LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 3/15 pp. 4-6
  • Id-Devozzjoni Lejn ir-Relikwi Togħġbu lil Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Id-Devozzjoni Lejn ir-Relikwi Togħġbu lil Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Bibbja xi Tgħid?
  • Kuntrarju għat-​Tagħlim tal-​Bibbja
  • Għala Jużaw ir-Relikwi fil-Qima
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • L-Interess li Jintwera Llum fil-“Qaddisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Il-Qabar taʼ Pietru—Fil-Vatikan?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Kif Jistgħu Jgħinuk il-Qaddisin Veri?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 3/15 pp. 4-6

Id-​Devozzjoni Lejn ir-​Relikwi Togħġbu lil Alla?

ID-​DEMM taʼ “San Gennaro,” li jingħad li jsir likwidu tliet darbiet fis-​sena, huwa wieħed minn tant relikwi reliġjużi. Hekk ukoll hu l-​Liżar taʼ Turin, li jgħidu li l-​ġisem taʼ Ġesù Kristu kien imgeżwer fih. Fost ir-​relikwi li huma konnessi maʼ Ġesù hemm dak li jgħidu li kienet il-​maxtura tiegħu (f’bażilika kbira f’Ruma), il-​ktieb li kien jispelli fuqu, u iktar minn elf musmar li jingħad li ġew użati fl-​esekuzzjoni tiegħu! Ir-​relikwi reliġjużi wkoll jinkludu numru taʼ rjus taʼ Ġwanni l-​Battista u, f’postijiet differenti fl-​Ewropa, erbaʼ iġsma jingħad li huma taʼ “Santa Lucia.”

Fost l-​ibliet li huma b’mod partikulari famużi għar-​relikwi hija Trier, fil-​Ġermanja, fejn waħda mill-​ħafna “tuniċi qaddisin”−libsa taʼ taħt bla ħjata li ġiet milbusa minn Ġesù Kristu−hija ppriservata. Fil-​Belt tal-​Vatikan infisha hemm ’il fuq minn elf relikwa f’arkivju speċjali. Litteralment eluf taʼ relikwi reliġjużi jiġu miżmumin fil-​knisja taʼ “Sant’ Ursola” f’Kolonja, fil-​Ġermanja. Il-​lista tistaʼ tkompli sejra. Biss biss fl-​Italja waħedha, hemm 2,468 hekk imsejħin postijiet qaddisa li fihom relikwi reliġjużi!

Ir-reverenza lejn ir-​relikwi huwa maħsub li bdiet mir-​rabaʼ seklu tal-​Era Komuni tagħna, bħalma hi l-​venerazzjoni tal-​“qaddisin.” Għal raġunijiet reliġjużi, ekonomiċi, u saħansitra politiċi, in-​numru taʼ relikwi żdied bil-​mod il-​mod matul is-​sekli, u llum jeżistu bl-​eluf. Il-​Konċilju Vatikan it-​Tieni reġaʼ kkonferma li “skond it-​tradizzjoni tagħha, il-​Knisja tivvenera l-​qaddisin u tonora r-​relikwi u l-​immaġnijiet awtentiċi tagħhom.” (Constitution “Sacrosanctum Concilium” sulla sacra Liturgia, f’I Documenti del Concilio Vaticano II, 198O, Edizioni Paoline) “Ir-​relikwi famużi, kif ukoll dawk onorati bi qdusija kbira popolari,” huma msemmijin fil-​Codex Iuris Canonici (Kodiċi tal-​Liġi Kanonika) li ġiet imħabbra uffiċjalment minn Papa Ġwanni Pawlu II fl-​1983. (Kanoni 1190) L-​Anglikani u membri tal-​knejjes Ortodossi wkoll jonoraw ir-​relikwi.

B’tant imsiemer li jgħidu li bihom sammru lil Ġesù u rjus taʼ Ġwanni l-​Battista li jeżistu, huwa ovvju li r-​relikwi reliġjużi huma taʼ spiss qarrieqa. Per eżempju, id-​datar radjukarboniku ta prova li l-​Liżar taʼ Turin kien frodi. Interessanti li, matul id-​dibattitu sħun dwaru fl-​1988, l-​osservatur magħruf tal-​Vatikan Marco Tosatti staqsa: “Li kieku l-​analiżi xjentifiku wżat fuq il-​Liżar ġie applikat għal oġġetti oħrajn taʼ devozzjoni popolari, x’kien ikun il-​verdett?”

Ovvjament, l-​ebda bniedem għaqli maʼ jkun irid jivvenera lil xi relikwa falza. Imma huwa dan l-​uniku fattur li trid tikkunsidra?

Il-​Bibbja xi Tgħid?

Il-​Bibbja ma tgħidx li l-​poplu ffavorit t’Alla, l-​Iżraeliti tal-​qedem, ivveneraw lil xi relikwi reliġjużi waqt li kienu fl-​iskjavitù fl-​Eġittu. Veru, il-​patrijarka Ġakobb miet fl-​Eġittu u l-​fdalijiet tiegħu ġew meħudin fl-​art taʼ Kangħan biex jindifnu ‘fil-​għar li kien fil-​għalqa taʼ Makpelah.’ Ibnu Ġużeppi wkoll miet fl-​Eġittu, u għadmu eventwalment ġie meħud maż-​żmien biex jindifen f’Kangħan. (Ġenesi 49:29-33; 50:1-14, 22-26; Eżodu 13:19) Madankollu, l-​Iskrittura ma tagħti l-​ebda indikazzjoni li l-​Iżraeliti qatt xi darba vveneraw lill-​fdalijiet taʼ Ġakobb u Ġużeppi bħala relikwi reliġjużi.

Ikkunsidra, wkoll, dak li ġara fil-​każ tal-​profeta Mosè. Taħt id-​direzzjoni t’Alla, hu mexxa lill-​Iżraeliti għal 40 sena. Imbagħad, fl-​età taʼ 120 sena, hu telaʼ fuq il-​Muntanja Nebo, ta titwila lill-​Art Imwiegħda, u miet. Mikiel l-​arkanġlu ddisputa max-​Xitan dwar il-​ġisem taʼ Mosè, u Satana ġie mfixkel minn kwalunkwe attentat biex jitfaʼ lill-​Iżraeliti fin-​nasba tal-​qima tar-​relikwi. (Ġuda 9) Għalkemm bir-​raġun huma tnikktu għall-​mewt taʼ Mosè, qatt ma vveneraw lill-​fdalijiet tiegħu. Fil-​fatt, Alla għamilha ħaġa impossibbli billi difen lil Mosè f’qabar mhux immarkat f’lok li ma jafuhx il-​bnedmin.−Dewteronomju 34:1-8.

Xi difensuri tal-​venerazzjoni tar-​relikwi jiċċitaw it-​2 Slaten 13:21, li jgħid: “Ġara li hekk kif kienu qegħdin jidfnu raġel, ħeqq, hawnhekk raw il-​ġemgħa tal-​ħallelin. Minnufih huma tefgħu lir-​raġel fil-​post tad-​difna taʼ Eliżew [il-profeta] u telqu ’l hemm. Meta r-​raġel mess il-​għadam taʼ Eliżew, hu immedjatament ħa l-​ħajja u qam fuq saqajh.” Dan kien miraklu li involva l-​għadam mingħajr ħajja taʼ wieħed mill-​profeti t’Alla. Imma Eliżew kien mejjet u ‘ma kien konxju taʼ xejn affattu’ fil-​ħin tal-​miraklu. (Ekkleżjasti 9: 5, 10) B’hekk, dan l-​irxoxt irid jiġi attribwit lis-​setgħa li Alla Jehovah għandu f’li jagħmel il-​mirakli, li esegwieh permezz tal-​ispirtu qaddis, jew forza attiva, tiegħu. Huwa wkoll taʼ min jinnotah li l-​Iskrittura ma tgħidx li l-​għadam taʼ Eliżew qatt xi darba kienu vvenerati.

Xi wħud fil-​Kristjaneżmu jappoġġjaw id-​devozzjoni lejn ir-​relikwi minħabba dak li hemm f’​Atti 19:11, 12, fejn naqraw: “Alla baqaʼ jwettaq xogħlijiet straordinarji taʼ qawwa permezz taʼ jdejn [l-appostlu] Pawlu, tant li saħansitra drappijiet u fradal ittieħdu minn ġismu lin-​nies muġugħin, u l-​mardiet telquhom, u l-​ispirti mill-​agħar ħarġu ’l barra.” Jekk jogħġbok innota li kien Alla li wettaq dawk ix-​xogħlijiet straordinarji permezz taʼ Pawlu. L-​appostlu nnifsu ma wettaqx xogħlijiet bħal dawn b’mod indipendenti, u hu qatt ma aċċetta venerazzjoni mingħand ebda bniedem. −Atti 14:8-18.

Kuntrarju għat-​Tagħlim tal-​Bibbja

Fil-​fatt, id-​devozzjoni lejn ir-​relikwi reliġjużi tmur kontra diversi affarijiet li tgħallem il-​Bibbja. Per eżempju, fattur indispensabbli f’devozzjoni bħal din huwa t-​twemmin fl-​immortalità tar-​ruħ umana. Miljuni taʼ membri devoti tal-​knisja jemmnu li l-​erwieħ taˈ dawk kollha kkanonizzati bħala “qaddisin” huma ħajjin fis-​sema. Dawn in-​nies sinċieri jitolbu lil “qaddisin” bħal dawn, billi jfittxu l-​protezzjoni tagħhom u jitolbuhom biex jinterċedu maʼ Alla għan-​nom taʼ dak li jkun qed jitlob. Fil-​fatt, skond xogħol ekkleżjastiku wieħed, il-​Kattoliċi jattribwixxu lir-​relikwi “l-​poter tal-​interċessjoni tal-​Qaddis maʼ Alla.”

Skond il-​Bibbja, madankollu, ir-​ruħ umana m’hijiex immortali. Il-​bnedmin m’għandhomx erwieħ ġewwa fihom li ma jmutux u li kapaċi jeżistu apparti mill-​ġisem wara l-​mewt. Minflok, l-​Iskrittura tgħid: “Alla Jehovah issokta jsawwar lir-​raġel mit-​trab tal-​art u jonfoh f’imnifsejh in-​nifs tal-​ħajja, u r-​raġel sar ruħ ħajja.” (Ġenesi 2:7) Minflok ma tgħallem li l-​bnedmin għandhom erwieħ immortali, il-​Bibbja tgħid: “Ir-​ruħ li qiegħda tidneb−hi nfisha se tmut.” (Eżekjel 18:4) Dan japplika għall-​bnedmin kollha−inklużi dawk li iktar tard ġew ikkanonizzati bħala “qaddisin”−għax aħna lkoll iwritna d-​dnub u l-​mewt mill-​ewwel bniedem, Adam.−Rumani 5:12.

Id-devozzjoni lejn il-​“qaddisin” għandha tiġi evitata minħabba li huma qatt ma ġew awtorizzati biex jinterċedu maʼ Alla għal xi ħadd. Alla Jehovah ikkmanda li Ibnu, Ġesù Kristu, biss jistaʼ jagħmlu dan. L-​appostlu Pawlu qal li Ġesù “mhux biss miet għalina−hu qam mill-​imwiet, u hemm fil-​leminija t’Alla hu wieqaf u jidħol għalina.”−Rumani 8:34, The Jerusalem Bible; qabbel Ġwann 14:6, 14.

Raġuni oħra biex tiġi evitata devozzjoni lejn il-​“qaddisin” u r-​relikwi reliġjużi li għandhom x’jaqsmu magħhom tinsab f’dak li l-​Bibbja tgħid dwar l-​idolatrija. Wieħed mill-​Għaxar Kmandamenti mogħtijin lill-​Iżraeliti stqarr: “Ma tridx tagħmel għalik innifsek xbiha minquxa jew forma bħal xi ħaġa li qiegħda fis-​smewwiet fuq jew li qiegħda fuq l-​art taħt jew li qiegħda fl-​ilmijiet taħt l-​art. Ma tridx tmil lejhom lanqas tiġi mħajjar taqdihom għaliex jien Jehovah Alla tiegħek huwa Alla li jesiġi devozzjoni esklussiva.” (Eżodu 20:4, 5) Sekli wara, l-​appostlu Pawlu qal lil sħabu Kristjani: “Maħbubin tiegħi, aħarbu mill-​idolatrija.” (1 Korintin 10:14) Bl-​istess mod, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Tfal ċkejknin, ħarsu rwieħkom mill-​idoli.”−1 Ġwann 5:21.

Ir-reverenza għal “qaddisin” kanonizzati u għal relikwi reliġjużi, għalhekk, m’għandha l-​ebda appoġġ mill-​Bibbja. Madankollu, xi nies jixtiequ li jkollhom xi ħaġa li hi meqjusa bħala qaddisa li tistaʼ taraha u tmissha b’idejk u li kif jissoponu huma għandha s-​setgħa li ssalvak. Tabilħaqq, ħafna jikkunsidraw lir-​relikwi reliġjużi bħala ħolqa viżibbli taʼ katina bejn is-​sema u l-​art. Jekk jogħġbok irrifletti ftit fuq dan il-​punt.

M’huwiex billi wieħed jara u jmiss xi relikwi reliġjużi li jkun qed jaġixxi fi qbil mal-​kliem taʼ Ġesù dwar il-​qima li Alla jixtieq. Ġesù qal: “Is-​siegħa ġejja, u hi issa, meta l-​veri adoraturi se jqimu lill-​Missier bl-​ispirtu u l-​verità, għax, tabilħaqq, il-​Missier qed ifittex lil uħud bħal dawn biex iqimuh. Alla huwa Spirtu, u dawk li qed iqimuh iridu jqimu bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:23, 24) Alla Jehovah huwa “Spirtu,” inviżibbli għall-​għajnejn umani. Li tqimu “bl-​ispirtu” jfisser li s-​servizz sagru tagħna lil Alla huwa mqanqal minn qalb mimlija mħabba u fidi. (Mattew 22:37-40; Galatin 2:16) Ma nistgħux inqimu lil Alla ‘bil-​verità’ billi nivveneraw lir-​relikwi imma biss billi nirrifjutaw gideb reliġjuż, billi nitgħallmu x’inhi r-​rieda tiegħu kif inhi rrivelata fil-​Bibbja, u billi nagħmluha.

Ma jissorprendiniex, għalhekk, li l-​istudjuż James Bentley jirrikonoxxi li ‘l-​Ebrej tal-​qedem ma kinux jipprattikaw il-​venerazzjoni tar-​relikwi.’ Hu jgħid ukoll li matul l-​erbaʼ sekli bejn il-​mewt taʼ Stiefnu u l-​qlugħ taʼ ġismu mill-​qabar minn Luċjan, l-​attitudni tal-​Kristjani lejn ir-​relikwi nbidlet kompletament. Mill-​ħames seklu E.K., madankollu, il-​Kristjaneżmu apostat kien diġà waqaf milli jżomm mat-​tagħlim ċar tal-​Bibbja dwar l-​idolatrija, il-​qagħda tal-​mejtin, u l-​irwol taʼ Ġesù Kristu bħala l-​wieħed li “jidħol għalina.”−Rumani 8:34; Ekkleżjasti 9:5; Ġwann 11:11-14.

Jekk irridu li l-​qima tagħna togħġob lil Alla irridu nkunu żguri li m’għandha x’taqsam xejn maʼ kwalunkwe forma taʼ idolatrija. Biex tkun aċċettabbli, il-​qima tagħna trid tingħata lill-​Ħallieq, Alla Jehovah, mhux lil xi relikwa jew ħlejqa. (Rumani 1:24, 25; Rivelazzjoni 19:10) Irridu wkoll niksbu għarfien eżatt tal-​Bibbja u nibnu fidi qawwija. (Rumani 10:17; Ebrej 11:6) U jekk nimxu fil-​mogħdija tal-​vera qima, se naġixxu fi qbil mal-​evidenza Skritturali bir-​radam li d-​devozzjoni lejn ir-​relikwi ma togħġobx lil Alla.

[Stampa f’paġna 5]

Il-​għadam taʼ Eliżew ma ġiex ivvenerat għalkemm kien involut f’irxoxt

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja