Nilħqu Saħansitra Iżjed Nies bl-Aħbar Tajba
HEKK kif kont qed naħseb dwar in-nies taʼ pajjiżi, irrealizzajt li ħafna jafu lix-Xhieda taʼ Jehovah mir-rapporti taʼ l-aħbarijiet biss. Dawn in-nies għandhom jiġu kkuntattjati, ħsibt jien, sabiex forsi jsiru jafu min huma x-Xhieda taʼ Jehovah u dak li tassew jemmnu. Imma kif stajt ngħin? Żewġi jaqdi bħala anzjan Kristjan, u hu pprovdieli gwida u suġġerimenti għaqlin.
Sibna idea fundamentali fl-artiklu “Magazines That Give Practical Comfort” (Rivisti li Jagħtu Faraġ Prattiku), ippubblikat fil-ħarġa tar-rivista Awake! tat-8 taʼ Jannar, 1995. Rigward l-attività taʼ waħda xhud, l-artiklu jgħid: “Kienet qed tagħmilha bħala mira li tiġbor kopji qodma taʼ ċerti rivisti taʼ Stenbaħ! li Xhieda oħrajn kienu akkumulaw fid-dar. Imbagħad iżżur aġenziji li tħoss li għandhom mnejn juru interess speċjali f’xi wħud mis-suġġetti.”
Bil-għajnuna taʼ żewġi, jien malajr ġbart mijiet taʼ kopji tar-rivisti. Minnhom stajt nagħżel varjetà taʼ suġġetti li huma addattati għan-nies li kont se nipprova nikkuntattja.
Billi wżajt direttorji tat-telefon u dokumenti pubbliċi, jien ġbart lista taʼ sptarijiet, residenzi għaż-żgħażagħ, u djar tax-xjuħ. Għamilt ukoll lista taʼ dawk li jieħdu ħsieb il-funerali, supervisors u kunsillieri taʼ l-iskejjel, eżaminaturi mediċi, u uffiċjali tal-ħabsijiet u l-qrati. Il-lista tiegħi inkludiet xi diretturi taʼ istituzzjonijiet għal dawk li jiddependu mill-alkoħol u d-droga, assoċjazzjonijiet għall-kwistjonijiet ambjentali, għall-inkapaċitati u l-vittmi tal-gwerra, u għar-riċerka dwar in-nutriment. Lanqas ma ħallejt barra lil diretturi taʼ l-uffiċċji tal-welfare, servizzi soċjali, u affarijiet tal-familja.
X’Se Ngħid?
L-ewwel ħaġa li kont nagħmel meta nżur lil xi ħadd kienet li nidentifika b’mod ċar min jien. Imbagħad kont ngħidilhom li ż-żjara tiegħi se tieħu biss ftit minuti.
Hekk kif kont niġi wiċċ imbwiċċ mal-persuna inkarigata, kont ngħid: “Jiena waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, ma ġejtx hawn biex nidħlu f’diskussjoni reliġjuża, li għandha mnejn ma tkunx flokha fil-ħin tax-xogħol.” Normalment l-atmosfera kienet issir iktar rilassanti. Imbagħad, billi naddatta l-kummenti tiegħi għas-sitwazzjoni, kont inkompli: “Ir-raġuni taż-żjara tiegħi hija doppja. L-ewwel, nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għax-xogħol li qed jiġi organizzat mill-uffiċċju tagħkom. Wara kollox, kulħadd għandu japprezza l-fatt li xi ħadd qed juża l-ħin u l-enerġija tiegħu għan-nom tal-pubbliku inġenerali. Dan ċertament huwa taʼ min ifaħħru.” F’ħafna każi l-persuna li kont inkellem b’dan il-mod kienet tistagħġeb.
S’issa l-persuna x’aktarx li kienet tkun qed tberren dwar x’inhi t-tieni raġuni għaż-żjara tiegħi. Imbagħad kont inżid: “It-tieni raġuni għaż-żjara tiegħi hija din: Mir-rivista tagħna Stenbaħ!, li hija ppubblikata b’mod internazzjonali, għażilt xi ftit artikli li jittrattaw partikolarment mat-tip taʼ xogħol tiegħek u mal-problemi li huma assoċjati miegħu. Ċerta li int tixtieq tkun taf kif ġurnal internazzjonali jqishom dawn il-problemi. Nieħu gost inħallilek dawn il-kopji.” Taʼ spiss kienu jgħiduli li l-isforzi tiegħi ġew apprezzati.
Riżultati Sorprendenti u Sodisfaċenti
Meta wżajt dan il-metodu, il-biċċa l-kbira kienu jisimgħuni; wieħed minn kull 17 biss irrifjuta. Kelli ħafna esperjenzi li kienu kemm sorprendenti u kemm sodisfaċenti.
Per eżempju, wara li pprovajt erbaʼ darbiet u stennejt bil-paċenzja, irnexxieli niltaqaʼ maʼ spettur taʼ l-iskola tad-distrett. Kien raġel verament okkupat. Madankollu, kien dħuli ħafna u kellimni għal ftit ħin. Hekk kif kont sejra, qalli: “Tassew napprezza l-isforz tiegħek, u żgur li se naqra l-letteratura tiegħek bir-reqqa.”
F’okkażjoni oħra, mort f’qorti tad-distrett, u ltqajt maʼ l-imħallef prinċipali, raġel li kellu fuq l-erbgħin. Meta dħalt fl-uffiċċju tiegħu, refaʼ għajnejh mid-dokumenti li kellu quddiemu pjuttost irritat.
“L-uffiċċju jiftaħ it-Tlieta fil-għodu biss, u f’dak il-ħin inkun nistaʼ nagħtik kwalunkwe informazzjoni,” qalli b’leħen żorr.
“Ippermettili niskuża ruħi talli ġejt f’ħin mhux addattat,” weġibt malajr u żidt, “M’għandniex xi ngħidu, lesta li nerġaʼ niġi f’ħin ieħor. Imma ż-żjara tiegħi hija fil-fatt taʼ natura persunali.”
Issa l-imħallef kien kurjuż. Staqsieni, b’ton ħafna inqas ostili, x’ridt. Erġajt għedtlu li kont lesta li nerġaʼ ngħaddi t-Tlieta.
“Jekk jogħġbok, poġġi bil-qiegħda,” hu insista, b’sorpriża għalija. “X’għandek bżonn?”
Malajr qbadna konversazzjoni interessanti, u skuża ruħu talli fil-bidu kien daqshekk żorr minħabba li kien verament okkupat.
“Taf x’jogħġobni dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah?” staqsieni l-imħallef wara ftit. “Li għandhom prinċipji bbażati fuq is-sod u ma jgħawġuhomx. Hitler ipprova minn kollox, imma x-Xhieda xorta waħda ma marrux għall-gwerra.”
Meta tnejn minna daħlu f’uffiċċju minnhom, is-segretarji t’hemmhekk għarfuna. Imbagħad is-segretarja esekuttiva qalet xott xott, “Il-president qatt ma jirċievi ebda rappreżentanti.”
“Imma lilna iva,” weġibt bil-kalma, “għaliex aħna x-Xhieda taʼ Jehovah. M’aħniex nagħmlu petizzjonijiet, u ż-żjara tagħna mhux se ddum iżjed minn tliet minuti.” Tlabt b’mod ferventi f’qalbi, “O Jehovah, jekk jogħġbok agħmel li kollox imur sew!”
Is-segretarja wieġbet b’mod indifferenti, “Orrajt, mela, nipprova.” Telqet ’l hemm. Wara xi żewġ minuti, li dehru bħala eternità għalija, reġgħet tfaċċat segwita mill-president innifsu. Bla kliem taʼ xejn, imxejna warajh sa l-uffiċċju tiegħu, waqt li għaddejna żewġt ikmamar oħra.
Hekk kif bdejna nitkellmu, hu beda jsir iktar u iktar dħuli. Hu aċċetta bil-qalb kollha l-ħarġiet speċjali tar-rivista Stenbaħ! meta offrejnihomlu. Irringrazzjajna lil Jehovah għal din l-opportunità li nagħtu xiehda tajba dwar l-iskop tax-xogħol tagħna.
Meta nħares lura lejn il-ħafna esperjenzi meraviljużi, sirt napprezza bil-wisq iktar dak li qal l-appostlu Pietru: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Ir-rieda t’Alla hi li nies minn kull sfond, lingwa, jew pożizzjoni soċjali jingħataw l-opportunità li jsiru jafu l-iskop tiegħu għall-umanità u għall-art.—Ikkontribwit.