Kemm Hi b’Saħħitha l-Fidi Tiegħek?
“Intom qegħdin iżżommu sħaħ [“bil-fidi,” “KŻ”].—2 KORINTIN 1:24.
1, 2. Għala għandu jkollna l-fidi, u din kif tistaʼ tissaħħaħ?
IL-QADDEJJA taʼ Jehovah jafu li jrid ikollhom il-fidi. Fil-fatt, “mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla.” (Lhud 11:6) Għalhekk, aħna nkunu qed nużaw l-għaqal meta nitolbu għall-ispirtu qaddis u għall-fidi li hija parti mill-frott sabiħ tiegħu. (Luqa 11:13; Galatin 5:22, 23) Din il-kwalità ġo fina tistaʼ tissaħħaħ ukoll billi nimitaw il-fidi taʼ sħabna fit-twemmin.—2 Timotju 1:5; Lhud 13:7.
2 Il-fidi tagħna se tissaħħaħ jekk nibqgħu nistinkaw biex nimxu fit-triq li l-Kelma t’Alla tistabbilixxi għall-Kristjani kollha. Fidi akbar tistaʼ tirriżulta minn qari tal-Bibbja kuljum u studju bir-reqqa taʼ l-Iskrittura bl-għajnuna tal-pubblikazzjonijiet provduti mill-“prokuratur leali.” (Luqa 12:42-44, NW; Ġożwè 1:7, 8) Aħna niġu inkuraġġiti mill-fidi taʼ xulxin permezz tal-preżenza regulari tagħna fil-laqgħat, fl-assembleat, u fil-konvenzjonijiet Kristjani tagħna. (Rumani 1:11, 12; Lhud 10:24, 25) U l-fidi tagħna tissaħħaħ meta nitkellmu m’oħrajn fuq il-ministeru.—Salm 145:10-13; Rumani 10:11-15.
3. Fejn tidħol il-fidi, liema għajnuna nirċievu bi mħabba mill-anzjani Kristjani?
3 L-anzjani Kristjani bi mħabba jagħtuna pariri u inkuraġġiment mill-Iskrittura, u b’hekk jgħinuna nibnu l-fidi tagħna. Għandhom spirtu bħal dak taʼ l-appostlu Pawlu, li qal lill-Korintin: “Naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom, billi intom qegħdin iżżommu sħaħ fil-fidi.” (2 Korintin 1:23, 24) Traduzzjoni oħra tgħid: “Qed naħdmu magħkom biex inferrħukom, għax il-fidi tagħkom hija b’saħħitha.” (Contemporary English Version) Il-ġusti jgħixu bil-fidi. M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jistaʼ jeżerċita fidi għalina jew jagħmilna nies li nżommu l-integrità. F’dawn l-affarijiet, ‘irridu nerfgħu t-tagħbija tagħna.’—Galatin 3:11; 6:5.
4. Ir-rakkonti Skritturali dwar il-qaddejja leali t’Alla kif jgħinuna nsaħħu l-fidi tagħna?
4 L-Iskrittura hija miżgħuda b’rakkonti taʼ wħud li kellhom il-fidi. Forsi nafu b’ħafna mill-għemejjel taʼ l-għaġeb tagħhom, imma xi ngħidu dwar il-fidi li wrew fil-ħajja taʼ kuljum, forsi tul ħajja twila? Il-fatt li issa nirriflettu fuq kif urew din il-kwalità f’ċirkustanzi simili għal tagħna jistaʼ jgħinna biex insaħħu l-fidi tagħna.
Il-Fidi Tagħtina l-Kuraġġ
5. Liema evidenza Skritturali hemm li l-fidi ssaħħaħna biex inxandru l-kelma t’Alla bil-kuraġġ?
5 Il-fidi tqawwina biex inxandru l-kelma t’Alla bil-kuraġġ. Ħenok bassar bil-qlubija li Alla kien se jagħmel ġudizzju. “Ara,” hu qal, “il-Mulej ġej, bl-eluf taʼ l-anġli qaddisa tiegħu, biex jagħmel ħaqq minn kulħadd u jikkundanna l-ħżiena kollha għal kull xorta taʼ ħażen li għamlu, u għall-kliem iebes kollu li qalu kontra tiegħu l-midinbin ħżiena.” (Ġuda 14, 15) Żgur li l-għedewwa taʼ Ħenok, li kienu ċaħdu lil Alla, riedu joqtluh malli semgħu dan il-kliem. Madankollu, hu b’kuraġġ tkellem bil-fidi, u Alla “ħadu” billi raqqdu fil-mewt, milli jidher mingħajr ma ħallieh isofri l-uġigħ tal-mewt. (Ġenesi 5:24; Lhud 11:5) Aħna ma nesperjenzawx mirakli bħal dawn, imma Jehovah iwieġeb it-talb tagħna sabiex inkunu nistgħu nxandru kelmtu bil-fidi u bil-kuraġġ.—Atti 4:24-31.
6. Il-fidi u l-kuraġġ mogħtijin minn Alla kif għenu lil Noè?
6 Bil-fidi Noè “bena arka biex isalva l-familja tiegħu.” (Lhud 11:7; Ġenesi 6:13-22) Noè kien ukoll “ħabbâr tal-ġustizzja” li bil-kuraġġ xandar it-twissija t’Alla lin-nies taʼ żmienu. (2 Pietru 2:5) Żgur li dawn waqqgħu għaċ-ċajt il-messaġġ tiegħu dwar id-Dilluvju li kien ġej, bħalma xi wħud iwaqqgħuna għaċ-ċajt meta nuruhom provi Skritturali li s-sistema t’affarijiet preżenti dalwaqt se tinqered. (2 Pietru 3:3-12) Madankollu, bħal Ħenok u Noè nistgħu nwasslu messaġġ bħal dan minħabba l-fidi u l-kuraġġ tagħna mogħtijin minn Alla.
Il-Fidi Tagħmilna Paċenzjużi
7. Abraham u oħrajn kif urew il-fidi u l-paċenzja?
7 Għandna bżonn il-fidi u l-paċenzja, speċjalment waqt li qed nistennew it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Fost dawk ‘li bil-fidi u s-sabar se jiksbu l-wegħdiet’ hemm il-patrijarka Abraham, bniedem li kellu l-biżaʼ t’Alla. (Lhud 6:11, 12) Bil-fidi hu ħalla l-belt taʼ Ur, bil-vantaġġi kollha tagħha, u sar stranġier f’art barranija li Alla kien wiegħdu. Iżakk u Ġakobb kienu werrieta taʼ din l-istess wegħda. Madankollu, “kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed.” Bil-fidi huma ‘xtaqu pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema.’ Għaldaqstant, Alla “ħejja belt għalihom.” (Lhud 11:8-16) Iva, Abraham, Iżakk, u Ġakobb—u n-nisa tagħhom li kellhom il-biżaʼ t’Alla—stennew bil-paċenzja s-Saltna t’Alla tas-sema, li taħtha se jiġu rxoxtati għall-ħajja fuq l-art.
8. Abraham, Iżakk, u Ġakobb minkejja liema sitwazzjoni wrew il-paċenzja u l-fidi?
8 Abraham, Iżakk, u Ġakobb ma tilfux il-fidi tagħhom. Huma ma ħadux kontroll taʼ l-Art Imwiegħda, u ma rawx il-ġnus kollha jitbierku permezz tan-nisel t’Abraham. (Ġenesi 15:5-7; 22:15-18) Għalkemm il-‘belt mibnija minn Alla’ saret realtà sekli sħaħ wara, dawn l-irġiel komplew juru l-fidi u l-paċenzja tul ħajjithom kollha. Żgur li għandna nagħmlu l-istess issa li s-Saltna Messjanika hija reali fis-sema.—Salm 42:6, 12 (42:5, 11, NW); 43:5.
Il-Fidi Tagħtina l-Aqwa Miri
9. Il-fidi kif tinfluwenza l-miri u l-għanijiet?
9 Il-patrijarki leali qatt ma tħajru jimitaw l-istil baxx taʼ ħajja tal-Kangħanin, għax kellhom miri u għanijiet ħafna aqwa. B’mod simili, il-fidi tagħtina miri spiritwali li permezz tagħhom ma nkunux irridu nixbhu lid-dinja li qiegħda taħt idejn il-wieħed ħażin, Satana x-Xitan.—1 Ġwann 2:15-17; 5:19.
10. Kif nafu li Ġużeppi fittex mira ħafna aqwa minn dik taʼ prominenza fid-dinja?
10 Bil-gwida divina, Ġużeppi bin Ġakobb qeda bħala amministratur taʼ l-ikel għall-Eġittu, imma ma kinitx il-mira tiegħu li jkun raġel taʼ fama kbira f’din id-dinja. B’fidi fit-twettiq tal-wegħdi taʼ Jehovah, taʼ 110 snin Ġużeppi qal lil ħutu: “Jiena se mmut, u Alla għad iżurkom żgur u jtellagħkom minn din l-art lejn l-art li ħalef lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb.” Ġużeppi talab li jindifen fl-art tal-wegħda. Meta miet, ġie bbalzmat u mqiegħed f’tebut fl-Eġittu. Imma meta l-Iżraelin inħelsu mill-jasar Eġizzjan, il-profeta Mosè ra li l-għadam taʼ Ġużeppi jittieħed magħhom biex jindifen fl-Art Imwiegħda. (Ġenesi 50:22-26; Eżodu 13:19) Fidi bħal dik taʼ Ġużeppi għandha tqanqalna nfittxu miri ħafna aqwa minn prominenza fid-dinja.—1 Korintin 7:29-31.
11. Mosè b’liema mod wera li kellu miri spiritwali?
11 Mosè “għażel li aħjar ikun imkasbar flimkien mal-poplu taʼ Alla milli jgawdi l-hena tad-dnub, hena li jgħaddi f’qasir żmien” bħala membru tal-familja rjali taʼ l-Eġittu li ħa edukazzjoni kbira. (Lhud 11:23-26; Atti 7:20-22) Hu kellu jċedi l-prestiġju fid-dinja u forsi difna speċjali f’tebut kollu tiżjin f’xi post Eġizzjan magħruf. Imma x’kien se jiswielu dan ħdejn il-privileġġ li jkun “il-bniedem taʼ Alla,” il-medjatur tal-patt tal-Liġi, il-profeta taʼ Jehovah, u kittieb tal-Bibbja? (Esdra 3:2) Hija x-xewqa tiegħek li jkollok pożizzjoni ogħla fid-dinja taʼ llum, jew il-fidi tatek miri spiritwali ħafna aqwa minn hekk?
Il-Fidi Twassal għal Ħajja Sodisfaċenti
12. Il-fidi kif effettwat il-ħajja taʼ Raħab?
12 Bil-fidi wieħed mhux biss ikollu miri mill-aqwa imma wkoll ħajja sodisfaċenti. Raħab taʼ Ġeriko żgur li ftit li xejn kienet sodisfatta b’ħajjitha bħala prostituta. Madankollu, kemm inbidlu l-affarijiet meta wriet il-fidi! “Bl-għemil [tal-fidi] kienet iġġustifikata meta laqgħet lill-messaġġiera [Iżraelin] u bagħtithom minn triq oħra,” u b’hekk skappaw mill-għedewwa tagħhom Kangħanin. (Ġakbu 2:24-26) Raħab għarfet li Jehovah kien dak Alla veru, u wriet il-fidi wkoll billi ħalliet il-ħajja tagħha bħala prostituta. (Ġożwè 2:9-11; Lhud 11:30, 31) Hi żżewġet qaddej taʼ Jehovah, u mhux Kangħani li ma kienx taʼ l-istess twemmin tagħha. (Dewteronomju 7:3, 4; 1 Korintin 7:39) Raħab kellha l-privileġġ grandjuż li ssir antenata tal-Messija. (1 Kronaki 2:3-15; Rut 4:20-22; Mattew 1:5, 6) Bħal oħrajn, li xi wħud minnhom ħallew ħajja immorali, hi se tirċievi premju sodisfaċenti ieħor—irxoxt għal ħajja f’art magħmula ġenna.
13. David kif dineb maʼ Batseba, imma liema attitudni wera?
13 Wara li ħalliet il-ħajja midinba tagħha, Raħab milli jidher baqgħet tgħix ħajja tajba. Madankollu, xi wħud li ilhom dedikati lil Alla għal żmien twil dinbu serjament. Is-Sultan David għamel adulterju maʼ Batseba, irranġa biex żewġha jinqatel f’battalja, u mbagħad ħadha bħala martu. (2 Samwel 11:1-27) David, li nidem b’niket kbir ferm, issupplika lil Jehovah: “Tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.” David ma tilifx l-ispirtu t’Alla. Hu kellu fidi li Jehovah, bil-ħniena tiegħu, ma kienx se jwarrab “qalb maqsuma u sogħbiena” minħabba d-dnub. (Salm 51:13, 19 [51:11, 17, NW]; 103:10-14) Minħabba l-fidi tagħhom, David u Batseba gawdew is-sodisfazzjon li jkunu antenati tal-Messija.—1 Kronaki 3:5; Mattew 1:6, 16; Luqa 3:23, 31.
Il-Fidi Tissaħħaħ Billi Niġu Żgurati
14. Gidgħon kif ġie żgurat, u dan ir-rakkont kif jistaʼ jeffettwa l-fidi tagħna?
14 Għalkemm aħna nimxu bil-fidi, kultant jistaʼ jkollna bżonn li niġu żgurati li Jehovah se jgħinna. Hekk ġralu l-Imħallef Gidgħon, wieħed minn dawk li “bil-qawwa tal-fidi . . . rażżnu saltniet.” (Lhud 11:32, 33) Meta l-Midjanin u l-alleati tagħhom invadew Iżrael, l-ispirtu t’Alla ħataf lil Gidgħon. Billi xtaq li Jehovah jiżgurah li kien miegħu, hu ppropona li jagħmel xi provi b’ġeżża suf li kellha titħalla fuq l-andar matul il-lejl. Fl-ewwel prova, in-nida waqgħet biss fuq il-ġeżża, waqt li l-art baqgħet niexfa. Is-sitwazzjoni kienet bil-kontra fit-tieni prova. Ladarba ġie msaħħaħ b’dawn l-affarijiet li żgurawh mill-għajnuna taʼ Jehovah, bi prudenza Gidgħon aġixxa bil-fidi u għeleb lill-għedewwa taʼ Iżrael. (Mħallfin 6:33-40; 7:19-25) Jekk infittxu li niġu żgurati mill-għajnuna divina meta niffaċċjaw xi deċiżjoni, ma jfissirx li aħna neqsin mill-fidi. Aħna fil-fatt nuru l-fidi billi nfittxu fil-Bibbja u fil-pubblikazzjonijiet Kristjani u billi nitolbu għall-gwida taʼ l-ispirtu qaddis meta nieħdu deċiżjonijiet.—Rumani 8:26, 27.
15. Kif nistgħu niġu megħjunin jekk nirriflettu fuq il-fidi taʼ Barak?
15 Il-fidi taʼ l-Imħallef Barak issaħħet meta ġie żgurat permezz taʼ inkuraġġiment. Il-profetessa Debora ħeġġitu biex jieħu l-inizjattiva ħalli jeħles lill-Iżraelin mill-moħqrija taħt is-Sultan Kangħani Ġabin. Bil-fidi u billi ġie żgurat li Jehovah kien se jgħinu, Barak mexxa f’battalja 10,000 raġel li ma kinux armati wisq u ħarġu rebbiħin kontra l-forzi ħafna akbar taʼ Ġabin li kienu kmandati minn Sisera. Dik ir-rebħa ġiet ċelebrata bl-għanja sabiħa taʼ Debora u Barak. (Mħallfin 4:1–5:31) Debora inkuraġġiet lil Barak biex jaġixxi bħala l-mexxej taʼ Iżrael maħtur minn Alla, u hu kien wieħed mill-qaddejja taʼ Jehovah li bil-fidi “ħarrbu l-eżerċti tal-barranin.” (Lhud 11:34) Il-fatt li nirriflettu dwar kif Alla bierek lil Barak talli aġixxa bil-fidi jistaʼ jqanqalna naġixxu jekk qed inżommu daqsxejn lura milli nwettqu inkarigu taʼ sfida fis-servizz taʼ Jehovah.
Il-Fidi Ġġib il-Paċi
16. Liema eżempju mill-aħjar ta Abraham meta fittex il-paċi maʼ Lot?
16 Bħalma l-fidi tgħinna nwettqu inkarigi diffiċli fis-servizz t’Alla, din iġġib ukoll il-paċi u t-trankwillità. Ix-xwejjaħ Abraham ħalla lil neputih Lot, li kien iżgħar minnu, biex jagħżel l-aħjar artijiet fejn jirgħu l-imrieħel meta r-rgħajja tagħhom tlewmu bejniethom u kien hemm bżonn li jinfirdu. (Ġenesi 13:7-12) Abraham żgur li talab bil-fidi lil Jehovah biex jgħinu jsolvi l-problema. Minflok ma poġġa l-interessi tiegħu l-ewwel, hu rranġa l-affarijiet fil-paċi. Jekk insibu ruħna f’tilwima maʼ xi ħadd minn ħutna Kristjani, ejja nitolbu bil-fidi u ‘nfittxu s-sliem,’ waqt li nżommu f’moħħna l-eżempju t’Abraham li bi mħabba kkunsidra lil oħrajn.—1 Pietru 3:10-12.
17. Għala nistgħu ngħidu li firda ċara li kienet tinvolvi lil Pawlu, Barnaba, u Marku tranġat b’mod paċifiku?
17 Ikkunsidra kif nistgħu nġibu l-paċi billi napplikaw il-prinċipji Kristjani bil-fidi. Meta Pawlu kien wasal biex jitlaq fuq it-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, Barnaba qabel mal-proposta li jerġgħu jżuru l-kongregazzjonijiet f’Ċipru u fl-Asja Minuri. Madankollu, Barnaba ried li jieħdu magħhom lil kuġinuh Marku. Pawlu ma qabilx miegħu għax Mark kien telaqhom f’Pamfilja. “Kellhom xi jgħidu sewwa,” u din it-tilwima ġagħlithom jinfirdu. Barnaba ħa lil Marku miegħu f’Ċipru, filwaqt li Pawlu għażel lil Sila bħala sieħbu u “dar is-Sirja u ċ-Ċiliċja kollha, iwettaq il-Knejjes.” (Atti 15:36-41) Maż-żmien, din il-firda tranġat, għax Marku kien maʼ Pawlu f’Ruma, u l-appostlu tkellem tajjeb dwaru. (Kolossin 4:10; Filemon 23, 24) Meta Pawlu kien il-ħabs f’Ruma madwar is-sena 65 E.K., hu qal lil Timotju: “Ħu ’l Marku u ġibu miegħek, għax hu jiswieli ħafna għall-ministeru.” (2 Timotju 4:11) Milli jidher, Pawlu kien għamel ir-relazzjoni tiegħu maʼ Barnaba u Marku is-suġġett tat-talb tiegħu bil-fidi, u dan irriżulta fit-trankwillità li hija konnessa mas-“sliem taʼ Alla.”—Filippin 4:6, 7.
18. X’ġara x’aktarx fil-każ taʼ Evodja u Sintiki?
18 M’għandniex xi ngħidu, billi aħna imperfetti “lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit.” (Ġakbu 3:2) Darba minnhom qamu xi diffikultajiet bejn żewġ nisa Kristjani, li dwarhom Pawlu kiteb: “Lil Evodja u lil Sintiki nitlobhom bil-ħerqa biex ikunu taʼ fehma waħda fil-Mulej. . . . Għinhom int, għax huma t-tnejn tħabtu miegħi fix-xogħol taʼ l-Evanġelju.” (Filippin 4:1-3) Wisq probabbli li dawn in-nisa bil-biżaʼ t’Alla solvew il-problema tagħhom fil-paċi billi applikaw pariri bħall-wieħed li nsibu f’Mattew 5:23, 24. Jekk illum bil-fidi napplikaw il-prinċipji Skritturali se nagħtu sehem kbir biex inġibu l-paċi.
Il-Fidi Tgħinna Nissaportu
19. Liema sitwazzjoni diffiċli qatt ma qerdet il-fidi taʼ Iżakk u Rebekka?
19 Bil-fidi nistgħu wkoll nissaportu l-għawġ. Forsi nkunu mdejqin għax membru mgħammed tal-familja tagħna m’obdiex lil Alla billi żżewweġ lil xi ħadd mhux taʼ l-istess twemmin. (1 Korintin 7:39) Iżakk u Rebekka sofrew minħabba li binhom Għesaw iżżewweġ nisa li ma kellhomx il-biżaʼ t’Alla. In-nisa Ħittin tiegħu ‘kienu taʼ mrar għal qalbhom’—tant li Rebekka qalet: “Iddejjaqt minn ħajti minħabba l-bniet taʼ Ħet. Jekk Ġakobb jiżżewweġ xi waħda mill-bniet taʼ Ħet bħal dawn, xi mara minn din l-art, xi tkun tiswieli ħajti?” (Ġenesi 26:34, 35; 27:46) Madankollu, din is-sitwazzjoni diffiċli qatt ma qerdet il-fidi taʼ Iżakk u Rebekka. Jalla aħna nżommu fidi b’saħħitha jekk ċirkustanzi diffiċli jsiru taʼ sfida kbira għalina.
20. Liema eżempji taʼ fidi għandna b’Nagħomi u Rut?
20 L-armla xwejħa Nagħomi li kienet Lhudija, kienet taf li xi nisa mil-Lhudija setaʼ jkollhom ulied subien li minnhom kien se jiġi l-Messija. Madankollu, peress li wliedha kienu mietu mingħajr ma kellhom tfal u hi ma setax ikollha tfal iktar minħabba l-età, ftit li xejn kien hemm possibbiltà li l-familja tagħha setgħet tkun parti mil-linja tal-Messija. Minkejja dan, Rut, l-armla taʼ bin Nagħomi, saret mart Bogħaż, raġel avanzat fiż-żmien. Din wilditlu tifel, u saret antenata taʼ Ġesù, il-Messija! (Ġenesi 49:10, 33; Rut 1:3-5; 4:13-22; Mattew 1:1, 5) Il-fidi taʼ Nagħomi u Rut għelbet l-għawġ u ġabitilhom il-ferħ. Aħna wkoll se jkollna ferħ kbir jekk inżommu l-fidi meta niffaċċjaw l-għawġ.
21. Il-fidi x’tagħmel għalina, u x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
21 Għalkemm ma nistgħux ngħidu x’se jkun hemm jistenniena kuljum individwalment, bil-fidi nistgħu nkampaw maʼ kull sitwazzjoni diffiċli. Il-fidi tagħmilna kuraġġużi u paċenzjużi. Tagħtina l-aqwa miri u ħajja sodisfaċenti. Il-fidi għandha effetti pożittivi fuq ir-relazzjoni tagħna m’oħrajn u tegħleb kull għawġ. Mela jalla nkunu “aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.” (Lhud 10:39) Bis-saħħa taʼ Jehovah, Alla tagħna li tant iħobbna, u għall-glorja tiegħu, ejja nkomplu nuru fidi b’saħħitha.
Int Kif Twieġeb?
• Liema provi Skritturali hemm li l-fidi tagħmilna kuraġġużi?
• Għala nistgħu ngħidu li l-fidi tagħtina ħajja sodisfaċenti?
• Il-fidi kif iġġib il-paċi?
• X’jagħti prova li l-fidi tgħinna nissaportu l-għawġ?
[Stampi f’paġna 16]
Il-fidi tat il-kuraġġ lil Noè u Ħenok biex ixandru l-messaġġi taʼ Jehovah
[Stampi f’paġna 17]
Fidi bħal dik taʼ Mosè tqanqalna nfittxu miri spiritwali
[Stampi f’paġna 18]
Il-fidi taʼ Barak, Debora, u Gidgħon issaħħet għaliex ġew żgurati mill-għajnuna divina