx tinstab, mijiet taʼ nies offrew li jgħinuna nfittxuha. Kien hemm ħafna li tawna l-flus. Ħafna ħwienet lokali li kienu jbigħu provvisti għall-uffiċċji stampawlna mingħajr ħlas eluf taʼ karti bl-avviż li Theresa għabet. U volontieri qassmu dawn il-karti f’żona taʼ diversi mili ’l bogħod mid-dar taʼ Theresa.
Waħda minn ħutna l-Kristjani taħdem maʼ avukat lokali, u meta qaltlu dwar is-sitwazzjoni tagħna, hu offra li jgħinna. Aħna aċċettajna l-offerta tiegħu, u din kienet barka kbira. Għenna bil-mod kif kellna nittrattaw mal-mezzi tax-xandir kif ukoll b’ċerti kwistjonijiet legali li qamu. Iktar minn hekk, hu rrikkmandalna żewġ investigaturi privati, li għenuna ħafna fil-każ tagħna. Kienu interessati b’mod ġenwin fina u dan missilna qalbna.
Wara li n-neputi tagħna nstab, l-għajnuna żdiedet. Ħafna ħwienet tal-merċa bagħtulna ikel u provvisti għad-dar. Ħafna individwi taw xi ħwejjeġ għal Oscar kif ukoll ħrieqi, ħalib tat-trab għat-trabi, u ġugarelli. Tant qlajna minnhom li Oscar żgur ma kienx se jużahom kollha, u allura ż-żejjed tajnieh lit-taqsima tal-maternità fl-isptar lokali. Peress li din l-istorja kienet qed tiġi rapportata mill-mezzi tax-xandir, irċivejna eluf taʼ kartolini u ittri—mhux biss minn dawk li kienu joqogħdu ħdejna imma minn madwar id-dinja kollha.
L-appoġġ kbir kien jidher b’mod partikulari fil-funeral taʼ Theresa, li sar nhar il-Ħadd 8 t’Ottubru. Konna nafu li ħafna nies kienu se jiġu, imma ġew ħafna iktar milli stennejna. Saru arranġamenti biex tintuża sala fl-iskola sekondarja lokali, u din imtliet sa l-inqas rokna b’iktar minn 1,400 ruħ. Fost dawk li attendew kien hemm membri tal-familja, ħbieb, uffiċjali tal-pulizija, is-sindku, u oħrajn mill-komunità. Kien hemm ukoll membri mill-mezzi tax-xandir, u l-istazzjonijiet televiżivi lokali ġibdu t-taħdita, li xxandret ukoll diretta fuq l-Internet. Barra minn hekk, mijiet taʼ nies qagħdu fl-intrata taʼ l-iskola jew imgezzin taħt l-umbrelel barra fix-xita u l-kesħa, u semgħu t-taħdita mill-ispeakers li kienu mqabbdin maʼ dawk tas-sala. Bit-taħdita ngħatat xiehda kbira dwar it-twemmin tagħna bbażat fuq il-Bibbja.
Wara, mijiet taʼ nies qagħdu jistennew bil-paċenzja wara xulxin biex jagħtu l-kondoljanzi tagħhom. Domna hemm kważi tliet sigħat, ngħannqu lil dawk kollha li ġew u nesprimu l-apprezzament tagħna talli ġew. Wara l-funeral, lukanda f’dak il-post b’qalb tajba pprovdiet ikla għal iktar minn 300 ruħ fosthom dawk tal-familja tagħna, ħbieb tal-qalb, u oħrajn li kienu għenuna nsibu lit-tifel.
Ma nistgħux nesprimu biżżejjed kemm napprezzaw dak li n-nies—il-biċċa l-kbira minnhom barranin—għamlu biex jgħinuna. Din l-esperjenza ġagħlitna nkunu determinati iktar minn qatt qabel biex nieħdu sehem bis-sħiħ fil-ministeru Kristjan, għax hemm ħafna individwi taʼ qalbhom tajba li rridu nagħtuhom l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—Mattew 24:14.
Kif Irreaġixxiet il-Kongregazzjoni
Mill-bidunett taʼ din l-esperjenza kerha, aħna sibna appoġġ kbir u kontinwu minn ħutna l-Kristjani. Dan l-appoġġ li donnu ma kien jieqaf qatt kien ġej kemm mill-kongregazzjoni tagħna tax-Xhieda taʼ Jehovah u kemm minn kongregazzjonijiet oħrajn.
Anki qabel ma wasalna d-dar min-North Carolina, l-anzjani fil-kongregazzjoni tagħna kienu diġà organizzaw gruppi biex isibu lil Theresa. Ħafna minn ħutna ma marrux għax-xogħol biex jingħaqdu magħna fit-tfittxija. Xi wħud qalu lill-imgħallem tagħhom li kienu lesti li ma jitħallsux, imma f’ċerti każi l-imgħallem ħalliehom jitilqu u ħallashom xorta. Matul il-ġranet li Theresa kienet nieqsa, xi wħud minn ħutna rġiel spiritwali qagħdu maʼ Jonathan sabiex ma jkunx waħdu. Għadd t’aħwa ġew apposta biex iżommulna d-dar nadifa u fl-ordni. Oħrajn taw daqqa t’id billi temgħu lill-volontieri u wieġbu t-telefon.
Madwar sitt ġimgħat wara l-mewt taʼ Theresa, il-mara tiegħi u Jonathan kellhom jiffaċċjaw sfida diffiċli ferm—li jagħżlu l-affarijiet taʼ Theresa u jiżbarazzaw id-dar tagħha. Jonathan ħass li ma setax jibqaʼ joqgħod fid-dar li hu u Theresa kienu għexu fiha flimkien, u għalhekk iddeċieda li jbigħha. Kien diffiċli ħafna għalihom li joqogħdu jagħżlu l-affarijiet taʼ Theresa—kollox kien ifakkarhom fiha u f’kemm kienu qed iħossu n-nuqqas tagħha. Imma anki f’dan il-waqt, l-aħwa ġew jgħinuna. Għenuna nerfgħu l-affarijiet tagħha fil-kaxxi u saħansitra għamlu xi xogħol taʼ tiswija fid-dar biex tkun lesta għall-bejgħ.
Xi ħaġa iktar importanti hi li l-aħwa pprovdew appoġġ spiritwali u emozzjonali lill-familja tagħna. Kienu jċemplulna u jiġu jarawna biex jinkuraġġuna. Ħafna bagħtu kartolini u ittri li tant qanqluna. Dan l-appoġġ b’imħabba ma damx biss għall-ewwel ftit ġranet u ġimgħat imma kompla għal xhur sħaħ.
Ħafna mill-aħwa qalulna biex ngħidulhom kulmeta jkollna bżonn lil xi ħadd joqgħod jismagħna, u aħna aċċettajna l-offerta ħanina tagħhom. Meta tkun tistaʼ taqsam is-sentimenti tiegħek maʼ ħbieb li tħobb u li tafdahom tħossok imfarraġ wisq! Verament, huma applikaw il-kliem tal-proverbju Bibliku: “Il-ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.”—Proverbji 17:17; 18:24.
L-Effett li Tħalla fuq il-Familja Tagħna
Irrid ngħid li ma kienx faċli għalija u għall-familja tiegħi li nissaportu l-qtil taʼ Theresa. Ħajjitna nbidlet għalkollox. Xi kultant inħossni rrabjat li m’hijiex miegħi. Inħoss in-nuqqas tat-tgħanniq u l-bews tagħha.
Marti u Theresa kellhom relazzjoni mill-qrib ferm maʼ xulxin. Ma kinitx tgħaddi ġurnata li minn taʼ l-inqas ma kinux jgħidu kelma flimkien. Kienu jqattgħu sigħat sħaħ jitkellmu dwar it-tqala taʼ Theresa. Kienu ħadmu flimkien biex jippreparaw il-kamra tas-sodda tat-tarbija.
Vicki tiddeskrivi dak li tħoss hi: “Hemm ħafna affarijiet li nimmissja. Nimmissja mmur nippriedka magħha. Nimmissja nixtri magħha. L-iktar li jweġġagħni hu l-fatt li ma narahiex bit-tifel tagħha—dan jaqsamli qalbi wisq. Naf kemm kienet tħobbu lil Oscar anki qabel biss twieled. Kienet taf li kien se jkollha tifel. Wara li kont ħdimtilha kutra għat-tarbija u tajthielha, Theresa kitbitli din il-kartolina:
‘Għażiża ommi,
Grazzi ħafna tal-kutra sabiħa tat-tarbija. Napprezza ħafna x-xogħol kbir kollu li ħadt biex tagħmilha. Nixtieq nerġaʼ ngħidlek grazzi taʼ l-għajnuna kollha tiegħek u l-inkuraġġiment li tajtni biex niffaċċja ftit mill-iktar mumenti diffiċli taʼ ħajti. Dejjem se niftakar dan u nibqaʼ grata. Smajthom jgħidu li meta tikber, xi darba tintebaħ li l-aqwa ħabiba tiegħek hija ommok. Jien nirringrazzja lil Jehovah kuljum li ma domtx wisq ma indunajt b’dan. Inħobbok dejjem.’”
Li weġġagħna wkoll kien li naraw dak li għadda minnu r-raġel tat-tifla. Waqt li Oscar kien l-isptar, Jonathan kellu jagħmel waħda mill-iktar affarijiet diffiċli għalih. Peress li ddeċieda li għal ftit żmien jiġi joqgħod magħna, hu kellu jġorr l-affarijiet tal-kamra tas-sodda tat-tarbija li hu u Theresa kienu ppreparaw fid-dar tagħhom. Ippakkja ż-żiemel li jitbandal, il-benniena, u l-ġugarelli, u ġabhom id-dar tagħna.
Dak li Għenna Nissaportu
Meta titlef lil xi ħadd li tħobb b’mod daqstant traġiku, jiġuk ħafna mistoqsijiet u emozzjonijiet li jħawduk. Kien hemm drabi meta jien bħala anzjan Kristjan ipprovajt infarraġ u ngħin lil ħaddieħor biex jikkumbatti dawn il-mistoqsijiet u sentimenti. Imma meta tkun int dak li qed iġġarrab in-niket, l-emozzjonijiet jistgħu jħawdulek il-ħsieb.
Per eżempju, billi kont naf kif kienet tinsab Theresa u li konna se nagħmlu ġimgħa vaganza, kont tlabt lil Jehovah biex jipproteġiha. Meta nstabet maqtula, nammetti li għall-ewwel ġewni d-dubji għala t-talb tiegħi ma ġiex imwieġeb. M’għandniex xi ngħidu, naf li Jehovah ma jagħtiniex garanzija li se jipprovdi protezzjoni mirakoluża għan-nies tiegħu individwalment. Komplejt nitlob biex nifhem. Sibt il-faraġ billi kont naf li Jehovah jipproteġi lin-nies tiegħu spiritwalment—jiġifieri, hu jipprovdilna li għandna bżonn sabiex inħarsu r-relazzjoni tagħna miegħu. Din hija l-iktar protezzjoni importanti, għax tistaʼ teffettwalna l-futur etern tagħna. F’dak is-sens, Jehovah pproteġa lil Theresa; hi kienet qed taqdih fedelment meta mietet. Sibt is-serħan mill-fatt li naf li l-prospetti li terġaʼ tgħix fil-futur jinsabu f’idejn Alla l-ħanin.
Kien hemm versi skritturali li kienu taʼ faraġ b’mod speċjali. Dawn huma xi wħud minnhom li għenuni nissaporti:
“Kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.” (Atti 24:15) Ili nemmen bil-wegħda tal-Bibbja dwar irxoxt f’ġenna taʼ l-art, imma issa din it-tama hija ħafna iktar reali għalija. Sempliċement illi naf li għad nerġaʼ nħaddan lil Theresa miegħi tani l-qawwa li niflaħ ngħaddi kull ġurnata.
“[Jehovah] m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.” (Luqa 20:37, 38) Insib faraġ kbir mill-fatt li naf li bħalissa Jehovah jikkunsidra lill-mejtin kollha—li jum wieħed se jiġu rxoxtati—bħala li qed ‘jgħixu.’ Allura fil-ħarsa tiegħu, l-għażiża Theresa tagħna hija ħajja u kif.
Vicki tixtieq taqsam ftit mill-versi tal-Bibbja li saħħew lilha b’mod partikulari:
“‘Alla ma jigdibx.’ (Lhud 6:18; Titu 1:2) Minħabba li Jehovah ma jistax jigdeb, jien naf li hu se jwettaq il-wegħda tiegħu u jirxoxta l-mejtin.
“‘Tistagħġbux b’dan: tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra [‘tal-mafkar,’ NW] jisimgħu [leħen Ġesù] u joħorġu.’ (Ġwann 5:28, 29) Il-kliem ‘oqbra tal-mafkar’ jissuġġerixxi li Theresa tinsab fil-memorja taʼ Jehovah sakemm iqabbad lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex jirxoxtaha. Naf li m’hemmx post iktar fis-sigurtà milli tkun fil-memorja perfetta taʼ Jehovah.
“Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.’ (Filippin 4:6, 7) B’mod partikulari, jien nitlob għall-ispirtu taʼ Jehovah biex jagħtini l-qawwa. Meta nħossni verament imdejqa, nersaq lejn Jehovah u ngħidlu, ‘Għandi bżonn iktar mill-ispirtu tiegħek,’ u jgħinni ngħaddi ġurnata oħra. Xi kultant lanqas ikun jistaʼ joħroġli l-kliem, imma hu jagħtini l-qawwa biex inkompli nissaporti.”
Jehovah verament għenna nissaportu din it-traġedja li ma tiddeskrivihiex bil-kliem. Naturalment, xorta għadna ninsabu mnikktin minħabba Theresa tagħna. Ma nistennewx li n-niket tagħna jitneħħa kompletament qabel ma nkunu nistgħu nerġgħu ngħannquha fid-dinja l-ġdida taʼ Jehovah. Sadattant, aħna ninsabu iktar determinati minn qatt qabel li naqdu lil Jehovah fedelment. Jonathan huwa determinat li jagħmel l-aħjar li jistaʼ biex irabbi lil Oscar ħalli jħobb u jaqdi lil Jehovah, u Vicki u jien se ngħinuh b’kull mezz possibbli. Minn qalbna nixtiequ li nkunu hemm fid-dinja l-ġdida t’Alla biex nilqgħu lura lil Theresa u nlaqqgħuha maʼ binha li ma rnexxilhiex iżżommu f’dirgħajha.
[Stampa f’paġna 19]
It-tifla tagħna Theresa, tismaʼ qalb it-tarbija tagħha tħabbat
[Stampi f’paġna 20, 21]
Ħassejna appoġġ kbir fil-funeral
[Stampa f’paġna 23]
Maʼ marti, Vicki, fit-tieġ taʼ Theresa
[Stampa f’paġna 23]
In-neputi tagħna, Oscar