Il-Pjagi tal-Gwerra
“FIL-GWERRA ħadd ma jirbaħ,” ikkummenta wieħed li qabel kien suldat u li ġġieled fit-Tieni Gwerra Dinjija. “Kulħadd joħroġ tellief.” Hemm ħafna li jaqblu miegħu. Il-ħsara li tikkaġuna l-gwerra hija orribbli, għaliex kemm dawk li jiksbu l-vittorja u kemm dawk li jitilfu jħallsu qares. Saħansitra wara li jkun waqaf il-ġlied, ikun hemm miljuni taʼ nies li jibqgħu jbatu minħabba l-pjagi enormi li tikkaġuna l-gwerra.
Liema pjagi? Il-gwerra tistaʼ teqred parti kbira mill-popolazzjoni, u b’hekk ħafna nies jisfaw orfni jew romol. Ħafna minn dawk li jibqgħu ħajjin ikunu feruti gravi, u jkollhom ukoll ġrieħi psikoloġiċi li jibqgħu jbatu minnhom għal għomorhom. Miljuni taʼ nies għandhom mnejn jispiċċaw b’idhom f’idhom jew jistaʼ jkollhom isiru refuġjati. Nistgħu nimmaġinaw il-mibegħda u l-uġigħ li bilfors ikun għad hemm fil-qlub taʼ dawk li jibqgħu ħajjin wara li jintemmu konflitti bħal dawn?
Pjagi Miftuħin
Il-pjagi li tikkaġuna l-gwerra fil-qlub tan-nies jibqgħu miftuħin għal ħafna żmien wara li jkun waqaf il-ġlied, siket l-isparar, u s-suldati jkunu telqu d-dar. Il-ġenerazzjonijiet taʼ wara għandhom mnejn iħallu ħafna sentimenti taʼ rabja għal xulxin ibejtu f’qalbhom. Meta jiġri hekk, il-pjagi kaġunati minn dik il-gwerra jistgħu jkunu x-xrar li jqabbad in-nar tal-gwerra li jmiss.
Per eżempju, it-Trattat taʼ Versailles, li ġie ffirmat fl-1919 biex ikun hemm tmiem uffiċjali għall-Ewwel Gwerra Dinjija, poġġa ċerti kundizzjonijiet fuq il-Ġermanja. Iċ-ċittadini tagħha ħassew li dawn kienu ħorox u vendikattivi. Skond The Encyclopædia Britannica, il-kundizzjonijiet imposti mit-trattat “qanqlu ħafna sentimenti taʼ rabja fost il-Ġermaniżi u għenu biex titkebbes il-kilba għall-vendetta.” Xi snin wara, “is-sentimenti taʼ rabja minħabba t-trattat taʼ paċi servew bħala bażi għall-azzjonijiet taʼ Hitler” u kienu wieħed mill-fatturi li wasslu għat-Tieni Gwerra Dinjija.
It-Tieni Gwerra Dinjija bdiet fil-Polonja u nfirxet sal-Balkani. Il-pjagi li kkaġunaw lil xulxin il-gruppi etniċi taʼ dak ir-reġjun fis-snin erbgħin għenu biex titwitta t-triq għall-gwerra fil-Balkani fis-snin disgħin. “Iċ-ċirku li ma jispiċċa qatt tal-mibegħda u l-vendetta baqaʼ dejjem jikber u jikber, u din il-ħaġa baqgħet sejra sa żmienna,” ikkummentat il-gazzetta Ġermaniża Die Zeit.
Sabiex il-bniedem ikun jistaʼ jgħix fil-paċi, il-pjagi tal-gwerra bilfors iridu jitfejqu. Dan kif jistaʼ jseħħ? X’jistaʼ jsir biex titneħħa kull traċċa taʼ mibegħda u wġigħ? Min jistaʼ jfejjaq il-pjagi tal-gwerra?
[Sors tal-Istampa f’paġna 2]
COVER: Fatmir Boshnjaku
[Sors tal-istampa f’paġna 3]
U.S. Coast Guard photo; UN PHOTO 158297/J. Isaac