Bżonn li Lkoll Neħtieġu
INT GĦANDEK BŻONN L-IKEL. Għandek bżonn l-ilma. Għandek bżonn l-arja. Għandek bżonn taʼ kenn u protezzjoni mit-temp qalil. Dawn huma bżonnijiet mhux biss għal kull bniedem imma wkoll għal biljuni bla għadd taʼ ħlejjaq ħajjin fuq din il-pjaneta. Madankollu, hemm bżonn li huwa uniku għall-bnedmin. Dan x’inhu?
Is-soċjologu Kanadiż Reginald W. Bibby kiteb: “In-nies jeħtieġu bżonnijiet li r-reliġjon biss tistaʼ tagħtihomlhom.” U fil-ħarġa taʼ Frar tas-sena 2000, il-ġurnal American Sociological Review ippubblika artiklu li qal: “L-interessi spiritwali x’aktarx li dejjem se jagħmlu parti mill-attitudni tal-bniedem.”
Iva, matul l-istorja l-bnedmin ħassew il-bżonn li jqimu. Għal sekli sħaħ, il-biċċa l-kbira daru lejn reliġjon organizzata biex jimlew dan il-bżonn. Imma l-affarijiet qed jinbidlu. F’ħafna ġnus industrijalizzati—bħal l-Amerika taʼ Fuq u t-Tramuntana taʼ l-Ewropa—iktar u iktar nies qed jabbandunaw il-knejjes tagħhom. Ifisser dan it-tmiem tar-reliġjon? Żgur li le.
“Ir-rapporti dwar il-mewt tar-reliġjon huma esaġerati ħafna,” tikteb il-gazzetta Svediża Svenska Dagbladet. X’qed jieħu post il-knejjes tradizzjonali? Il-gazzetta tkompli: “It-tendenza l-ġdida hi li ma nappartjenu lil ebda knisja. Minflok, nistgħu naqbdu u nagħżlu u nivvintaw taħlita aċċettabbli mill-ħafna reliġjonijiet differenti li hawn fis-suq. . . . Jistaʼ jkun fiha kollox, minn kristalli li jfejqu għal-libsa taʼ patri Buddista. Meta tiddejjaq mill-għażla tiegħek, tistaʼ tbiddilha faċilment u kif jaqbillek.”
Riċerkaturi tas-soċjoloġija tar-reliġjon jirreferu għal din it-tendenza bħala “reliġjon privata” jew “reliġjon inviżibbli.” Is-soċjologu Bibby, li ġie kwotat qabel, ivvinta l-frażi “reliġjon à la carte.” Oħrajn jirreferu għal dawn ir-reliġjonijiet bħala “mfassla skond l-individwu” jew “skond il-gosti.” F’xi pajjiżi Kristjani tradizzjonali, l-akbar grupp reliġjuż issa huwa magħmul minn nies li, fil-fatt, għandhom ir-reliġjon persunali tagħhom.
Ikkunsidra r-riżultati taʼ stħarriġ li sar fl-Isvezja, wieħed mill-iktar pajjiżi mhux reliġjużi tad-dinja. L-istħarriġ sab li 2 minn kull 3 persuni kkunsidraw lilhom infushom bħala Kristjani “bil-mod persunali tagħhom.” Xi wħud qalu: “Għandi l-ħarsa tiegħi dwar il-Kristjanità,” “Ma nħossnix komdu fil-knisja,” “Ma niħux gost immur il-knisja u noqgħod nismaʼ lill-qassisin,” jew “Nistaʼ mmur fil-kamra privata tiegħi u nitlob għalija waħdi.” Ħafna kienu inklinati li jemmnu fir-riinkarnazzjoni jew fid-destin. Il-biċċa l-kbira qalu li jemmnu li teżisti xi forma taʼ forza jew qawwa divina imma ma jistgħux jispjegaw x’inhi.
Stħarriġ ieħor sab li ħafna nies jerfgħu s-sentimenti reliġjużi tagħhom għal x’ħin ikunu barra, huma u jgawdu l-ambjent naturali taʼ madwarhom. Tfajla żagħżugħa li taħdem fir-rabaʼ qalet: “Naħseb li meta tkun barra fil-bosk u fl-għelieqi, hemmhekk tkun l-iktar qrib t’Alla.” Individwu ieħor li ġie intervistat, u li ma kienx iqis lilu nnifsu reliġjuż, spjega: “Meta noħroġ fil-bosk, donnu nħossni li qiegħed f’tempju enormi. . . . U ma nafx min għandu kontroll fuqu, imma nħossu.” Xi wħud iddeskrivew in-natura bħala qaddisa, divina, u li tqanqal il-biżaʼ u qalu li meta jkunu fil-preżenza tagħha jħossuhom li qed jerġgħu jimtlew bis-saħħa, bil-paċi, u bl-armonija. Wieħed li kien qed jintervista kkonkluda r-rapport tiegħu fil-qosor: “Alla jistaʼ jinstab fil-bosk.”
Din it-tendenza tidher f’ħafna partijiet tad-dinja llum. Thomas Luckmann, speċjalista Amerikan fis-soċjoloġija tar-reliġjon, tkellem dwar ir-reliġjon ċentrata madwar il-knisja bħala li qed tiġi abbandunata fis-soċjetajiet industrijali u minflokha qed ikun hemm “forma soċjali taʼ reliġjon.” Fil-fatt, l-individwu jifforma filosofija tal-ħajja billi jagħżel ideat dwar kwistjonijiet spiritwali u mbagħad jgħaqqadhom mar-reliġjon privata tiegħu.
Tistaʼ tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Veru li r-reliġjonijiet u l-knejjes stabbiliti qed jingħataw inqas importanza fis-soċjetà? Jekk iva, għala?’ Dawn il-mistoqsijiet huma kunsidrati fl-artiklu li jmiss.
[Stampa f’paġna 3]
Meta kien qed jikkummenta dwar tendenza reċenti biex wieħed ifittex l-ispiritwalità fin-natura, riċerkatur ikkonkluda: “Alla jistaʼ jinstab fil-bosk”