LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 1/15 pp. 23-28
  • Insaħħu l-Fidi Tagħna fil-Kelma t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Insaħħu l-Fidi Tagħna fil-Kelma t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kelma t’Alla Hija Verità ​—Il-​Bażi tal-​Fidi Tagħna
  • Imita l-​“Perfezzjonatur tal-​Fidi Tagħna”
  • Għix Minħabba l-​Fidi
  • Uri fidi fil-​wegħdi taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Tassew Għandek Fidi fl-Aħbar Tajba?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Eżerċita Fidi Bbażata Fuq Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • “Agħtina iktar fidi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 1/15 pp. 23-28

Insaħħu l-​Fidi Tagħna fil-​Kelma t’Alla

IŻJED nies qraw il-​Bibbja minn kwalunkwe ktieb ieħor. Imma kemm minnhom urew fidi fil-​messaġġ tagħha? Il-​Bibbja nfisha tispjega li “mhux kulħadd għandu l-​fidi.” (2 Tessalonikin 3:2) Jidher ċar li aħna ma nitwildux bil-​fidi. Din trid tiġi żviluppata. Saħansitra dawk li għandhom ċertu ammont taʼ fidi jridu joqogħdu attenti li jibżgħu għaliha. Il-​fidi tistaʼ titmermer u tmut. Għaldaqstant, hemm bżonn taʼ sforz biex inżommu “sħaħ fil-​fidi.”—Titu 2:2.

B’raġuni tajba, għalhekk, il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah għażlet it-​tema “Fidi fil-​Kelma t’Alla” għas-​serje taʼ konvenzjonijiet distrettwali tagħhom għall-​1997/98. Miljuni taʼ Xhieda u oħrajn kienu b’hekk ipprivileġġjati li jinġabru flimkien biex isaħħu l-​fidi tagħhom fil-​Kelma t’Alla.

Il-​Kelma t’Alla Hija Verità ​—Il-​Bażi tal-​Fidi Tagħna

Din kienet it-​tema taʼ l-​ewwel ġurnata tal-​konvenzjoni. Bdiet bi kliem taʼ tifħir għal dawk kollha li attendew. Il-​preżenza tagħhom fil-​konvenzjoni kienet evidenza tar-​rispett tagħhom lejn il-​Bibbja. Minkejja dan, tqajmu mistoqsijiet li jqanqlu l-​ħsieb rigward il-​kwalità tal-​fidi tagħna: ‘Kapaċi niddefendu t-​twemmin tagħna, billi nużaw il-​Kelma t’Alla bħala l-​awtorità? Napprezzaw aħna l-​ikel spiritwali, billi qatt ma nnaqqsu l-​importanza tal-​Bibbja, tal-​laqgħat Kristjani, u tal-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja? Qegħdin nikbru fl-​imħabba, fl-​għarfien eżatt, u fid-​dixxerniment?’ Il-​kelliemi inkuraġġixxa lil kulħadd biex jagħti widen bir-​reqqa, waqt li nnota li “din il-​Konvenzjoni Distrettwali ‘Fidi fil-​Kelma t’Alla’ ġiet ippreparata biex tgħinna ngħarblu sewwa lilna nfusna u neżaminaw l-​ammont u l-​kwalità tal-​fidi li għandna individwalment.”

L-indirizz tal-​qofol kien intitolat “Nimxu bil-​Fidi, Mhux b’Dak li Naraw.” (2 Korintin 5:7) “Il-​fidi taʼ dawk li jsiru Xhieda taʼ Jehovah m’hijiex kredulità,” qal il-​kelliemi. Kemm huwa veru dan! Fidi ġenwina m’hijiex għamja. Hija bbażata fuq realtajiet. Lhud 11:1 jgħid: “Il-​fidi hija pedament tal-​ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-​prova tal-​ħwejjeġ li ma narawx.” Il-​kelliemi osserva: “Jekk verament se nimxu bil-​fidi, għandna bżonn fidi li hija bbażata fuq is-​sod.” Peress li aħna nimxu bil-​fidi, mhux b’dak li naraw, m’għandniex bżonn taʼ dettalji dwar kif u meta Jehovah se jwettaq kull aspett taʼ l-​iskop tiegħu. Dak li diġà nafu dwaru jagħtina fiduċja assoluta fil-​qawwa tiegħu li jwettaq il-​wegħdiet tiegħu bl-​imħabba u bit-​tjieba.

It-taħdita “Żgħażagħ Kristjani​—Parti Vitali mill-​Kongregazzjoni” fakkret liż-​żgħażagħ kemm huma prezzjużi għal Jehovah. Ġew inkuraġġiti jikbru spiritwalment billi jsusu wara miri bħalma huma l-​qari tal-​Bibbja kollha u li jilħqu l-​ħtiġijiet għad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Il-​ksib taʼ edukazzjoni supplementari hija kwistjoni persunali li trid tiġi deċiża mal-​ġenituri, imma fil-​każ, l-​objettiv għandu dejjem ikun li jkunu mgħammrin ħalli jaqdu lil Alla b’mod iktar effettiv. Edukazzjoni sekulari tistaʼ sservi għal skop taʼ benefiċċju meta ‘nagħrfu nagħżlu l-​aħjar’ affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​fidi tagħna.—Filippin 1:9, 10.

Wara kien hemm simposju taʼ tliet taħditiet bit-​tema, “Il-​Livelli taʼ Min Tosserva Int?” Fidi fil-​kelma t’Alla tqanqalna biex inżommu mal-​livelli tal-​Bibbja. Il-​Kristjani jobdu l-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Jehovah. Per eżempju, l-​Iskrittura twissina kontra li nużaw kliem oxxen u abbużiv. (Efesin 4:31, 32) Il-​kelliemi saqsa: “Meta jinkuk jew jirritawk, tibda int tgħajjar kemm tiflaħ lis-​sieħeb jew lis-​sieħba jew lit-​tfal tiegħek?” Ovvjament, dik mhix ħaġa Kristjana. Alla għandu wkoll livelli rigward id-​dehra persunali tagħna. Il-​Kristjani għandhom jilbsu “lbies xieraq, bil-​modestja.” (1 Timotju 2:9, 10) Il-​kelma “modestja” ġġorr il-​ħsieb taʼ rispett lejk innifsek, sens taʼ ġieħ, serjetà, u moderazzjoni. Aħna nitqanqlu mill-​imħabba għal oħrajn u niġu ggwidati minn prinċipji Bibliċi u minn sens taʼ dak li hu xieraq.

Iż-żewġ taħditiet taʼ wara inkludew l-​ikkunsidrar vers b’vers taʼ Lhud 3:7-15 u 4:1-16. Dawn is-​siltiet mill-​Bibbja jwissuna kontra l-​perikli taʼ li ‘niġġarrfu mid-​dnub u nwebbsu qlubna.’ (Lhud 3:13) Kif jistaʼ jkollna suċċess fil-​ġlieda tagħna kontra d-​dnub? Jehovah jgħinna permezz tal-​Kelma tiegħu. Tabilħaqq, “il-​kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, . . . u tgħarbel il-​ħsibijiet u l-​fehmiet tal-​qalb.”—Lhud 4:12.

It-taħdita taʼ l-​aħħar fl-​ewwel ġurnata tal-​konvenzjoni kienet, “Ktieb għan-​Nies Kollha.” Din enfasizzat l-​awtentiċità, l-​eżattezza, u l-​valur prattiku tal-​Bibbja. Kemm kien kommoventi li tismaʼ l-​kelliemi jħabbar il-​ħruġ taʼ brochure ġdid bi 32 paġna intitolat Ktieb Għan-​Nies Kollha! Din il-​pubblikazzjoni l-​ġdida tħejjiet apposta għal nies li, għalkemm taʼ skola, ftit li xejn jafu dwar il-​Bibbja. It-​taħdita spiċċat bil-​kliem: “In-​nies għandhom bżonn jeżaminaw il-​Kelma t’Alla għalihom infushom. Aħna fiduċjużi li jekk jagħmlu hekk, se jirrealizzaw li dan il-​ktieb uniku, il-​Bibbja, hu tabilħaqq ktieb għan-​nies kollha!”

Imita l-​“Perfezzjonatur tal-​Fidi Tagħna”

Din it-​tema tat-​tieni ġurnata tal-​konvenzjoni ġibdet l-​attenzjoni lejn Ġesù Kristu, il-​“Perfezzjonatur tal-​fidi tagħna.” Għandna bżonn ‘nimxu fuq il-​passi tiegħu.’ (Lhud 12:2, NW; 1 Pietru 2:21) Ħafna fil-​Kristjaneżmu jintqalilhom: ‘Emmnu fil-​Mulej Ġesù, u se ssalvaw!’ Imma huwa dak kulma tirrikjedi l-​fidi? Il-​Bibbja tiddikjara li “hi mejta l-​fidi mingħajr għemil.” (Ġakbu 2:26) Barra milli nemmnu f’Ġesù, għalhekk, irridu nagħmlu x-​xogħlijiet li għamel hu, speċjalment billi nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.

Il-programm taʼ fil-​għodu kkonċentra fuq ix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar. Bħal Pawlu, għandna nkunu ħerqanin li niddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​salvazzjoni. (Rumani 1:14-16) Ġesù ppriedka lin-​nies kullimkien. Għalkemm il-​ministeru regulari tagħna minn dar għal dar qed jipproduċi riżultati, iżjed u iżjed nies m’humiex qed ikunu d-​dar meta mmorru nżuruhom. (Atti 20:20) Ħafna jkunu l-​iskola, jaħdmu, jixtru, jew jivvjaġġaw. Għaldaqstant, għandna bżonn nippridkaw f’postijiet pubbliċi u kulfejn hemm in-​nies.

It-taħdita “Sir Sod u Stabbli fil-​Verità” fakkritna fl-​għadd kbir taʼ dixxipli ġodda li qed jitgħammdu​—medja taʼ 1,000 kuljum! Huwa vitali li dawn l-​uħud ġodda jkollhom fidi stabbli u b’għeruq sodi. (Kolossin 2:6, 7) Il-​kelliemi spjega li għeruq litterali jixorbu l-​ilma u s-​sustanzi fil-​waqt li jipprovdu bażi jew appoġġ lill-​pjanta. Bl-​istess mod, permezz taʼ drawwiet tajbin taʼ studju u sħubija bnina, dixxipli ġodda jistgħu jsiru stabbli fil-​verità.

Dan il-​parir kien xieraq b’mod speċjali għall-​kandidati tal-​magħmudija. Iva, fit-​tieni ġurnata tal-​konvenzjoni, gzuz taʼ dixxipli ġodda tgħammdu, billi segwew l-​eżempju taʼ Ġesù. It-​taħdita “Fidi fil-​Kelma t’Alla Twassal għall-​Magħmudija” fakkret lill-​kandidati illi li jkunu mgħaddsin totalment fl-​ilma huwa simbolu xieraq tal-​mewta tagħhom għall-​korsa taʼ ħajja egoistika taʼ qabel. Li jqumu mill-​ilma jirrappreżenta l-​fatt li huma ngħataw il-​ħajja biex jagħmlu r-​rieda t’Alla.

It-taħdita “Agħmel Ġlieda Iebsa għall-​Fidi” kienet ibbażata fuq il-​ktieb bibliku taʼ Ġuda. Ġejna inkuraġġiti biex nipproteġu l-​fidi tagħna billi nirreżistu influwenzi taʼ ħsara, bħall-​immoralità, ir-​ribelljoni, u l-​apostasija. Imbagħad, il-​ġenituri​—speċjalment il-​missirijiet—​irċevew attenzjoni speċjali fit-​taħdita “Ipprovdi għan-​Nies taʼ Darek.” Li wieħed jipprovdi għall-​bżonnijiet spiritwali, fiżiċi, u emozzjonali tal-​familja tiegħu huwa obbligu Skritturali. (1 Timotju 5:8) Dan jirrikjedi l-​ħin, il-​komunikazzjoni, u li jżommu qrib xulxin. Alla Jehovah żgur li jieħu gost bix-​xogħol iebes kollu li ġenituri Kristjani jagħmlu sabiex irabbu lil uliedhom fil-​verità.

Is-simposju taʼ wara, “Lejn id-​Dar taʼ Jehovah Ejjew Immorru,” bnielna apprezzament għal-​laqgħat Kristjani. Dawn jipprovdu serħan mill-​ansjetajiet taʼ din id-​dinja. Fil-​laqgħat ikollna l-​opportunità li ninkuraġġixxu lil xulxin, u nistgħu nuru l-​imħabba tagħna għal kredenti sħabna. (Lhud 10:24, 25) Il-​laqgħat jgħinuna wkoll biex nirfinaw l-​abbiltajiet tagħna bħala għalliema, u jkabbrulna l-​fehma tagħna dwar l-​iskop t’Alla. (Proverbji 27:17) Jalla qatt ma niżolaw ruħna mill-​kongregazzjoni, u ejjew niftakru fil-​kliem taʼ Ġesù: “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.”—Mattew 18:20.

L-aħħar taħdita tal-​ġurnata kienet “Il-​Kwalità tal-​Fidi Tiegħek​—Ittestjata Issa.” Fidi li mhix ittestjata m’għandhiex valur ipprovat, u l-​kwalità tagħha tibqaʼ mhix magħrufa. Hija bħal ċekk li jkun għadu ma ssarrafx. Jiswa dan daqs l-​ammont li jidher fuqu? B’mod simili, il-​fidi tagħna trid tiġi ttestjata biex tagħti prova li għandha sustanza u kwalità taʼ veru. (1 Pietru 1:6, 7) Il-​kelliemi qal: “Xi kultant, il-​membri tal-​kleru u l-​apostati jirnexxilhom ibellgħuha lill-​mezzi taʼ komunikazzjoni u l-​awtoritajiet biex dawn jittimbrawna li aħna foloz, billi jirrappreżentaw ħażin it-​twemmin Kristjan u l-​mod taʼ ħajja tagħna. . . . Se nħalluhom aħna lil dawk mogħmijin minn Satana jintimidawna u jaqtgħulna qalbna u jġagħluna nħossuna nistħu minħabba l-​aħbar tajba? Se nippermettu li l-​gideb kontra l-​verità jeffettwa l-​attendenza regulari tagħna għal-​laqgħat u l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar? Jew se nieqfu sodi u nkunu kuraġġużi u iktar determinati minn qatt qabel biex inkomplu niddikjaraw il-​verità dwar Jehovah u s-​Saltna tiegħu?”

Għix Minħabba l-​Fidi

It-​tema tat-​tielet ġurnata tal-​konvenzjoni kienet ibbażata fuq kliem Pawlu: “Li ħadd permezz tal-​Liġi ma hu ġġustifikat quddiem Alla jidher ċar, ladarba ‘il-​ġust jgħix bil-​fidi.’” (Galatin 3:11) Is-​simposju, “Il-​Kliem Profetiku taʼ Ġoel għal Żmienna,” kien wieħed mill-​punti prinċipali taʼ dak in-​nhar fil-​għodu. Il-​ktieb taʼ Ġoel jipponta lejn żmienna u jgħid b’sens t’urġenza: “Ah, x’jum dan! Għax fil-​qrib jum il-​Mulej, jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj.” (Ġoel 1:15) B’manjiera simili għal dik taʼ ġurati li ma jbattux, Kristjani midlukin ma ħallew xejn ifixkilhom milli jipproklamaw is-​Saltna f’dan iż-​żmien tat-​tmiem.

Il-ktieb taʼ Ġoel jagħti wkoll tama, billi jgħid: “Kull min isejjaħ isem il-​Mulej jinħeles.” (Ġoel 3:5 [Ġoel 2:32, NW]) Dan ifisser iktar milli sempliċement tuża isem Jehovah. Hija meħtieġa ndiema mill-​qalb, u din tinkludi li nagħtu daharna lill-​ħażin. (Ġoel 2:12, 13) Ma baqax żmien biex nitnikkru għax Jehovah dalwaqt se jagħmel ħaqq mill-​ġnus, saħansitra bħalma għamel minn Mowab, Għammon, u r-​reġjun muntanjuż taʼ Xegħir fi żmien is-​Sultan Ġosafat taʼ Ġuda.—2 Kronaki 20:1-30; Ġoel 4:2, 12 [Ġoel 3:2, 12, NW].

Kulħadd ġie inkuraġġit mit-​taħdita “Uri Fidi Billi Tistenna lil Jehovah.” Issa fl-​aħħarnett taż-​żmien tat-​tmiem, nistgħu nħarsu lura lejn it-​twettiq taʼ ħafna mill-​wegħdi taʼ Jehovah, u aħna interessati intensament f’affarijiet li għadhom iridu jseħħu. In-​nies taʼ Jehovah jridu jkomplu jieħdu paċenzja, billi jiftakru li dak kollu li Jehovah wiegħed irid iseħħ.—Titu 2:13; 2 Pietru 3:9, 10.

Il-programm taʼ fil-​għodu spiċċa bid-​drama “Żomm Għajnek Sempliċi.” Din ir-​reċta realistika inkuraġġietna neżaminaw l-​attitudni tagħna rigward il-​ġiri wara affarijiet materjali. Ngħixu fejn ngħixu, jekk irridu li ħajjitna tkun ħielsa mill-​ansjetà, irridu nsegwu l-​parir taʼ Ġesù biex inżommu għajn sempliċi, iffokata b’mod ċar fuq is-​Saltna t’Alla.—Mattew 6:22.

It-taħdita pubblika kellha t-​titlu li jagħtik x’tifhem, “Il-​Fidi u l-​Futur Tiegħek.” Din tat provi taʼ kemm il-​mexxejja umani m’humiex kapaċi jsolvu l-​problemi tad-​dinja. (Ġeremija 10:23) L-​istorja tal-​bniedem tkompli tirrepeti ruħha​—fuq skala akbar u iktar taʼ ħsara. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif iħossuhom dwar il-​futur? Aħna nemmnu li l-​bnedmin leali għandhom futur sabiħ taħt is-​Saltna t’Alla. (Mattew 5:5) Alla se jwettaq il-​wegħdi tiegħu għall-​benefiċċju taʼ dawk kollha li għandhom fidi f’Kelmtu, li tħeġġeġ: “Fittxu l-​Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejjħulu sakemm hu fil-​qrib!”—Isaija 55:6.

Ġesù qajjem mistoqsija vitali meta kien qed jirreferi għal żmienna. Saqsa: “Taħsbu intom li Bin il-​bniedem se jsib il-​fidi fuq l-​art meta jiġi?” (Luqa 18:8) L-​aħħar taħdita rrevediet il-​programm tal-​konvenzjoni u wriet kif din tat evidenza li tidwi li fidi fil-​Kelma t’Alla teżisti, avolja qed ngħixu f’dinja mingħajr fidi u li hi sekularizzata.

Xorta, nistgħu individwalment nistaqsu lilna nfusna, ‘Jiena fost dawk li għandhom fidi li ma titħarrikx f’Alla u fil-​Kelma tiegħu?’ Il-​Konvenzjoni Distrettwali “Fidi fil-​Kelma t’Alla” għandha tgħinna nwieġbu iva għal dik il-​mistoqsija. U kemm aħna grati lejn Jehovah talli jsaħħilna l-​fidi tagħna fih u fil-​Kelma ispirata tiegħu, il-​Bibbja!

[Stampi f’paġna 24]

Ħafna volontieri ħadmu bil-​ferħ biex jakkomodaw eluf taʼ delegati

[Stampi f’paġna 25]

Stejdjums kbar intużaw madwar id-​dinja

[Stampa f’paġna 25]

L. A. Swingle tal-​Ġemgħa li Tiggverna jħabbar il-​ħruġ tal-​brochure il-​ġdid

[Stampa f’paġna 26]

Ħafna tgħammdu b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah

[Stampi f’paġna 27]

Dawk li attendew għall-​konvenzjoni ferħanin kantaw għanjiet tas-​Saltna. Sfond: id-​drama “Żomm Għajnek Sempliċi”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja