“Il-Mixi m’Alla Jġib Barkiet Issa u għal Dejjem”
TAʼ SPISS jingħad li l-ħajja hija vjaġġ. Qatt tħossok, bħalma jħossuhom ħafna, li donnok intlift? Aħna ngħixu taħt pressjonijiet kbar ħafna f’din id-dinja. Hekk kif is-soċjetà taʼ madwarna ssir iktar vjolenti u immorali, għandna mnejn inħossuna mifluġin minn qawwiet li m’għandniex kontroll fuqhom. Kif nistgħu nżommu l-bilanċ tagħna f’dawn iż-żminijiet taʼ taqlib? Kif nistgħu nibqgħu mexjin fit-triq tajba għal ħajjitna?
Fil-Bibbja nsibu tweġiba mill-isbaħ li tagħtina tama. Turina li għandna opportunità meraviljuża—nistgħu nimxu m’Alla. Forsi xi wħud iwaqqgħuh għaċ-ċajt ħsieb bħal dan. Wara kollox, kif jistaʼ sempliċi bniedem jimxi mal-Ħallieq taʼ l-univers li jistaʼ kollox? Il-Bibbja turi li huwa possibbli li dan isir. Fil-fatt, jekk dak li jkun jimxi m’Alla, se jgħix l-aqwa u l-iktar ħajja hienja possibbli f’din id-dinja mimlija inkwiet. Iżda x’hemm involut? U x’barkiet jirriżultaw meta individwu jimxi m’Alla?
Dawn il-mistoqsijiet se jitwieġbu fit-taħdita li tant tmisslek qalbek, “Il-Mixi m’Alla Jġib Barkiet Issa u għal Dejjem.” Din it-taħdita pubblika se tibda tingħata fil-konvenzjonijiet distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah minn dan ix-xahar ’il quddiem. Madwar id-dinja se jsiru mijiet taʼ konvenzjonijiet bħal dawn. Biex issib l-eqreb post għalik, ikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah fl-inħawi tiegħek jew ikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.