Ngħinu Lil Familji Biex Jassiguraw Futur Dejjiemi
1 “Ir-regħba ġġib is-saħħa,” qal negozjant lil klassi li ggradwat f’kulleġġ, fil-waqt li kompla jgħid: “Tistaʼ tkun rgħib u xorta tħossok kuntent bik innifsek.” Dan huwa mod tipiku taʼ kif id-dinja ġġib ’il quddiem l-interess fik innifsek bħala l-mod kif tassigura l-futur tiegħek. B’kuntrast qawwi, Ġesù għallem li Kristjan irid “jiċħad lilu nnifsu . . . għax x’se jiswa għal bniedem jekk jikseb id-dinja kollha kemm hi imma jitlef ruħu?” (Matt. 16:24-26) Biex jassigura futur dejjiemi, wieħed irid jiffoka ħajtu kollha fuq li jagħmel ir-rieda t’Alla—l-iktar mira importanti għall-familji llum. (Salm 143:10; 1 Tim. 4:8) Dan il-messaġġ insibuh fl-aħħar kapitlu tal-ktieb Is-Sigriet Taʼ L-Hena Fil-Familja. Dan il-ktieb ġdid jgħin lin-nies jaraw x’jiswa l-iktar fil-ħajja u kif jistgħu jaġixxu b’mod li jkun taʼ benefiċċju għall-familji tagħhom. Hekk kif inkomplu nippridkaw l-aħbar tajba maʼ kullimkien, x’nistgħu ngħidu biex ninkuraġġixxu lil dawk li niltaqgħu magħhom sabiex jaqraw il-ktieb L-Hena Fil-Familja? Hawn huma xi ftit suġġerimenti:
2 Kemm fuq il-bieb u kemm fit-triq, tistaʼ tuża l-fuljett “Gawdi L-Ħajja Tal-Familja” biex tibda konversazzjonijiet. Tistaʼ tistaqsi:
◼ “Bl-anzjetajiet kollha li l-ħajja moderna ġġib fuqna, tħoss int li huwa possibbli li wieħed ikollu ħajja tal-familja verament hienja? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Dan il-fuljett jiżgurana li dan hu possibbli. Tixtieq taqrah?” Jekk jiġi aċċettat, tistaʼ tkompli billi tgħid: “Peress li tinteressa ruħek f’dan is-suġġett, forsi tieħu pjaċir ukoll b’dan il-ktieb li jipprovdi pariri fid-dettall fuq kif wieħed jistaʼ jsib hena fiċ-ċirku tal-familja.” Uri l-werrej fil-ktieb L-Hena Fil-Familja. Semmi xi titli taʼ kapitli li jolqtu l-għajn. Mur f’paġna 10, u aqra mill-aħħar sentenza taʼ paragrafu 17 sat-tmiem taʼ paragrafu 18. Offri l-ktieb, u semmi l-arranġament tad-donazzjoni kulmeta tqum l-okkażjoni. Spjega li għandek iktar x’turih, u staqsih meta tistaʼ terġaʼ żżuru.
3 Tistaʼ tkompli l-ewwel konversazzjoni li kellek dwar ħajja tal-familja hienja billi tgħid:
◼ “Nixtieq nurik xi ħaġa fil-ktieb li tajtek li naħseb li se tapprezzaha. L-aħħar kapitlu jiffoka fuq il-veru sigriet taʼ l-hena fil-familja. [Aqra paragrafu 2 f’paġna 183.] Innota li ċ-ċavetta hi li naħdmu flimkien f’li nagħmlu r-rieda t’Alla. Aħna nirrikmandaw li l-familji jistudjaw il-Bibbja flimkien biex jitgħallmu x’inhi r-rieda t’Alla u kif japplikawha fid-dar. Qegħdin noffru kors b’xejn taʼ studju mill-Bibbja li jieħu biss ftit xhur biex jitlesta. Jekk tippermettili, nistaʼ nurik kif isir.” Irritorna bil-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? jew il-ktieb Għarfien, skond liema jkun l-iktar addattat.
4 Meta titkellem maʼ sħabek fl-iskola jew maʼ żgħażagħ fit-territorju, għandu mnejn ikollok reazzjoni għal din il-mistoqsija:
◼ “Kemm huwa importanti għall-ġenituri u għal uliedhom li jżommu miftuħin il-linji taʼ komunikazzjoni taʼ bejniethom? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Innota x’jgħid dan il-ktieb taʼ referenza fuq il-ħajja tal-familja dwar is-suġġett taʼ ‘Komunikazzjoni Onesta u Bil-Miftuħ.’ [Aqra paragrafu 4 kollu u l-ewwel sentenza taʼ paragrafu 5 f’paġna 65 tal-ktieb L-Hena Fil-Familja.] Il-paragrafi li jmiss jipprovdu suġġerimenti prattiċi fuq kif wieħed jistaʼ jtejjeb il-komunikazzjoni ġewwa l-familja. Dan il-ktieb jismu Is-Sigriet Taʼ L-Hena Fil-Familja. Jekk tixtieq tarah u twegħedni li taqrah, tistaʼ żżomm din il-kopja.” Spjega li se terġaʼ tgħaddi biex tara x’jaħseb fuq dak li jkun qara.
5 Tistaʼ tkompli tibni fuq l-ewwel konversazzjoni tiegħek maʼ xi żagħżugħ fuq il-komunikazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal billi tgħid hekk:
◼ “Apprezzajt l-interess li wrejt fl-importanza taʼ li jkollok komunikazzjoni tajba ġewwa l-familja tiegħek. X’tgħid int li huwa l-iktar suġġett importanti li l-ġenituri u t-tfal għandhom jiddiskutu?” Agħti ċans għal tweġiba. Imbagħad mur f’paġna 68 tal-ktieb L-Hena Fil-Familja, u aqra t-tweġiba li tinsab fl-ewwel nofs taʼ paragrafu 11. “Li wieħed ikollu studju tal-Bibbja kull ġimgħa huwa mod eċċellenti biex jikseb għarfien dwar Alla.” Ippreżenta l-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? Spjega li s-16-il lezzjoni tiegħu jipprovdu ħarsa bażika tal-messaġġ tal-Bibbja. Aqra l-introduzzjoni f’paġna 2, u mbagħad offrilu li tibda l-istudju billi tiddiskutu flimkien l-ewwel lezzjoni.
6 Jekk tiltaqaʼ maʼ xi ġenitur fix-xogħol minn dar għal dar, jew forsi f’xi ġnien jew f’post fejn jilagħbu t-tfal, tistaʼ tqajjem l-interess billi tgħid:
◼ “Żgur li taqbel miegħi li llum huwa veru taʼ sfida li trabbi t-tfal. X’taħseb int li hi dik il-ħaġa li tistaʼ tipproteġi lill-familja tiegħek minn influwenzi ħżiena? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Hawn insibu parir siewi li jien apprezzajtu.” Irrakkonta t-tixbieha f’paragrafu 1 u aqra paragrafu 2 f’paġna 90 tal-ktieb L-Hena Fil-Familja. Spjega kif dan jagħti direzzjoni bilanċjata li tirnexxi f’li tipproteġi lill-familji minn influwenzi distruttivi. Offri li tħallilu kopja, u agħmel lilek innifsek disponibbli biex twieġeb xi mistoqsijiet li jqumu.
7 Fit-tieni żjara tiegħek maʼ ġenitur li aċċetta l-ktieb “L-Hena Fil-Familja,” tistaʼ tkompli l-konversazzjoni b’dan il-mod:
◼ “Meta ltqajna l-ewwel darba, stajt nara li int jimpurtak b’mod ġenwin minn uliedek u li tixtieq tagħmel dak kollu li tistaʼ biex tipproteġihom minn influwenzi ħżiena. Forsi għadek ma qrajthiex din il-biċċa, imma fil-ktieb li ħallejtlek hemm osservazzjoni importanti ħafna li għandek taraha. [Aqra paragrafu 19 f’paġna 59.] Li niżviluppaw relazzjoni m’Alla jirrikjedi li nsiru nafuh permezz taʼ dak li hemm miktub fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Tixtieq li nurik kif aħna nistudjaw il-Bibbja bħala familja?”
8 Uħud fid-dinja li jagħtu l-pariri ma jistgħux juru lill-familji l-mogħdija għall-hena u żgur li jħalluhom diżappuntati. Ejjew inqassmu kemm jistaʼ jkun il-ktieb L-Hena Fil-Familja sabiex in-nies maʼ kullimkien jistgħu jiġu mgħejjunin mill-Kelma t’Alla biex jassiguraw futur dejjiemi.—1 Tim. 6:19.