Ngħinu lil Oħrajn Biex Jitgħallmu Dak li Alla Jirrikjedi
“Jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju.”—1 KORINTIN 9:16.
1, 2. (a) Jehovah f’liema xogħol b’żewġ aspetti jirrikjedi li aħna nieħdu sehem? (b) Nies taʼ qalb onesta x’iridu jitgħallmu sabiex isiru sudditi tas-Saltna t’Alla?
JEHOVAH għandu aħbar tajba għall-umanità. Għandu Saltna, u jrid li n-nies kullimkien jisimgħu dwarha! Ladarba nsiru nafu dik l-aħbar tajba, Alla jirrikjedi li naqsmuha m’oħrajn. Dan huwa xogħol li jinqasam fi tnejn. L-ewwel, irridu nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Fil-profezija tiegħu dwar il-“konklużjoni tas-sistema t’affarijiet,” Ġesù qal: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:3, 14.
2 It-tieni aspett taʼ dan ix-xogħol jinvolvi li ngħallmu lil dawk li jwieġbu b’mod favorevoli għall-proklamazzjoni tas-Saltna. Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù qal lil grupp kbir taʼ dixxipli tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” (Mattew 28:19, 20) L-‘affarijiet li Kristu ordna’ m’oriġinawx minnu; hu għallem lil oħrajn biex josservaw il-kmandamenti t’Alla, jew dak li jirrikjedi. (Ġwann 14:23, 24; 15:10) Li ngħallmu lil oħrajn ‘iħarsu l-affarijiet li Kristu ordna’ b’hekk jinvolvi li ngħinuhom biex jitgħallmu dak li Alla jirrikjedi. Nies taʼ qalb onesta jridu jikkonformaw maʼ dak li Alla jirrikjedi sabiex isiru sudditi tas-Saltna tiegħu.
3. X’inhi s-Saltna t’Alla, u x’se twettaq hi li jagħmel il-messaġġ tas-Saltna aħbar tant tajba?
3 X’inhi s-Saltna t’Alla? U x’se twettaq li jagħmel il-messaġġ tas-Saltna daqshekk aħbar tajba? Is-Saltna t’Alla hija gvern tas-sema. Hija ferm għażiża għal qalb Jehovah, għax hija l-mezz li bih hu se jissantifika ismu, billi jnaddfu minn kull tmaqdir. Is-Saltna hija l-istrument li Jehovah se juża biex iġiegħel ir-rieda tiegħu tintgħamel fuq l-art bħalma hi fis-sema. Dan hu għala Ġesù għallimna nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla u ħeġġiġna biex inpoġġuha l-ewwel f’ħajjitna. (Mattew 6:9, 10, 33) Tara int għala huwa daqshekk importanti għal Jehovah li ngħallmu lil oħrajn dwar is-Saltna tiegħu?
Sfida Imma Mhux Piż
4. Kif jistaʼ jintwera b’tixbieha li l-obbligu tagħna biex nippridkaw l-aħbar tajba m’huwiex piż?
4 Huwa piż li nippridkaw din l-aħbar tajba? Assolutament li le! Bħala eżempju: Missier għandu l-obbligu li jipprovdi għall-familja tiegħu materjalment. Jekk jonqos li jagħmel dan huwa daqs li kieku jiċħad il-fidi Kristjana. L-appostlu Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-aktar dawk tal-familja tiegħu, dan ċaħad il-fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Imma huwa dak l-obbligu piż għar-raġel Kristjan? Mhux jekk iħobb lill-familja tiegħu, għax f’dak il-każ hu jkun irid jipprovdi għalihom.
5. Għalkemm ix-xogħol taʼ ppridkar u li nagħmlu dixxipli huwa obbligu, għala għandna nitgħaxxqu li nieħdu sehem fih?
5 Bl-istess mod, ix-xogħol taʼ ppridkar u li nagħmlu dixxipli huwa obbligu, ħtieġa, li fuqha tiddependi l-istess ħajjitna. Pawlu poġġieha b’dan il-mod: “Jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju.” (1 Korintin 9:16; qabbel Eżekjel 33:7-9.) Madankollu, il-motiv tagħna għall-ippridkar huwa l-imħabba, mhux sempliċi dmir. Primarjament aħna nħobbu lil Alla, imma nħobbu wkoll lill-ġirien tagħna, u nafu kemm huwa importanti għalihom li jisimgħu l-aħbar tajba. (Mattew 22:37-39) Din tagħtihom tama għall-futur. Is-Saltna t’Alla dalwaqt se tirranġa l-inġustizzji, tneħħi l-moħqrija kollha, u tirrestawra l-paċi u l-unità—kollox għall-barka taʼ dejjem taʼ dawk li jissottomettu ruħhom għall-ħakma tagħha taʼ tjieba. Ma nitgħaxxqux aħna, iva ma nħossuniex eċċitati, li naqsmu aħbar tajba bħal din m’oħrajn?—Salm 110:3, KŻ.
6. Ix-xogħol taʼ ppridkar u li nagħmlu dixxipli għala jippreżenta sfida reali?
6 Fl-istess ħin, dan ix-xogħol taʼ ppridkar u li nagħmlu dixxipli jippreżenta sfida vera. In-nies ivarjaw. Mhux kulħadd għandu l-istess interessi u abbiltajiet. Xi wħud għandhom edukazzjoni għolja, fil-waqt li oħrajn ftit li xejn għandhom skola. Il-qari—li darba kien passatemp favorit—huwa llum taʼ spiss meqjus bħala biċċa xogħol monotona. L-alitterazija, li hija definita bħala “l-kwalità jew stat taʼ li tkun taf taqra imma m’intix interessat li tagħmel dan,” hija problema li dejjem qiegħda tikber, saħansitra f’pajjiżi li jiftaħru b’rata għolja taʼ litterazija. Kif, mela, nistgħu ngħinu lil nies bi sfondi u interessi daqstant varjati biex jitgħallmu dak li Alla jirrikjedi?—Qabbel 1 Korintin 9:20-23.
Mgħammrin Kif Inhu Xieraq Biex Ngħinu Lil Oħrajn
7. “L-irsir leali u diskret” kif forniena biex ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dak li Alla jirrikjedi?
7 Biċċa xogħol sfidanti titwettaq b’mod eħfef jekk ikollok l-għodda jew it-tagħmir xieraq. Biċċa għodda li hija addattata għal xi xogħol partikulari llum għandu mnejn tiġi modifikata jew saħansitra mibdula għada minħabba bżonnijiet li dejjem jitbiddlu. Huwa simili maʼ l-inkarigu tagħna li nxandru l-messaġġ dwar is-Saltna t’Alla. Matul is-snin, “l-irsir leali u diskret” ipprovdielna preċiżament l-għodod neċessarji, pubblikazzjonijiet imfasslin apposta għall-użu f’li nikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar. (Mattew 24:45, NW) B’hekk ġejna mgħammrin biex ngħinu nies minn “kull ġens u tribù . . . u lsien” biex jitgħallmu dak li Alla jirrikjedi. (Apokalissi 7:9) Minn żmien għal żmien, strumenti ġodda ġew ipprovduti biex inlaħħqu mal-bżonnijiet li dejjem jitbiddlu fl-għalqa tad-dinja. Ejjew nikkunsidraw xi ftit eżempji.
8. (a) Il-ktieb “Let God Be True” x’parti kellu fl-avvanz t’edukazzjoni Biblika? (b) Liema strument għax-xogħol taʼ studju tal-Bibbja ġie pprovdut fl-1968, u kif kien imfassal b’mod speċjali? (ċ) Il-ktieb Verità kif għen fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli?
8 Mill-1946 sa l-1968, il-ktieb “Let God Be True” kien użat bħala strument qawwi għal edukazzjoni Biblika, u 19,250,000 kopji ġew ippubblikati f’54 lingwa. Maħruġ fl-1968, il-ktieb Il-Verità Li Twassal Għal Ħajja Eterna kien għal ħafna snin użat effettivament biex nistudjaw il-Bibbja maʼ wħud interessati. Qabel, kien spiss jiġri li xi wħud kienu jistudjaw max-Xhieda taʼ Jehovah għal sena wara l-oħra mingħajr ma qatt jitgħammdu. Imma dan l-istrument ġie mfassal biex jinvolvi lill-istudent, billi jinkuraġġih biex japplika dak li kien qiegħed jitgħallem. Ir-riżultat? Il-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom jistqarr: “Għat-tliet snin taʼ servizz li bdew mill-1 taʼ Settembru, 1968, u spiċċaw fil-31 t’Awissu, 1971, total taʼ 434,906 persuni tgħammdu—iżjed mid-doppju taʼ l-għadd li tgħammdu matul it-tliet snin taʼ servizz taʼ qabel!” Minn mindu ħareġ, il-ktieb Verità laħaq ċirkolazzjoni tal-meravilji—’il fuq minn 107,000,000 f’117-il lingwa.
9. Liema fattur speċjali fih il-ktieb Tgħix Għal Dejjem, u liema impatt kellu fost il-proklamaturi tas-Saltna?
9 Fl-1982 il-ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem F’Ġenna Taʼ L-Art sar il-ktieb ewlieni wżat biex jiġu kondotti studji tal-Bibbja. Din l-għodda għandha ’l fuq minn 150 illustrazzjoni viżwali, kull waħda b’captions bi kliem mirqum tajjeb li jenfasizza b’mod konċiż il-punt taʼ tagħlim fl-istampi. Il-ħarġa taʼ Our Kingdom Ministry t’Ottubru 1982 stqarret: “Fil-madwar 20 sena li ‘Let God Be True’ kien il-ktieb taʼ studju ewlieni tagħna (mill-1946 sa nofs is-snin sittin) ’il fuq minn 1,000,000 pubblikatur ġdid tas-Saltna żdiedu fostna. Imbagħad 1,000,000 pubblikatur ieħor żdiedu meta Il-Verità Li Twassal Għal Ħajja Eterna sar il-ktieb ewlieni tagħna taʼ studju wara li ħareġ fl-1968. Bl-użu tal-ktieb ġdid tagħna taʼ studju, Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem F’Ġenna Taʼ L-Art, se naraw aħna espansjoni simili fost il-pubblikaturi tas-Saltna? Ċertament, jekk din hija r-rieda taʼ Jehovah!” Evidentement din kienet ir-rieda taʼ Jehovah, għaliex mill-1982 sa l-1995, ’il fuq minn 2,700,000 żdiedu fost il-proklamaturi tas-Saltna!
10. Liema għodda ġdida ġiet ipprovduta fl-1995, u għala għandha tgħin lil studenti tal-Bibbja biex jagħmlu progress spiritwali pjuttost mgħaġġel?
10 “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit,” qal Ġesù. (Mattew 9:37) Il-ħsad huwa, tabilħaqq, kbir. Għad hemm ħafna x’isir. F’xi pajjiżi n-nies iridu jitniżżlu fil-lista biex jistennew għal studju tal-Bibbja. Għalhekk bil-għan li jifrex l-għarfien t’Alla iżjed malajr, fl-1995 “l-irsir leali u diskret” ipprovda għodda ġdida, il-ktieb b’192 paġna intitolat Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Dan l-istrument imprezzabbli ma joqgħodx jisħaq fuq duttrini foloz. Jippreżenta l-verità tal-Bibbja b’mod pożittiv. Huwa ttamat li se jgħin lil studenti tal-Bibbja biex jagħmlu progress spiritwali pjuttost mgħaġġel. Il-ktieb Għarfien diġà qiegħed ikollu impatt fuq l-għalqa dinjija b’45,500,000 kopja stampati f’125-il lingwa u bi traduzzjoni li qiegħda ssir f’21 lingwa oħra.
11. Liema għodda effettiva ġiet ipprovduta biex tgħin jiġu mgħallmin dawk li huma illitterati jew li ma tantx jafu jaqraw, u din kif għamlet effett qawwi fuq il-programm globali tagħna taʼ tagħlim?
11 Minn żmien għal żmien, “l-irsir leali” pprovda għodod imfasslin għal udjenza speċifika, jew limitata. Per eżempju, xi ngħidu għal nies li forsi għandhom bżonn għajnuna speċjali minħabba l-isfond kulturali jew reliġjuż tagħhom? Kif nistgħu ngħinuhom jitgħallmu dak li Alla jirrikjedi? Fl-1982 irċevejna preċiż dak li kellna bżonn—il-brochure bi 32 paġna Gawdi L-Ħajja Fuq L-Art Għal Dejjem! Din il-pubblikazzjoni b’abbundanza taʼ stampi kienet u għadha għodda effettiva biex ngħallmu lil dawk li huma illitterati jew li ma tantx jafu jaqraw. Fiha preżentazzjoni sempliċi ħafna u faċli biex tiftiehem taʼ tagħlim Skritturali bażiku. Minn mindu ħareġ, il-brochure Gawdi L-Ħajja għamel effett qawwi fuq il-programm globali tagħna taʼ tagħlim. ’Il fuq minn 105,100,000 kopja ġew stampati f’239 lingwa, li jagħmluh l-iktar pubblikazzjoni tradotta li l-Watch Tower Society ipproduċiet s’issa!
12, 13. (a) Mill-1990 ’l hawn, “l-irsir leali” pprovda liema mod ġdid biex tintlaħaq udjenza mifruxa? (b) Kif nistgħu nużaw il-videos tas-Soċjetà fil-ministeru tagħna taʼ l-għalqa? (ċ) Liema għodda ġdida ġiet ipprovduta riċentement biex tgħin fix-xogħol tagħna li nagħmlu dixxipli?
12 Minbarra pubblikazzjonijiet stampati, b’seħħ mill-1990 “l-irsir leali” pprovdiena b’mezz taʼ struzzjoni li joffri mod ġdid taʼ kif tintlaħaq udjenza mifruxa—il-videocassettes. F’Ottubru taʼ dik is-sena, il-video taʼ 55 minuta Jehovah’s Witnesses—The Organization Behind the Name ġie maħruġ—l-ewwel video li qatt ipproduċiet il-Watch Tower Society. Il-preżentazzjoni sabiħa u informattiva, disponibbli f’35 lingwa, turi l-organizzazzjoni mad-dinja kollha tan-nies devoti taʼ Jehovah iwettqu l-kmand taʼ Ġesù li jxandru l-aħbar tajba maʼ l-art kollha. Il-video huwa mfassal b’mod speċjali biex jgħin fix-xogħol tagħna li nagħmlu dixxipli. Pubblikaturi tas-Saltna ma ħlewx ħin f’li jpoġġu din l-għodda ġdida għall-użu fil-ministeru taʼ l-għalqa. Xi wħud ġarrewh fil-basket tagħhom tal-kotba, dejjem għal-lest biex juruh jew jisilfuh lil nies interessati. Ftit wara li ħareġ, wieħed indokratur li jivvjaġġa kiteb: “Il-videos saru mezz tas-seklu 21 biex jintlaħqu l-imħuħ u l-qlub taʼ miljuni taʼ persuni, u għalhekk hija t-tama tagħna li dan il-video se jkun biss l-ewwel wieħed minn sensiela twila taʼ videos li s-Soċjetà se tuża biex tavanza x-xogħol tas-Saltna madwar id-dinja.” Tabilħaqq, iżjed videos ġew ipprovduti, inkluża s-serje taʼ tliet partijiet The Bible—A Book of Fact and Prophecy u Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault. Jekk il-videos tas-Soċjetà huma disponibbli bil-lingwa tiegħek, għamilt int użu minnhom fil-ministeru tiegħek taʼ l-għalqa?a
13 Riċentement għodda ġdida, il-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna?, ġiet ipprovduta biex tgħin fix-xogħol tagħna li nagħmlu dixxipli. Għala ġie ppubblikat? Kif jistaʼ jintuża?
Neżaminaw Għodda Ġdida
14, 15. Il-brochure Jirrikjedi għal min kien imfassal, u x’fih?
14 Il-pubblikazzjoni ġdida Alla X’jirrikjedi Minna? hija mfassla għal nies li diġà jemmnu b’Alla u jirrispettaw il-Bibbja. Indokraturi li jivvjaġġaw kif ukoll missjunarji mħarrġin f’Gilead b’ħafna snin t’esperjenza f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għenu fit-tħejjija taʼ dan il-brochure. Dan fih kors taʼ studju komprensiv, li jkopri t-tagħlim bażiku tal-Bibbja. Il-kliem huwa mqiegħed b’mod kordjali, sempliċi, u dirett. Fl-istess ħin, it-test m’huwiex issimplifikat iżżejjed. Ma jippreżentax biss “ħalib” imma wkoll “ikel solidu” mill-Kelma t’Alla b’mod li l-biċċa l-kbira tan-nies għandhom ikunu kapaċi jifhmuh.—Lhud 5:12-14.
15 Fi snin riċenti pubblikaturi tas-Saltna f’diversi pajjiżi talbu għal pubblikazzjoni preċiżament bħal din. Per eżempju, il-fergħa tal-Watch Tower Society f’Papua New Guinea kitbet: “In-nies huma konfużi b’tagħlim reliġjuż konfliġġenti. Għandhom bżonn stqarrijiet konċiżi taʼ verità, appoġġjati minn għadd taʼ testi Bibliċi li jistgħu jiċċekkjaw fil-Bibbji tagħhom stess. Għandhom bżonn preżentazzjoni ċara u speċifika taʼ dak li Alla jirrikjedi minn Kristjani veri u liema drawwiet u prattiċi m’humiex aċċettati minnu.” Il-brochure Jirrikjedi huwa preċiż dak li għandna bżonn biex ngħinu wħud bħal dawn jitgħallmu dak li Alla jirrikjedi.
16. (a) Min partikolarment jistaʼ jibbenefika mill-ispjegazzjonijiet sempliċi fil-brochure il-ġdid? (b) Dawk fit-territorju tiegħek kif jistgħu jibbenefikaw mill-brochure Jirrikjedi?
16 Kif tistaʼ tuża dan l-istrument ġdid? L-ewwel, jistaʼ jintuża biex tistudja maʼ nies li għandhom diffikultà biex jaqraw jew li forsi ma jħobbux jaqraw.b Individwi bħal dawn jistgħu jibbenefikaw mill-ispjegazzjonijiet sempliċi fil-brochure. Wara li rrevedew kopja li ntbagħtet minn qabel taʼ din il-pubblikazzjoni, fergħat tal-Watch Tower kitbu dan li ġej: “Il-brochure se jkun utli ferm f’ħafna partijiet tal-pajjiż fejn in-nies ma tantx iħobbu jaqraw fit-tul.” (Brażil) “Hemm għadd mhux ħażin taʼ immigranti li ma jafux jaqraw bil-lingwa nattiva tagħhom u li xorta waħda għandhom ftit tad-diffikultà jaqraw bil-Franċiż. Dan il-brochure jistaʼ jintuża bħala għajnuna biex nistudjaw maʼ wħud bħal dawn.” (Franza) Tistaʼ int taħseb dwar nies fit-territorju tiegħek li jistgħu jibbenefikaw mill-brochure Jirrikjedi?
17. Il-brochure il-ġdid b’liema mod jistaʼ jkun utli f’ħafna pajjiżi, u għala?
17 It-tieni, f’ħafna pajjiżi l-brochure għandu mnejn ikun utli biex jinbdew studji tal-Bibbja maʼ nies li għandhom il-biżaʼ t’Alla minkejja l-edukazzjoni li jistaʼ jkollhom. M’għandniex xi ngħidu, għandu jsir sforz biex jinbeda studju fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Imma f’xi każi għandu mnejn ikun iktar faċli li tibda studju fuq brochure. Imbagħad fi żmien xieraq, l-istudju għandu jiġi ttrasferit għal fuq il-ktieb Għarfien, l-għajnuna għal studju ewlenija u ppreferuta tagħna. Rigward dan l-użu tal-brochure Jirrikjedi, fergħat tal-Watch Tower kitbu: “Li jinbdew studji tal-Bibbja huwa diffiċli, u l-opportunitajiet biex jinbeda studju donnhom li jkunu aħjar meta pubblikaturi jibdew bi brochure.” (Ġermanja) “Brochure taʼ din l-għamla se jkun mill-iktar effettiv f’li jinbdew studji ġodda tal-Bibbja, li jistgħu mbagħad jitkomplew bil-ktieb Għarfien.” (Italja) “Għalkemm il-Ġappuniżi għandhom livell għoli t’edukazzjoni, il-biċċa l-kbira għandhom għarfien limitat ferm tal-Bibbja u tat-tagħlim bażiku tagħha. Il-brochure għandu jkun ħolqa mill-aħjar għall-ktieb Għarfien.”—Ġappun.
18. X’għandna niftakru dwar li nikkonformaw maʼ dak li Alla jirrikjedi?
18 Il-fergħat tas-Soċjetà madwar id-dinja talbu għal dan il-brochure, u ngħatat approvazzjoni biex dan jiġi tradott f’221 lingwa. Jalla din il-pubblikazzjoni ġdida turi li hija taʼ valur f’li tgħinna nassistu lil oħrajn biex jitgħallmu dak li Alla Jehovah jirrikjedi minnhom. Min-naħa tagħna, ejjew niftakru li konformità maʼ dak li Alla jirrikjedi, inkluż il-kmand li nippridkaw u nagħmlu dixxipli, tagħtina opportunità prezzjuża biex nuru lil Jehovah kemm inħobbuh. Iva, dak li Alla jirrikjedi minna m’huwiex piż. Huwa l-aħjar mod biex ngħixu!—Salm 19:8-12 [Salm 19:7-11, NW]. (w97 1/15)
[Noti taʼ taħt]
a Il-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom jgħid: “Il-videocassettes bl-ebda mod m’huma qegħdin jieħdu l-post tal-paġna stampata jew taʼ l-għoti persunali taʼ xiehda. Il-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà jibqgħu jokkupaw rwol vitali fit-tixrid taʼ l-aħbar tajba. Ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah minn dar għal dar jibqaʼ fattur Skritturali bbażat b’mod solidu tal-ministeru tagħhom. Madankollu, il-videocassettes issa jissupplimentaw lil dawn bħala għodod imprezzabbli biex tiġi kkultivata l-fidi fil-wegħdi prezzjużi taʼ Jehovah u biex jistimulaw apprezzament għal dak li hu qiegħed iġiegħel li jseħħ fuq l-art fi żmienna.”
b Għal spjegazzjoni dwar kif tikkonduci studju fil-brochure Jirrikjedi, ara l-artiklu “Għodda Ġdida Biex Tgħin Lin-Nies Jitgħallmu Dwar Dak Li Alla Jirrikjedi,” f’paġni 10-11.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Jehovah f’liema xogħol b’żewġ aspetti jirrikjedi lill-qaddejja tiegħu li jieħdu sehem?
◻ L-obbligu tagħna li nippridkaw u nagħmlu dixxipli għala m’huwiex piż għalina?
◻ “L-irsir leali u diskret” ipprovda liema għodod għall-użu fix-xogħol tagħna taʼ li nippridkaw u nagħmlu dixxipli?
◻ Il-brochure Jirrikjedi għal min huwa mfassal, u kif nistgħu nużawh fil-ministeru tagħna?
[Stampa f’paġna 18]
Ix-xogħol tagħna taʼ ppridkar u li nagħmlu dixxipli m’huwiex piż
[Stampi f’paġna 20]
“Let God Be True” (1946, irrivedut 1952): 19,250,000 f’54 lingwa
“Il-Verità Li Twassal Għal Ħajja Eterna” (1968): 107,000,000 f’117-il lingwa (muri l-Franċiż)
“Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem F’Ġenna Taʼ L-Art” (1982): 80,900,000 f’130 lingwa (muri r-Russu)
“Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem” (1995): 45,500,000 f’125-il lingwa (muri l-Ġermaniż)