ĦARSA LEJN ID-DINJA
Id-Dinja
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa waslet għall-konklużjoni li meta wieħed ikun espost għall-egżost tal-magni diesel “ikollu iktar ċans li jimrad bil-kanċer tal-pulmun” u aktarx ukoll bil-kanċer tal-bużżieqa tal-awrina.
L-Antartika
Polline u spori ffossilizzati misjubin fil-ħama f’qiegħ il-baħar juru li f’xi żmien, fl-Antartika kien hemm siġar tal-palm u foresti kważi tropikali. Ħafna jemmnu li miljuni taʼ snin ilu x-xtiewi fl-Antartika kienu moderati u “tistaʼ tgħid mingħajr silġ,” u li t-temperaturi fil-poli ma kinux wisq differenti minn dawk fl-ekwatur.
L-Irlanda
Rapport ippubblikat fl-2012 mill-Assoċjazzjoni Irlandiża taʼ Qassisin Kattoliċi jindika li skont stħarriġ li sar, 87 fil-mija tal-Kattoliċi f’dak il-pajjiż jemmnu li l-qassisin għandhom jitħallew jiżżewġu; 77 fil-mija jemmnu li n-nisa għandhom jitħallew isiru saċerdoti.
Il-Pajjiżi fl-Afrika ’l Isfel mis-Saħara u x-Xlokk tal-Asja
Minn analisi fuq mediċini taʼ kontra l-malarja nstab li f’xi nħawi l-mediċini spiss kienu taʼ kwalità inferjuri jew ma kinux ġenwini. Dan iwassal biex il-kura ma tkunx tajba biżżejjed jew ma tirnexxix. Fix-Xlokk tal-Asja, 36 fil-mija tal-kampjuni tad-drogi li ġew ittestjati rriżultaw li kienu imitazzjoni, bħalma kienu 20 fil-mija tal-kampjuni tad-drogi fl-Afrika ’l isfel mis-Saħara.
El Salvador
F’nofs April tal-2012, l-uffiċjali tal-gvern ħabbru l-ewwel ġurnata fi kważi tliet snin li fiha ma nqatel ħadd. Fl-2011, f’dan il-pajjiż mifni bil-vjolenza relatata mad-droga, kien hemm rata taʼ 69 omiċidju għal kull 100,000 ruħ—waħda mill-agħar fid-dinja.