Ħarsa Lejn id-Dinja
Il-Konsegwenza tax-Xogħol wara l-Ħin taʼ l-Iskola
Għadd li dejjem jikber taʼ żgħażagħ Ġermaniżi mhux biss jaħdmu waqt il-vaganzi imma wkoll matul is-sena skolastika. “Fil-pajjiż kollu, mill-inqas terz mit-tfal li għandhom 13-il sena u iktar bejn wieħed u ieħor jaħdmu medja taʼ iktar minn tliet sigħat fil-ġimgħa,” tirrapporta r-rivista Der Spiegel. Ġo l-istat taʼ Hesse, fil-Ġermanja, bejn 50 sa 80 fil-mija miż-żgħażagħ fl-aħħar sena taʼ l-iskola sekondarja jsibu xogħlijiet ’l hemm u ’l hawn. Dawn iż-żgħażagħ rari jkollhom bżonn jgħinu lill-familji tagħhom biex ilaħħqu mal-ħajja. Minflok, huma jkunu jridu affarijiet bħalma huma l-aħħar telefon ċellulari li ħareġ, ħwejjeġ tad-ditta, u karozzi, kif ukoll is-sens taʼ indipendenza li jagħtihom ix-xogħol. Imma għal dan kollu hemm konsegwenza. “Mhux l-ewwel darba li tara student jongħos b’rasu fuq il-mejda minħabba li l-ġurnata taʼ qabel jew kmieni fil-għodu jkun ħadem sigħat twal,” jinnota l-edukatur Thomas Müller. “Huma jridu l-lussu issa minflok l-edukazzjoni għal għada.” Knud Dittmann, edukatur ieħor, ikompli: “Hekk kif it-tfal ikollhom il-mentalità tax-xiri minsuġa fihom, huma jaċċettaw il-konsegwenza taʼ li jkollhom marki baxxi jew anki li jirrepetu s-sena.”
Ix-Xadini Kbar fil-Periklu
“Il-ġungli fejn jgħixu x-xadini kbar se jkunu kważi spiċċaw sa 30 sena oħra jekk il-bniedem ma jiħux passi drastiċi,” jirrapporta servizz taʼ l-aħbarijiet taʼ Reuters. F’konferenza dwar l-ekoloġija taʼ l-art li saret reċentement ġewwa Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel, l-uffiċjali tal-Ġnus Magħquda stqarrew: “Inqas minn 10 fil-mija mill-ambjent naturali tax-xadini kbar taʼ l-Afrika se jibqaʼ ftit jew wisq bla mittiefes sa l-2030 jekk il-bini tat-toroq, kampijiet tal-minjieri u żviluppi oħrajn taʼ l-infrastruttura jibqgħu għaddejjin bir-rata li sejrin.” L-ambjent tagħhom li dejjem jiċkien diġà kkaġuna tnaqqis kbir fil-popolazzjoni tax-xadini kbar. Bħalissa l-popolazzjoni tax-ximpanzì hija taʼ madwar 200,000, meta mqabbla maż-2,000,000 taʼ seklu ilu, u fadal biss xi ftit eluf taʼ gurilli li jgħixu fil-baxx u xi ftit mijiet taʼ gurilli tal-muntanji. Skond Reuters, “il-Ġ.M. qed taħdem flimkien mar-riċerkaturi, il-konservazzjonisti, il-gvernijiet u n-nies lokali biex tipprepara għal pjanijiet taʼ rkuprar f’madwar 24 pajjiż li fihom ix-xadini kbar.”
It-TV Jinfluwenza l-Opinjoni tan-Nies dwar l-Istorja
“Il-Britanniċi jikkunsidraw il-mewt taʼ Diana, il-Prinċipessa taʼ Wales, bħala l-iktar avveniment sinifikanti fl-istorja tal-pajjiż f’dawn l-aħħar 100 sena, saħansitra iktar minn meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija jew minn meta n-nisa rebħu d-dritt li jivvotaw,” tirrapporta The Times taʼ Londra. Fi stħarriġ li sar għall-istazzjon televiżiv History Channel, iktar minn 1,000 persuna ġew mistoqsijin jagħżlu minn għaxar avvenimenti li kienu l-iktar sinifikanti għalihom fl-istorja tal-Britannja matul il-100 sena li għaddew. Il-mewt tal-prinċipessa Diana ġiet ivvotata l-iktar sinifikanti minn 22 fil-mija, il-bidu tat-tieni gwerra dinjija minn 21 fil-mija, u d-dritt tan-nisa biex jivvotaw minn 15 fil-mija. Meta ġew mistoqsijin dwar ġrajjiet dinjin, 41 fil-mija għażlu l-attakki tal-11 taʼ Settembru, 19 fil-mija għażlu l-bomba atomika li twaddbet fuq Ħiroxima, u 11 fil-mija l-waqgħa tal-Ħajt taʼ Berlin. The Times tikkummenta li għall-maġġuranza tan-nies “l-istorja ħafna drabi hija dak li huma raw dan l-aħħar fuq it-televixin.”
Meta l-Pilloli Jqabbduk Iktar Uġigħ taʼ Ras
“In-newrologu Michael Anthony jikkalkula li sa 10 fil-mija minn dawk li jbatu bl-uġigħ taʼ ras ibatu minn uġigħ taʼ ras kawżat minn ‘abbuż analġeżiku’ [użu ħażin taʼ pilloli li jtaffu l-uġigħ],” tistqarr The Daily Telegraph taʼ Sydney, l-Awstralja. “Minflok uġigħ taʼ ras taʼ darba f’ġimgħa, meta tiddependi żżejjed fuq pilloli li tistaʼ tixtrihom mingħajr riċetta jistaʼ jaqbdek uġigħ taʼ ras kuljum.” Il-professur Anthony, assoċjat maʼ l-Università taʼ New South Wales, sab li “pazjenti li jieħdu żżejjed pilloli kontra l-uġigħ taʼ ras għandhom nuqqas taʼ serotonin,” sustanza li ma tħallix il-vini jitwessgħu. “Livelli baxxi tas-serotonin jikkawżaw li l-arterji jitwessgħu, u dan iqabbad l-uġigħ taʼ ras,” jinnota hu. Anthony jirrikkmanda lil dawk li jbatu bil-migranja biex jużaw mediċini speċjalizzati ordnati mit-tabib minflok ma jixtru pilloli taʼ mingħajr riċetta, u jżid: “Jekk [il-pazjenti] jieħdu pilloli [li jtaffu l-uġigħ] iktar minn tliet darbiet fil-ġimgħa, anki doża waħda tliet darbiet fil-ġimgħa, imbagħad fi ftit xhur se jkollhom iktar uġigħ taʼ ras.”
Taffi d-Dardir taʼ fil-Għodu
“Huwa maħsub li bejn 70 u 80 fil-mija min-nisa tqal ibatu mid-dardir taʼ fil-għodu,” tgħid il-gazzetta Sun-Herald taʼ l-Awstralja. Meta jqumu fil-għodu, dawn in-nisa li ma jkunux ilhom li nqabdu tqal ibatu minn taqligħ taʼ l-istonku, u ħafna drabi jirremettu wkoll. Fost l-affarijiet maħsubin li jikkawżaw din il-kundizzjoni hemm livell għoli taʼ l-ormon proġesteron waqt it-tqala, li jistaʼ jipproduċi ħafna aċidi fl-istonku. Ukoll, “sens taʼ xamm iktar sensittiv jistaʼ jagħmel lin-nisa tqal iktar suġġetti għad-dardir.” Filwaqt li m’hemm l-ebda kura tajba għal kull każ taʼ dardir taʼ fil-għodu, il-gazzetta tirrikkmanda li tevita postijiet sħan ladarba s-sħana tistaʼ tikkaġuna d-dardir, li tieħu xi nagħsa u torqod biżżejjed, u li xxomm lumija maqsuma. “Ipprova kul crackers jew ċereali b’xejn qabel toħroġ mis-sodda. Dejjem qum mis-sodda bil-mod,” tkompli l-gazzetta. “Minn ħin għall-ieħor ħu xi ħaġa żgħira x’tiekol li jkun fiha l-proteini.” Il-gazzetta tgħid “li hemm xi ħaġa pożittiva fid-dardir taʼ fil-għodu. Studji reċenti wrew li l-ommijiet li jaqbadhom dan id-dardir ikollhom inqas ċans għal korriment.”
Ibbuljar bil-Messaġġi Elettroniċi
“Wieħed minn kull erbaʼ adolexxenti safa vittma taʼ bbuljar permezz tal-kompjuter jew tat-telefon ċellulari,” tgħid The Guardian taʼ Londra. Rapport mill-għaqda tal-karità National Children’s Home (NCH) wera li 16 fil-mija miż-żgħażagħ bejn il-11 u 19-il sena “rċivew messaġġi taʼ theddid fuq it-telefons ċellulari tagħhom,” filwaqt li 11 fil-mija oħra rċivew messaġġi bħal dawn minn chat rooms fuq l-Internet jew fl-E-mails. L-NCH tgħid li t-tfal “jew m’huma jgħidu lil ħadd u qegħdin ibatu fis-skiet, jew qed jiftħu qalbhom maʼ nies li lanqas biss jafu kif jittrattaw tajjeb mas-sitwazzjoni huma stess.” Hi tagħti l-parir liż-żgħażagħ biex ma jittollerawx l-ibbuljar imma jgħidu lil persuna responsabbli u li jistgħu jafdawha b’dak li qed jiġri; biex joqogħdu attenti ħafna lil min jagħtu n-numru tat-telefon ċellulari tagħhom u l-indirizz taʼ l-E-mail; u biex anki jbiddluhom jekk ikun hemm bżonn. L-NCH tagħti l-parir li “jekk tirċievi messaġġi li jinkwetawk, niżżel il-ħinijiet u d-dati u irrapportahom lill-pulizija,” tgħid The Guardian.
Kultura “Erotika” Popolari
Permezz tal-moda, ir-reklamar, ix-xandir, u l-industrija tad-divertiment, “il-kultura popolari taʼ issa b’mod aggressiv qed tieħu vantaġġ mill-ġibda tal-bniedem lejn is-sess,” tgħid il-gazzetta Pollakka taʼ kull ġimgħa, Polityka. Skond l-istilisti, “il-moda tħeġġeġ l-erotiżmu, u l-erotiżmu jħeġġeġ il-moda.” L-idea bażika li hemm hija, ‘Iktar ma tikxef, iktar se tiġi notat malajr.’ Bl-istess mod, is-sess u l-erotiżmu fir-reklamar “jagħmlu reklam iktar memorabbli,” u b’hekk jgħinu biex ikun hemm iktar bejgħ, tgħid Dr. Ewa Szczęsna, esperta mill-Università taʼ Warsaw fuq is-semjotika (sinjali u simboli) fil-kulturi. “Il-limiti taʼ dak li huwa kunsidrat bħala li jistimula erotikament ġew mibdula b’mod sinifikanti,” tkompli tgħid hi. Skond Polityka, l-esperjenza wriet li dawk li jirreklamaw lesti jaqbżu kull limitu għall-flus.