LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 3/8 pp. 5-8
  • L-Ommijiet li Qed Jegħlbu l-Isfidi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Ommijiet li Qed Jegħlbu l-Isfidi
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta r-​Raġel Isiefer
  • Ommijiet li Ma Tantx Jafu Skola
  • Jikkumbattu Kontra Użanzi taʼ Ħsara
  • L-Isfidi li Jiffaċċjaw l-Ommijiet
    Stenbaħ!—2005
  • L-Irwol Onorat taʼ l-Omm
    Stenbaħ!—2005
  • Tistaʼ Ssib Sodisfazzjon Bħala Omm
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • L-Irwol taʼ l-Omm Tiġrija bl-Ostakli
    Stenbaħ!—2002
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2005
g05 3/8 pp. 5-8

L-​Ommijiet li Qed Jegħlbu l-​Isfidi

SFIDA ewlenija għal ħafna ommijiet illum hi li jridu jaħdmu sekularment biex jgħinu ħa jiġu provduti l-​bżonnijiet finanzjarji tal-​familji tagħhom. Iktar minn hekk, għal xi raġuni jew oħra, uħud ikollhom ukoll irabbu lil uliedhom mingħajr l-​għajnuna taʼ ħaddieħor.

Margarita hija omm fil-​Messiku li qed trabbi żewġt itfal waħedha. “Kien diffiċli li nħarriġhom moralment u spiritwalment,” tgħid hi. “Żmien ilu, ibni li kien adoloxxenti ġie d-​dar minn xi party nofsu fis-​sakra. Wissejtu li jekk dan jerġaʼ jiġri, ma kontx se nħallih jidħol id-​dar. Għalhekk, meta dan reġaʼ ġara, b’għafsa taʼ qalb, sakkartu barra. Għall-​grazzja t’Alla ma reġax għamilha.”

Ftit wara, Margarita bdiet tistudja l-​Bibbja, u dan għenha biex tnaqqax valuri morali f’uliedha. Issa ż-​żewġ uliedha huma ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Meta r-​Raġel Isiefer

Ħafna rġiel miżżewġin f’pajjiżi inqas żviluppati jmorru jfittxu x-​xogħol f’pajjiżi iktar sinjuri u jħallu t-​trobbija tat-​tfal f’idejn il-​mara. Laxmi, omm min-​Nepal, tgħid: “Żewġi ilu msiefer sebaʼ snin. It-​tfal lili jobduni inqas milli jobdu lil missierhom. Ikun eħfef li kieku jkun hawn fuq bażi regulari biex imexxi hu.”

Minkejja d-​diffikultajiet, Laxmi qed tegħleb l-​isfida. Peress li ma tantx taf skola, lit-​tfal il-​kbar qed tibgħathom il-​privat biex ikollhom l-​għajnuna fl-​istudju taʼ l-​iskola. Madankollu, hi tagħti attenzjoni partikulari għall-​edukazzjoni spiritwali tagħhom billi tikkonduċi studju tal-​Bibbja magħhom kull ġimgħa. Hi tiddiskuti kuljum silta mill-​Bibbja u tiħodhom regolarment għal-​laqgħat Kristjani.

Ommijiet li Ma Tantx Jafu Skola

F’xi pajjiżi, sfida oħra hi r-​rata pjuttost għolja taʼ nisa li huma illetterati. Aurelia, omm mill-​Messiku li għandha sitt itfal, tispjega u turi l-​iżvantaġġi taʼ omm li ma tafx ħafna skola: “Ommi dejjem kienet tgħid li n-​nisa m’għandhomx jistudjaw. Għalhekk qatt ma tgħallimt naqra, u ma stajtx ngħin lil uliedi fil-​ħowmwerk. Dan kien iweġġagħli qalbi. Iżda peress li ma ridthomx ibatu bħalma batejt jien, kont naħdem iebes biex ikunu jistgħu jieħdu edukazzjoni tajba.”

Anki jekk l-​omm ftit ikollha skola, xorta jistaʼ jkollha effett sinifikanti. Sewwa jgħid il-​proverbju: “Eduka n-​nisa u tkun qed teduka l-​għalliema taʼ l-​irġiel.” Bishnu, omm min-​Nepal li għandha tliet subien, ma kinitx taf taqra, iżda x-​xewqa tagħha li titgħallem il-​veritajiet tal-​Bibbja u tgħallimhom lil uliedha ġagħlitha tagħmel sforz qawwi biex titgħallem taqra u tikteb. Hi ħadet ħsieb li t-​tfal tagħha kienu jagħmlu l-​ħowmwerk, u kienet tmur l-​iskola tagħhom regolarment biex tiddiskuti dwar ix-​xogħol tagħhom maʼ l-​għalliema.

Rigward l-​edukazzjoni spiritwali u morali tagħhom, Silash, bin Bishnu, jispjega: “L-​iktar ħaġa li kienet togħġobni dwar l-​isforzi tagħha biex tgħallimna kienet li jekk konna niżbaljaw, kienet tikkoreġina billi tagħtina eżempji mill-​Bibbja. Dan il-​metodu taʼ tagħlim kien effettiv u għenni naċċetta l-​pariri.” Bishnu kellha suċċess bħala għalliema taʼ wliedha, u t-​tlieta li huma kibru u saru ġuvintur li għandhom il-​biżaʼ t’Alla.

Antonia, omm mill-​Messiku li qed trabbi żewġt itfal, tgħid: “Jien attendejt biss l-​iskola primarja. Konna ngħixu f’raħal iżolat, u l-​eqreb skola sekondarja kienet ’il bogħod. Iżda jien ridt li wliedi jieħdu iktar edukazzjoni milli ħadt jien, u għalhekk iddedikajt ħafna ħin għalihom. Għallimthom l-​alfabet u n-​numri. Binti kienet taf tispelli isimha u tikteb l-​ittri kollha taʼ l-​alfabet qabel ma bdiet tmur l-​iskola. Ibni kien diġà jaf jaqra tajjeb meta beda jmur il-​kindergardin.”

Meta ġiet mistoqsija x’għamlet biex tagħtihom edukazzjoni spiritwali u morali, Antonia spjegat: “Għallimthom stejjer mill-​Bibbja. Qabel ma kienet taf titkellem, binti kienet taf tikkomunika l-​istejjer tal-​Bibbja bil-​ġesti. Ibni ta l-​ewwel qari tal-​Bibbja fil-​pubbliku fil-​laqgħat Kristjani tagħna meta kellu erbaʼ snin.” Ħafna ommijiet li ma tantx jafu skola qed jegħlbu l-​isfidi u jwettqu l-​irwol tagħhom bħala għalliema.

Jikkumbattu Kontra Użanzi taʼ Ħsara

Fil-​Messiku, użanza fost il-​poplu Tzotzil hi li jbigħu lil uliedhom bniet għaż-​żwieġ fl-​età taʼ 12 jew 13-il sena. Spiss it-​tfajliet jinbiegħu lil xi raġel li jkun ħafna akbar fl-​età u li jkun irid it-​tieni jew it-​tielet mara. Jekk ir-​raġel ma joħroġx sodisfatt bit-​tfajla, jistaʼ jibgħatha lura u jerġaʼ jieħu flusu. Petrona kellha tiffaċċja din l-​użanza meta kienet tifla. Ommha kienet inbiegħet għaż-​żwieġ, wildet tarbija, u ġiet iddivorzjata sa l-​età taʼ 13-il sena! Din l-​ewwel tarbija mietet, u omm Petrona nbiegħet darbtejn oħra wara dan. B’kollox kellha tmint itfal.

Petrona ma riditx tgħaddi minn ħajja bħal din u tispjega kif irnexxielha tagħmel dan: “Meta spiċċajt mill-​iskola primarja, għedt lil ommi li ma ridtx niżżewweġ iżda ridt inkompli l-​iskola. Ommi qaltli li hi ma setgħet tagħmel xejn dwar dan u li għandi nkellem lil missieri.”

Missieri qalli: “Ħa nsiblek raġel biex tiżżewġu. Int taf titkellem bl-​Ispanjol. Taf taqra. Xi trid iktar? Jekk trid tistudja, trid tħallas int għall-​istudju tiegħek.”

Petrona tispjega: “Għalhekk, hekk għamilt. Kont nirrakkma biex naqlaʼ l-​flus għall-​ispejjeż.” B’dan il-​mod irnexxielha teħles u ma tiġix mibjugħa. Meta Petrona kibret, ommha bdiet tistudja l-​Bibbja, u dan taha l-​kuraġġ biex tnaqqax valuri bbażati fuq il-​Bibbja f’ħut Petrona li kienu iżgħar minnha. Mill-​esperjenza tagħha stess, l-​omm setgħet tgħallimhom dwar il-​konsegwenzi ħżiena li jiġu mill-​użanza li jbigħu lit-​tfajliet żgħar għaż-​żwieġ.

Użanza oħra fost ħafna popli hi li fil-​familja, il-​missirijiet biss jistgħu jiddixxiplinaw lil uliedhom subien. Petrona tispjega: “Nisa Tzotzil jiġu mgħallmin li huma inferjuri għall-​irġiel. Lirġiel huma dominanti ħafna. Is-​subien jimitaw lil missierhom, u jgħidu lil ommhom: ‘Int ma tistax tgħidli x’għandi nagħmel. Jekk ma jgħidlix missieri, ma nobdix.’ Għalhekk, l-​ommijiet ma jistgħux jedukaw lil uliedhom. Iżda wara li studjat il-​Bibbja, ommi rnexxielha tgħallem lil ħuti subien. Huma tgħallmu bl-​amment Efesin 6:​1, 2: ‘Tfal, obdu lill-​ġenituri tagħkom. . . . Onoraw lil missierkom u lil ommkom.’”

Mary, omm min-​Niġerja, ukoll tikkummenta: “Fejn trabbejt jien, il-​kultura tal-​poplu ma tippermettix lill-​omm li tgħallem jew tiddixxiplina lis-​subien. Iżda ridt insegwi l-​eżempju Bibliku taʼ Lojs u Ewniċe​—in-​nanna taʼ Timotju u ommu​—u kont determinata li ma nħallix l-​użanzi lokali jżommuni lura milli ngħallem lil uliedi.”​—2 Timotju 1:5.

Jerġaʼ użanza oħra prattikata ħafna f’xi pajjiżi hi dik li xi wħud isejħulha “ċirkonċiżjoni femminili,” u li issa normalment magħrufa bħala FGM (female genital mutilation). L-​operazzjoni tneħħi parti żgħira jew kbira mill-​organi ġenitali esterni taʼ tifla. Kienet Waris Dirie, mudella magħrufa tal-​moda u ambaxxatriċi speċjali għall-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għall-​Popolazzjoni, li rrapportat dwar din l-​użanza. Skond l-​użanza lokali fis-​Somalja, ommha ħaditha biex jagħmlulha l-​FGM meta kienet għadha daqsxejn taʼ tifla. Skond rapport wieħed, bejn tmienja u għaxar miljun mara u tifla fil-​Lvant Nofsani u fl-​Afrika qegħdin f’riskju li ssirilhom l-​FGM. Anki fl-​Istati Uniti, huwa stmat li 10,000 tifla jinsabu f’riskju.

Liema twemmin hu l-​bażi taʼ din l-​użanza? Xi wħud jaħsbu li l-​organi ġenitali femminili huma indeċenti u li lit-​tifla jagħmluha mhix safja, u b’hekk mhix tajba għaż-​żwieġ. Iktar minn hekk, il-​qtugħ, jew it-​tneħħija, taʼ l-​organi ġenitali hu meqjus bħala assiguranza tal-​verġinità u l-​fedeltà tat-​tifla. Jekk l-​omm ma tħarisx din l-​użanza tistaʼ tqanqal il-​korla taʼ żewġha u tal-​komunità lokali.

Madankollu, ħafna ommijiet qed jirrealizzaw li m’hemm ebda raġuni leġittima​—la reliġjuża, la medika, u lanqas iġjenika​—li tappoġġa din l-​użanza li tikkaġuna tant uġigħ. Il-​ktieb Niġerjan Repudiating Repugnant Customs juri li ħafna ommijiet bil-​kuraġġ kollu rrifjutaw li jissuġġettaw lil uliedhom bniet għall-​FGM.

Tabilħaqq, ommijiet minn madwar id-​dinja kollha qed jirnexxilhom jipproteġu u jedukaw lil uliedhom minkejja d-​diffikultajiet kollha. Qed jiġu verament apprezzati l-​isforzi tagħhom?

[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]

“Studju wara l-​ieħor wera li m’hemm ebda strateġija għal żvilupp effettiv li fiha n-​nisa m’għandhomx parti ċentrali. Meta n-​nisa jkunu involuti bis-​sħiħ, il-​benefiċċji jistgħu jidhru mill-​ewwel: il-​familji jkunu iktar b’saħħithom u mitmugħin aħjar; id-​dħul, it-​tifdil, u l-​immaniġġar tal-​flus jitjiebu. U dak li jistaʼ jingħad għall-​familji japplika wkoll għall-​komunitajiet u finalment għall-​pajjiżi.”​—Kofi Annan, Segretarju Ġenerali tal-​ĠM, 8 taʼ Marzu, 2003.

[Sors]

Ritratt tal-​UN/DPI minn Milton Grant

[Kaxxa/Stampi f’paġna 8]

Għamlet Sagrifiċċji Għalina

Juliano, raġel żagħżugħ Brażiljan, jgħid: “Meta kelli ħames snin, ommi kellha karriera promettenti. Iżda, meta twieldet oħti, hi ddeċidiet li titlaq mix-​xogħol biex tieħu ħsiebna. Fuq ix-​xogħol kien hemm min ipprova jipperswadiha biex ma titlaqx. Qalulha li meta wliedha jiżżewġu u jitilqu mid-​dar, jintilef kulma tkun għamlet għalihom​—li kienet qed tinvesti f’xi ħaġa li ma tirrendi xejn lura. Iżda jien nistaʼ ngħid li kellhom żball; qatt ma ninsa t-​turija tagħha taʼ mħabba.”

[Stampi]

Omm Juliano maʼ wliedha; fuq ix-​xellug: Juliano meta kellu ħames snin

[Stampi f’paġna 6]

Bishnu tgħallmet taqra u tikteb u mbagħad għenet lil uliedha jiksbu edukazzjoni tajba

[Stampi f’paġna 7]

It-​tifel iż-​żgħir taʼ Antonia jagħmel il-​qari tal-​Bibbja fil-​laqgħat Kristjani

[Stampi f’paġna 7]

Petrona hija volontiera fil-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Messiku. Ommha, li eventwalment saret Xhud, qed tgħallem lil ħut Petrona li huma iżgħar minnha

[Stampa f’paġna 8]

Waris Dirie hija magħrufa bħala waħda li titkellem kontra l-​FGM (“female genital mutilation”)

[Sors]

Ritratt minn Sean Gallup/Getty Images

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja