Uri Tħassib Ġenwin Fl-Interess Kollu Li Ssib
1 Il-proklamazzjoni mad-dinja kollha tas-Saltna dalwaqt se tasal fi tmiemha, u wara li dan iseħħ dawk kollha “li ma jagħrfux lil Alla” se jġarrbu l-qerda. (2 Tess. 1:7-9) B’hekk, tħassib ġenwin fil-ħajjiet t’oħrajn qed iqanqal lill-poplu taʼ Jehovah biex jilħaq lil kemm jistaʼ jkun nies possibbli bil-messaġġ tas-Saltna.—Sof. 2:3.
2 Kull xahar, miljuni taʼ sigħat jitqattgħu fi tfittxija għal dawk li jixtiequ jisimgħu “bxara” taʼ xi ħaġa aħjar. (Isa. 52:7) Bi tweġiba għall-offerta tal-letteratura kurrenti, ħafna aċċettaw kopji taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa u Stenbaħ! jew il-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? Tħassib ġenwin f’dawn in-nies għandu jqanqalna biex inkomplu nibnu fuq l-interess kollu li nkunu sibna.—Prov. 3:27.
3 Ħu Noti Preċiżi: Se twettaq ħafna iktar jekk iżżomm rekord komplet u preċiż taʼ l-interess u l-letteratura li tkun ħallejt. Informazzjoni bħall-isem u l-indirizz taʼ l-inkwilin, il-ġurnata u l-ħin li żortu, x’letteratura ħallejtlu, u s-suġġett diskuss se tgħinek tkun iktar effettiv meta terġaʼ tmur. Ukoll, jekk tniżżel xi kummenti li għamel l-inkwilin fl-ewwel konversazzjoni tagħkom, int tkun tistaʼ tirreferi għalihom b’mod effettiv hekk kif tkompli d-diskussjoni fiż-żjara lura.
4 Agħmel Iż-Żjajjar Lura Minnufih: Kemm minn dawk li aċċettaw xi letteratura mingħandek ix-xahar li għadda pprovajt terġaʼ żżurhom? Għaddew ġimgħat sħaħ mingħajr ma kien hemm iktar kuntatt? Tħassib ġenwin dwar il-benesseri dejjiemi tagħhom għandu jqanqlek biex tmur lura kemm jistaʼ jkun malajr, preferibbilment fi ftit ġranet, sabiex il-konversazzjoni tkun għadha friska fil-moħħ. Billi tmur lura minnufih biex tkompli tibni fuq l-interess li wrew, int jistaʼ jirnexxilek ittellef l-isforzi taʼ Satana qabel ma “jersaq . . . u jaħtfilhom il-kelma li nżergħet f’qalbhom.”—Mark 4:15.
5 Il-Preparazzjoni Hija Essenzjali: L-effettività tiegħek f’li tagħmel żjajjar lura għandha x’taqsam direttament maʼ kemm tipprepara tajjeb. Ippjana x’se tagħmel qabel ma tmur. Il-paġna taʼ wara taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna t’April 1997 tipprovdi diversi preżentazzjonijiet li tistaʼ tuża b’suċċess meta toffri r-rivisti jew il-brochure X’Jirrikjedi. Il-pass li jmiss huwa li jkollok xi punti f’moħħok fuqiex titkellem meta tirritorna. X’jistaʼ jingħad meta tmur lura biex tkompli fuq l-interess li ntwera? Kif jistaʼ jinbeda studju tal-Bibbja?
6 Meta tmur lura biex tkompli tiddiskuti dwar x’hemm bżonn biex innaddfu l-art u nagħmluha post aħjar biex ngħixu fiha, tistaʼ tgħid:
◼ “Fiż-żjara tiegħi taʼ qabel, qbilna li hemm bżonn taʼ miżuri drastiċi qabel ma l-art tistaʼ tinbidel f’ġenna mimlija paċi. Taħseb li l-bnedmin għandhom il-mezzi biex iwettqu din il-biċċa xogħol? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Jekk jogħġbok innota għala se jkun neċessarju għal Alla li jindaħal fil-kwistjonijiet tal-bniedem.” Aqra Salm 37:38. Imbagħad mur f’lezzjoni 5 tal-brochure X’Jirrikjedi, u uża xi siltiet magħżulin minn paragrafi 4-5 biex turi kif Alla se jwettaq din il-profezija. Kompli billi toffri studju tal-Bibbja permezz tal-brochure.
7 Jekk iddiskutejt dwar is-Saltna t’Alla u ħallejt il-brochure “X’Jirrikjedi” fl-ewwel żjara, meta tkun se terġaʼ tmur tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk:
◼ “L-aħħar li tkellimna, identifikajna s-Saltna t’Alla bħala li hija gvern reali li se jmexxi l-art kollha. Il-Bibbja turi li Ġesù Kristu se jkun il-mexxej taʼ dak il-gvern. Tistaʼ taħseb f’xi benefiċċji li jistaʼ jkollna jekk inkunu taħt dan it-tip taʼ gvern u mexxej?” Ħalli ħin għal tweġiba. Iftaħ il-brochure X’Jirrikjedi f’lezzjoni 6. Billi tuża xi punti magħżulin minn paragrafi 6-7 u l-istampa f’paġna 13, uri x’se tagħmel is-Saltna t’Alla għall-umanità fil-futur. Aqra Danjel 2:44, u jekk hu xieraq, introduċi l-ktieb Għarfien u offri studju tal-Bibbja.
8 Jekk sibt lil xi ħadd li ammetta li r-reliġjonijiet tad-dinja ħolqu problemi għall-umanità, tistaʼ tistaqsih dan fiż-żjara lura:
◼ “Qatt ħsibt dwar kif nistgħu nkunu nafu liema reliġjon għandha l-approvazzjoni t’Alla? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Dan il-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? isemmi l-marki li jidentifikaw il-vera reliġjon.” Mur f’lezzjoni 13, u enfasizza l-ħames punti fil-korsiv f’paragrafi 3-7. Tistaʼ tkompli billi tgħid: “Flimkien maʼ li nsibu l-vera reliġjon, irridu nsibu x’jirrikjedi Alla minna individwalment.” Aqra Ġwann 4:23, 24. Offri li tkompli tiddiskuti dan. Mur f’lezzjoni nru. 1 fil-brochure, u uri kif aħna nistudjaw.
9 Meta tmur lura biex tkompli diskussjoni dwar l-hena fil-familja, tistaʼ tgħid xi ħaġa simili għal dan li ġej:
◼ “Meta ltqajna l-ewwel darba, qsamt miegħek is-sigriet taʼ l-hena fil-familja, jiġifieri li napplikaw il-pariri misjubin fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Meta tiġi biex tittratta l-bżonnijiet taʼ familja moderna, temmen li l-Bibbja hija antika jew aġġornata?” Ħalli ħin għal tweġiba. Ippreżenta l-ktieb Għarfien. Mur f’kapitlu 2, u aqra l-kwotazzjoni f’paragrafu 13. Billi tuża l-punti f’paragrafu 3, offri studju tal-Bibbja bħala familja.
10 Billi nieħdu noti preċiżi, nagħmlu preparazzjoni essenzjali, u mmorru lura minnufih biex inkattru l-interess tagħhom, nistgħu nuru t-tip taʼ mħabba lejn il-ġar li se tattirahom lejn il-mogħdija tas-salvazzjoni.—Matt. 22:39; Gal. 6:10.